Caritas Malta nediet ir-raba’ edizzjoni tal-attività annwali Caritas Run For Life, li se ssir nhar il-Ħadd, l-1 ta’ Marzu 2026, bl-appoġġ ta’ SportMalta u bil-kollaborazzjoni ta’ St Patrick’s Athletic Club. L-attività tinkludi ġirja jew mixja ta’ 10km li tibda u tispiċċa miċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas f’Ħaż-Żebbuġ. Se jkun hemm ukoll l-għażla ta’ mixja jew ġirja ta’ 5km, kif ukoll kategoriji għat-tfal: ġirja ta’ 1km għat-tfal bejn is-6 u d-9 snin u ġirja ta’ 2.5km għat-tfal bejn l-10 u l-15-il sena.

Il-Caritas Run For Life hija attività li kull sena tattira numru dejjem akbar ta’ parteċipanti u tgħaqqad il-ġbir ta’ fondi mal-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja sana u attiva. Waqt konferenza stampa, id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, qasam esperjenza dwar persuna li bdiet tipparteċipa f’attivitajiet fiżiċi wara li ħadet sehem għall-ewwel darba fil-Caritas Run For Life. Qal ukoll kif resident ieħor fi programm ta’ riabilitazzjoni rrakkonta kif l-opportunità li jkun voluntier u jgħin lill-oħrajn tatu sens ta’ sodisfazzjon li qatt ma kien esperjenza qabel.

Is-Sur Mark Cutajar, Chairman ta’ SportMalta, faħħar ix-xogħol li tagħmel Caritas Malta u esprima li huwa obbligu li SportMalta tkun parti ta’ kull sena f’din il-missjoni. Qal li “permezz ta’ din l-attività qed immexxu nazzjon għall-iktar saħħa u inklużjoni. Caritas u SportMalta nkomplu ngħaqqdu bicca minn din il-puzzle biex inressqu iktar nies lejn l-attività fiżika. Meta għamilna l-awards night, Caritas Malta kienet minn tal-bidu li ħadet award, imma ’l bogħod mill-unuri u l-midalji hemm dan l-iskop tant tajjeb, m’hemmx għalfejn tkun xi atleta biex tieħu sehem, għax permezz tal-mixja, anki fl-ambjent rurali li ssir fih, wieħed ikun jista’ jserraħ il-menti u jieħu gost. F’din il-missjoni nressqu lit-tfal, żgħażagħ u anzjani u nħeġġu l-attività fiżika.” 

Il-Caritas Run For Life tifforma parti mill-programm ta’ Athletics Malta. Is-Sur Ray Spiteri, President ta’ St Patrick’s Athletic Club, spjega li se jingħataw premjijiet f’diversi kategoriji u l-parteċipanti kollha jirċievu goodie bag u midalja kommemorattiva. Is-Sur Andrew Attard, l-Assistent Eżekuttiv tad-Direttur ta’ My Convenience and My Supermarket u The Sandra Calleja Foundation, enfasizza l-importanza tal-investiment fin-nies permezz tal-promozzjoni tal-attività fiżika, b’mod partikolari fi żmien meta d-droga hija aktar aċċessibbli minn qatt qabel. Żied jgħid li “anki permezz tat-twaqqif tal-Fondazzjoni The Sandra Calleja Foundation se nkunu nistgħu nilħqu aktar NGOs u nkunu dejjem ta’ sostenn f’attivitajiet bħal dawn.”

Kulħadd huwa mistieden jipparteċipa u jagħti donazzjoni favur is-servizzi ta’ Caritas Malta. Reġistrazzjoni online: https://caritasmalta.org/product/caritas-run-for-life-2026/.

Il-Caritas Run For Life ma tkunx possibbli mingħajr is-sapport ta’ SportMalta, St Patrick’s Athletic Club, My Convenience and My Supermarket, The Sandra Calleja Foundation, GO & Fun Isotonic Sport Drink, Athletics Malta, Eurosport, GS Health and Safety, Malta Public Transport, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, LESA, il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, St John Ambulance and Rescue, Comtec Services Ltd, Agius Watches, Coros, General Soft Drinks, MITA, AMSM, Miller Distributors Ltd, Techprint, Audio Rentals Malta, Envi Innovations, Casapinta, Emergency Malta (Private Medical Services), Smart Technologies, Copyserv, Pierre Cordina u oħrajn.