Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ħaddara tal-Għarus. Ma nafx jekk qattx ħsibna li din il-kelma Ġesù jużaha biex jiddeskrivi lilna, id-dixxipli tiegħu – Ħaddara tal-Għarus. Il-ħaddara kienu dawk li kienu jiċċelebraw it-tieġ u kienu ovvjament pereżempju t-toroq jiksuhom bil-ħaxix, għalhekk kienu ħaddara u jżejjnu. Ħafna drabi kienu jkunu bil-liedna. Kienu jkunu l-ħaddara. Il-ħaddara kienu dawk li jipparteċipaw, u kienu jkunu mħallsin, mhux għax aħna mħallsin min Ġesù. Kienu jkunu dawk li mqabbdin biex jieħdu ħsieb din il-festa tat-tieġ.

Illum it-tieġ ngħixuh b’mod differenti. Il-Ħaddara tal-Għarus – dawk li jiċċelebraw il-festa tal-imħabba tal-Għarus. U għalhekk l-ewwel sinjal tiegħu jsir waqt festa ta’ tieġ. Skont il-Evanġelju ta’ San Ġwann, l-ewwel wieħed mis-sinjali tiegħu isir f’Kana tal-Galilija waqt festa ta’ tieġ fejn jispiċċa l-inbid. Ommu tintervjeni, tgħidlu, “M’għandhomx inbid”, jgħidilha, “X’għandna x’naqsmu, mara!” U hi tgħidilhom, “Għamlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2: 1-11)

 Is-silta fl-Evanġelju ta’ San Ġwann tikkonkludi li d-dixxipli raw il-glorja tiegħu u emmnu fiH. Dan kien l-ewwel sinjal tal-Mulej f’Kana tal-Galilija. Anke Ġwanni l-Għammied, Ġwanni l-Battista jiddeskrivi lilu nnifsu bħala l-ħabib tal-Għarus. Allura Ġesù huwa ddentifikat mal-għarus.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Tkun ħaġa sabiħa jekk aħna nidħlu f’din l-ispiritwalità ta’ Ġesù, l-Għarus tal-Knisja tiegħu li skont San Ġwann Krisostmu mbagħad fuq is-salib, jagħti ħajtu biex titwieled l-għarusa tiegħu l-Knisja. Anke San Pawl l-Appostlu Missierna jgħid, “Jiena ħejjetkom biex tkunu għarusa bla tebgħa lill-ġnus (ara 2 Kor 11:2). Jgħid ukoll li l-misteru taż-żwieġ huwa l-misteru tal-imħabba taż-żwieġ ta’ Ġesù mal-Knisja (ara Ef 5:31-32).

 Tkun ħaġa sabiħa li aħna nirriflettu, nidħlu fil-profondità ta’ din ix-xbieha sabiħa tal-għerusija ta’ Ġesù. Aħna l-Ħaddara tal-Għarus. Ġesù jgħid, “Jiena magħkom”, m’hemmx għalfejn issewwdu qalbkom, m’hemmx għalfejn issumu (ara Mt 9:15).  Is-sawm, biex ngħidu hekk, fil-fehma tal-Fariżej u anke tad-dixxpli ta’ Ġwanni, huwa sinjal ta’ luttu, mentri fil-kuntest tagħna għandu dan is-sinifikat fil-Ġimgħa l-Kbira. Is-sawm fil-Ġimgħa l-Kbira huwa l-mument fejn l-Għarus jittieħed, u allura nsumu.

Imma s-sawm ta’ matul ir-Randan, għandu sinifikat ieħor. Hemm diversi sinifikati tas-sawm. Ovvjament jintgħażel dan l-Evanġelju fl-ewwel Ġimgħa tar-Randan, għaliex qed jippreparana biex il-Ġimgħa b’antiċipazzjoni għall-Ġimgħa l-Kbira jkun dejjem sawm ta’ luttu, sawm li fih aħna sejrin nantiċipaw il-mument meta jitteħdilna l-Għarus, u allura nsumu għaliex il-festa mingħajr l-Għarus ma ssirx. U lanqas mingħar għarusa. Imma immaġinaw intom ikun hemm koppja qed tipprepara għaż-żwieġ imbagħad iħassru, ma jsirx it-tieġ. M’hemmx x’jagħmlu. Itteħdilna l-għarus. L-għarus jitteħdilna b’diversi modi. Jkollna bżonn insumu proprju bi stennija li jerġa’ jiġi.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Id-dixxipli ta’ Ġwanni kienu jsumu b’sens ta’ penitenza għaliex ma kellhomx il-preżenza t’Alla fosthom, imma Ġesù huwa l-għarus u għal Ġwanni rigal – “Dan huwa l-Ħaruf t’Alla” (Ġw 1:29).  Il-Ħabib tagħna lkoll. Hemm bżonn li jiena niċkien u Huwa jikber. Naħseb ġie li spjegajtilkom li fl-indikazzjonijiet għall-Isqof, l-Isqof ma jużax ċ-ċurkett tal-għerusija mal-Knisja, fil-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid sakemm niċċelebraw il-Vġili, għaliex iċ-ċurkett tal-Isqof huwa ċ-ċurkett tal-għerusija ta’ Kristu mal-Knisja, allura peress li jittieħed l-Għarus, fil-Ġimgħa l-Kbira l-Isqof ma jilbisx iċ-ċurkett u anke Sibt il-Għid filgħodu. Imbagħad jerġa’ jilbsu għall-Vġili tal-Għid. Hemm sinifikat kbir. Fil-fatt jien fil-Ġimgħa l-Kbira, nħoss il-fatt li jiena m’għandix iċ-ċurkett għaliex l-Għarus jittieħed.

Ejjew naħsbu llum wkoll, l-aħwa, f’tant nies li huma msejħin ikunu ħaddara tal-Għarus, ikunu parti mill-festa tal-Għarus, imma din il-ħaġa ma jħossuhiex fil-ħajja tagħhom. Jew għax tbiegħdu, jew għax ilhom ma jersqu lejn is-Sagramenti. B’xi mod itteħdilhom l-Għarus, għaliex tbiegħdu.

Hija wkoll stedina għalina. Nistgħu nsumu minn ħafna affarijiet. Nippruvaw ma nsumux mill-Għarus dan ir-Randan. Anzi nkunu ħaddara tiegħU li qed niċċelebraw l-imħabba tiegħU għalina. Meta mbagħad fil-Ġimgħa l-Kbira jitteħdilna, aħna nafu li se jirritorna rebbieħ. Is-sawm tagħna tal-Ġimgħa l-Kbira mhuwiex negattiv, imma huwa sawm ta’ stennija, bħalma hu l-misteru ta’ Sibt il-Għid.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Allura anke meta niċċaħdu f’dan ir-Randan, ma nkunux qalbna sewda. Ġesù jgħid, anzi mhux tagħmel qalbek jew wiċċek qisu ta’ swied il-qalb, imma għix is-sawm bħala sawm ta’ stennija, sawm ta’ purifikazzjoni. Il-Qari sabiħ mill-Profeta Iżaija li smajna llum jitkellem dwar il-fejqan tal-ġrieħi tagħna. Jekk inti tieħu ħsieb ‘l ħuk hemmhekk inti timtela’ bid-dawl, issir dawl. “Jingħalqu l-ġrieħi tiegħek”, jgħid (ara Iż 58:1-9a).  Għax is-sawm huwa li tieħu ħsieb xulxin. Dak is-sawm fih innifsu.

Kull min jagħti mill-esperjenza tal-imħabba vera, jaf li tirrikjedi s-sawm tagħha. U għalhekk aħna ħaddara tal-Għarus. Ġesù huwa l-Għarus tal-Knisja imma wkoll ta’ kull wieħed u waħda minna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Iż 58:1-9a
Salm: Salm 50(51):3-4,5-6a,18-19
L-Evanġelju: Mt 9:14-15