L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ras ir-Randan huwa l-bieb għal żmien speċjali, żmien meta l-Knisja tistedinna nerġgħu nduru lejn Alla u jkun hu fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna. L-Evanġelju li għadna kif smajna, mid-Diskors tal-Muntanja skont San Mattew, għandu l-kliem ta’ Ġesù bi proposti pożittivi, mimlija mħabba.
Ġesù jitkellem fuq tliet pilastri tar-Randan: il-karità, it-talb u s-sawm. Dawn huma fil-qalba tar-Randan fi żmienna. Imma, innutaw: Ġesù ma jgħidx: jekk tagħtu karità, jekk titolbu, jekk issumu. Imma jgħid ‘meta’. Għax hu jrid jenfasizza li dawn mhumiex għażliet sekondarji għad-dixxiplu; huma r-ritmu ta’ qalb li trid iddur dejjem aktar lejh.
L-ispazju moħbi tal-qalb
U meta jgħid ‘meta’, għal tliet darbiet jirrepeti l-istess twissija fuq dawn l-affarijiet tajbin: tagħmlux l-opri tajba tagħkom biex tidhru quddiem il-bnedmin. Għalhekk mhuwiex qed jitkellem dwar sempliċiment dak li jidher minn barra; imma huwa dwar awtentiċità minn ġewwa.
Ras ir-Randan iqegħidna quddiem verità ċara għal ħajjitna: nistgħu nagħmlu affarijiet qaddisa għal raġunijiet mhux qaddisa. Nistgħu nagħtu b’ġenerożità – imma nkunu qed infittxu l-ammirazzjoni tal-oħrajn. Nistgħu nitolbu b’mod sabiħ – u nixtiequ li nkunu nnutati mill-oħrajn fit-talb tagħna. Nistgħu nsumu – u nsiru kburin bis-sagrifiċċju li nkunu qed nagħmlu.

Ġesù juża xbieha qawwija: “Tmurx iddoqq it-trombi quddiemek” (Mt 6:2). Fi żmienu, ċerti prattiċi reliġjużi kienu saru teatrali. Id-devozzjoni kienet tirriskja li ssir spettaklu. Kemm hija attwali din il-kelma għal żmienna! Forsi iktar ukoll għal żmienna, għax ngħixu f’kultura tal-viżibbiltà. Kollox jiġi shared fuq il-media soċjali. Kollox jitpoġġa għall-wiri. Anke l-affarijiet tajbin jistgħu jispiċċaw sempliċiment spettaklu.
Imma l-Mulej ifakkarna: “Missierek jara dak li hu fil-moħbi” (Mt 6:4). Tliet darbiet f’din is-silta Ġesù jitkellem dwar dak li jsir “fil-moħbi.” Il-kelma Griega għal moħbi hi “krypto”, bħal “kripta” – li, fil-fatt, tissuġġerixxi xi ħaġa moħbija, interjuri, mhux viżibbli għall-għajnejn tal-bnedmin. Il-ħajja Nisranija mhijiex palk. Hija relazzjoni. U r-Randan jistedinna nerġgħu niskopru l-ispazju moħbi tal-qalb.
Il-karità: l-imħabba li ħierġa mill-qalb
Ħa nħarsu lejn dak li qed jitlob minna b’mod partikulari fir-Randan f’dawn it-tlieta li jsemmi Ġesù. Isemmi l-ewwel il-karità li tħeġġeġ fina l-ġenerożità. Il-karità vera tbiddel il-ħarsa tagħna. Tgħallimna naraw lil dawk li s-soċjetà tinjora. Meta nagħmlu karità, nimitaw il-ġenerożità moħbija ta’ Alla, li jagħti kontinwament – li jagħti nifs, ħajja, grazzja.
F’dan ir-Randan nitolbu lill-Mulej biex dejjem jgħinna nkunu ġenerużi. U speċjalment li nagħrfu kif nieqfu mal-fqar u ma’ dawk li huma l-aktar fil-bżonn, u nagħmlu dan fis-skiet u fil-kwiet, bla ħafna daqq tat-trombi. Karità bil-flus, fl-għotjiet, dejjem huma bżonnjużi, imma wkoll bil-ħin li nagħtu lil dawk li jeħtieġu min jismagħhom, min jissapportjahom.
Waħedna miegħu
Meta Ġesù jitkellem fuq it-talb, jgħid: “Idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi” (Mt 6:6). Hawn mhux qed jitkellem biss dwar privatezza. Qed jitkellem dwar l-interjorità. Dwar dik il-kamra mqaddsa tar-ruħ fejn aħna noqogħdu waħedna quddiem Alla – bla maskri u bla spettaklu.
Hemmhekk ma nistgħux nimpressjonawh, għax hu jara lil hinn mill-faċċata, jara l-qalb. Miegħu nistgħu inkunu biss onesti. U l-onestà hija l-bidu tal-indiema, tal-bidla għal ħajja aħjar.

Is-sawm mill-ego
Ir-Randan huwa dwar il-ħelsien tagħna minn ġewwa. Is-sawm iservi biex inqiegħdu f’ordni l-“aptiti” tagħna. Insumu mhux biss mill-ikel – li hu sagrifiċċju – imma wkoll mid-distrazzjoni kontinwa.
Ġesù jitkellem fuq is-sawm, u jgħid: “Tqarrsux wiċċkom bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor” (Mt 6:16). Is-sawm veru mhuwiex wirja esterna; huwa purifikazzjoni interjuri.
Nixtieq hawnhekk infakkar fl-appell tal-Papa Ljun XIV fil-messaġġ tiegħu għar-Randan, meta jitkellem fuq is-sawm u fuq is-sagrifiċċju. Jgħid: “Għalhekk nixtieq nistedinkom għal għamla ta’ ċaħda konkreta ħafna u spiss ftit li xejn apprezzata, jiġifieri dik mill-kliem li bih nidorbu u nweġġgħu lill-proxxmu tagħna. Ejjew nibdew inżarmaw il-lingwaġġ, nagħtu daharna lil kliem li jaqta’ fil-laħam il-ħaj, lill-ġudizzju immedjat, lill-paroli fuq min mhux preżenti u ma jistax jiddefendi ruħu, lill-kalunnji. Minflok, ħa nagħmlu sforz biex nitgħallmu nqisu kliemna u nrawmu fina l-ġentilezza: fil-familja, bejn il-ħbieb, fuq il-postijiet tax-xogħol, fuq il-midja soċjali, fid-dibattiti politiċi, fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, fil-komunitajiet Insara. U hekk flok il-ħafna kliem ta’ mibegħda jkollna kliem ta’ tama u ta’ paċi.”
“Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom”, jgħid Ġesù, tkerrhuhx. Meta ngħixu l-ħajja Nisranija kif irid minna hu, din ma ġġibx qrusa jew kruha imma biss tbissima ġenwina ħierġa mill-qalb.

Nerġgħu nibdew
Ras ir-Randan huwa jum ta’ ħafna tama. Jgħidilna li l-bidla hija possibbli. Li l-qlub jistgħu jinfetħu. Li r-relazzjonijiet jistgħu jfiqu. Li l-fidi tista’ tikber. Nibdew ir-Randan bl-għarfien li aħna maħbubin minn Alla li jridna dejjem aħjar.
Ftit mumenti oħra nisimgħu l-kliem: “Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba”. Hu l-kliem li jsieħeb it-tqegħid tal-irmied. L-irmied mhux maħsub biex b’xi mod ibeżżagħna; l-iskop tiegħu hu li l-Mulej jeħlisna. Jeħlisna mill-kburija tagħna. Jekk il-ħajja hija dwar il-verità, dwar li nerġgħu lura għand Alla, allura l-irmied huwa don.
L-irmied jgħidilna bil-kwiet: m’intix Alla. Imma int maħbub minn Alla. Jistedinna: Erġa’ lura. L-irmied ifakkarna li aħna pellegrini – mexjin lejn l-Għid, lejn Kristu Rxoxt, lejn ħajja mġedda. Fi żmien erbgħin jum niċċelebraw il-Qawmien, imma llum nieqfu fl-umiltà.
Jalla dan ir-Randan ma jkunx dwar l-apparenzi, dwar obbligu minimu, dwar li nippruvaw xi ħaġa quddiem l-oħrajn. Imma jkun dwar ħaġa waħda biss: li nerġgħu lura għand il-Missier b’qalbna kollha.
Il-Missier jara mhux biss l-azzjonijiet tagħna, imma l-isforzi tagħna. Jara l-isforzi li ħadd ma jinnota. Jara d-dmugħ li jkun moħbi. Jara l-ġlieda kontra t-tentazzjoni. Jara x-xewqa li nbiddlu ħajjitna anke meta naqgħu. Xejn minn dak li jsir bl-imħabba ma jintilef quddiem Alla. U Alla l-Missier li jara dak li hu fil-moħbi, iwassalna għall-ħajja vera.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġoel 2:12-18
Responsorju: Salm 50(51):3-4,5-6a,12-13,14,17
Qari II: 2 Kor 5:20–6:2
L-Evanġelju: Mt 6:1-6,16-18




