L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ibni, dnubietek maħfura” (Mk 2:5). Dawn huma l-ewwel kelmiet li Ġesù qal lill-mifluġ f’din il-ġrajja li baqgħet tissemma – meta erbgħa min-nies ġarrew lil dan il-mifluġ biex Ġesù jfejqu. Meta waslu fejn id-dar fejn kien hemm Ġesù, raw li ma setgħux jidħlu għax kien hemm ħafna nies ġewwa u barra. Għalhekk, li għamlu hu li telgħu fuq is-saqaf, fetħu toqba u niżżluh minn hemm. Bil-Malti ngħidu “jekk ma tidħolx mill-bieb, tidħol mit-tieqa”, imma dawn marru iktar ’il fuq, u niżżluh minn hemm quddiem Ġesù.

U Ġesù, l-ewwel kliem li qal, kien: “Ibni, dnubietek maħfura”. Aħna bqajna niftakru din il-ġrajja bħala l-ġrajja ta’ meta Ġesù fejjaq lil wieħed mifluġ li niżżluh mis-saqaf. Imma Ġesù, l-enfasi li ried jagħmel u l-ewwel ma qal kien: “Ibni, dnubietek maħfura”. 

Ħa nħarsu lejn dawn in-nies f’din il-ġrajja, għax il-persuni li hemm fiha jgħallmuna ħafna. L-ewwel nett, dawn l-erbgħa min-nies li ġarrew lill-mifluġ. Kienu nies li jħobbu, li lesti li jgħinu. Kienu nies ta’ fidi. U l-fidi tagħhom wasslithom biex ikunu determinati li, b’xi mod jew ieħor, jaslu quddiem Ġesù b’dan il-mifluġ. Għalhekk, l-Evanġelju jgħid li Ġesù “ra l-fidi tagħhom” (Mk 2:5) – ta’ dawn l-erbgħa li ġarrew lill-mifluġ. Jekk inħarsu lejn il-mifluġ, nitgħallmu kemm hu importanti li naċċettaw l-għajnuna. Dal-bniedem kellu bżonn l-għajnuna, aċċetta l-għajnuna ta’ dawk li setgħu tassew jieqfu miegħu, u permezz tagħhom li wasal għand Ġesù. Qatt ma kien jirnexxielu jasal hemm kieku ma kienx għax hu aċċetta l-għajnuna ta’ dawn l-erbgħa min-nies.

Imbagħad, mal-ewwel jolqotna Ġesù li hu dejjem ta’ qalb ħelwa, mimlija kompassjoni, u jagħraf il-profondità tal-qalb. L-ewwel ħaġa li jgħid lil dal-bniedem li niżżluh mis-saqaf hu: “Ibni, dnubietek maħfura”. Forsi n-nies stess li ġarrew qalu f’qalbhom: imma aħna rriduk tfejqu! L-Evanġelju jgħid li fost in-nies li kien hemm “uħud mill-kittieba f’qalbhom bdew jgħidu: ‘Dan kif qiegħed jitkellem hekk’?” (Mk 2:7). U Ġesù li jagħraf il-qalb u jagħraf il-moħħ, intebah b’dan, u qalilhom: “Mela biex tkunu tafu li bin il-bniedem għandu s-setgħa li jaħfer id-dnubiet…” (Mk 2:10) u fejjaq lil dan il-mifluġ. Araw kif Ġesù ra l-ħtiġijiet kollha ta’ dal-bniedem, imma l-ewwel tah lura l-grazzja: “dnubietek maħfura”. Qed jgħid Ġesù li quddiem il-ħtiġijiet kollha, l-aktar importanti hija l-paċi tal-qalb, li aħna nkunu fil-grazzja ta’ Alla. Imbagħad fejqu, imma l-ewwel ra l-ħtieġa li lil dal-bniedem jippurifikah, jeħilsu minn dnubietu, biex ikunu jista’ jgħix tassew fil-paċi.

Tolqotna kemm fost in-nies preżenti kien hemm dawn il-kittieba li, tagħmel x’tagħmel, dejjem se jsibu x’jgħidu fuq Ġesù. Imma fl-istess waqt hemm in-nies l-oħra li, l-Evanġelju jgħid, meta raw dan il-miraklu u raw il-mifluġ qawwi u sħiħ u ħiereġ barra bil-friex, “bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: ‘Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom’” (Mk 2:12)

Ejjew aħna llum infaħħru lil Alla għal dak li jagħmel magħna. Nirringrazzjawh talli hu jgħinna biex neħilsu mid-dnubiet tagħna, jagħtina l-maħfra ta’ dnubietna, u jgħinna ngħixu fil-grazzja tiegħu. U nitolbuh ukoll, aħna u nħarsu lejn dawn in-nies preżenti, li aħna jkollna din il-fidi, din l-imħabba u din id-determinazzjoni ta’ dawn in-nies li ħadu lill-mifluġ quddiem Ġesù, biex aħna wkoll nistgħu mmorru aħna quddiem Ġesù biex lilna jagħtina dak li neħtieġu f’ħajjitna, imma wkoll nieħdu lill-oħrajn, inressquhom lejn Ġesù, biex fih isibu tassew is-Salvatur, il-Mulej.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta