Il-kappillani tal-parroċċi f’Malta ltaqgħu għal-live-in annwali bit-tema li kienet ‘Il-Parroċċa: Illum u Għada’, li ġiet diskussa permezz ta’ diversi mistiedna. 

Dun Karm Farrugia, il-Kappillan ta’ Ħal Balzan, tħaddet dwar it-43 sena esperjenza tiegħu bħala kappillan u x’jaħseb li huma l-prijoritajiet tal-kappillani llum. Dun Joseph Hili, li hu l-Kappillan ta’ Għajnsielem f’Għawdex, li kien parti minn tim ta’ saċerdoti li bejniethom kienu jieħdu ħsieb sebgħa parroċċi fl-Arċidjoċesi ta’ Milan fl-Italja. Il-kappillani semgħu wkoll l-esperjenza ta’ Dun Colin Rothery, kappillan ta’ diversi parroċċi fl-Irlanda.

Il-live-in kellu ħin allokat għal diskussjoni dwar il-pjan pastorali ġdid li qed tipprepara għalih l-Arċidjoċesi ta’ Malta. Din it-taħdita tmexxiet mill-Vigarju Episkopali għall-Koordinament Pastorali Dun Andre Zaffarese. Kelliem ieħor kien is-Sur Chris Delicata, li ta stampa dwar kif jara il-parroċċi. Semma diversi aspetti pożittivi kif ukoll aspetti li hemm bżonn li nikbru fihom.

L‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi, li għex dawn it-tlitt ijiem mal‑kappillani, ħeġġiġhom biex ma jagħrfux biss l-isfidi fil-parroċċi tagħhom imma anki t-tajjeb li qed isir ħalli jtejbuh u anki jaqsmu dawn l-esperjenzi pożittivi mal-oħrajn. Semma wkoll il-bżonn li ssir bidla fil-katekeżi u “nagħqdu flimkien it-tħabbir tal-kelma, iċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija, id-djakonija u l-bini ta’ komunità li tħares ’il barra minnha nfisha u għalhekk għandha anke missjoni”. Sostna li kultant dawn l-erba’ funzjonijiet tal-ħajja tal-Knisja jkunu mifruda minn xulxin mentri waħda għandha twassal għall-oħra.  

Stieden ukoll lill-kappillani biex il-kunsilli li jagħmlu parti minnhom, inkluż dak pastorali fil-parroċċa tagħhom, jifhmu x’inhu l-għan tagħhom u jaraw li dan l-għan hu ċar għall-parteċipanti kollha sabiex titnaqqas il-frustrazzjoni kif ukoll kulħadd jagħti sehmu sew.

Fi tmiem id-diskors tal-għeluq, l-Isqof Galea-Curmi saħaq, “L-Arċisqof u jien qegħdin hemm biex nagħtukom appoġġ speċjalment f’sitwazzjonijiet sensittivi.”

Waranofsinhar il-kappillani kellhom għadd ta’ working groups biex fi gruppi żgħar jiddiskutu dwar dak li jkunu semgħu filgħodu.

Il-live-in tal-kappillani jsir f’Jannar sabiex wara l-festi tal-Milied u qabel jibda r-Randan, il-kappillani jkollhom tlitt ijiem fil-kwiet fejn ikunu jistgħu jirriflettu u jiddiskutu temi partikolari li tolqot il-parroċċa. Il-live-in hu organizzat mill-Kunsill tal-Kulleġġ tal-Kappillani.

Aktar ritratti