L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għeżież tfal u anke l-komunità għażiża tal-Mellieħa, għadna kemm smajna silta mill-Evanġelju skont San Mattew li jħabbrilna din it-tarbija li qegħdin nistennew, x’se jkun jisimha. X’se jkun jismu dan it-tifel li se jitwieled minn Marija? X’semmietu? Ġesù. Infatti l-anġlu lil Ġużeppi fil-ħolm jgħidlu, “Inti ssemmih Ġesù” (Mt 1:21). Mela Ġesù hu isem magħżul minn Alla għall-Iben tiegħu magħmul bniedem. Għal din it-tarbija li se titwieled, diġà twieldet, imma aħna qed infakkru t-twelid tagħha. Nhar il-Ħamis, jekk Alla jrid, tqumu filgħodu kmieni u terġgħu tiġu hawnhekk fil-knisja biex nifirħu bit-twelid ta’ din it-tarbija li jisimha Ġesù.

U l-anġlu jispjega għaliex jisimha Ġesù. Jgħidlu, “Inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva” lilna minn dnubietna.

Isalva lill-poplu minn dnubietu. Għaliex? Għax l-isem Ġesù jew kif kienu jgħidulhu bil-lingwa tagħhom bl-Aramajk, Yeshua, ifisser ‘Alla jsalva’. Mela fl-isem ta’ Ġesù hemm dak kollu li se jagħmel għalina, l-iżjed ħaġa importanti, li hu jsalvana. Jagħtina ħajja isbaħ. Għax din xi tfisser? Meta tgħidli din xi jfisser li jsalvana? Minn xiex? Isalvana mid-dnub, minn dak kollu li jeqridna u jagħtina ħajja ġdida. Ara kemm għandu missjoni sabiħa Ġesù, li se jitwieled fostna, u kif għedtu intom wkoll, fil-qalb tagħna.

Dik il-maxtura, hemmhekk, hija vojta. Qed tistenna t-twelid ta’ Ġesù. Anke l-qalb tagħna, inbattluha mill-imbarazz u mill-ħażen, nagħmluha sabiħa f’dawn il-ġranet, anke bil-qrar jekk hemm bżonn, ħalli meta jitwieled isib kenn u għożża sbieħ u safja.

Itolbu lil Ġesù li l-kelma tagħkom, tkun dejjem ta’ ħabib/a.

Imma hemm isem ieħor li smajnieh fl-ewwel qari u mbagħad San Mattew isemmih wkoll fl-Evanġelju, li jingħata lil din it-tarbija. Mhux biss magħruf bħala Ġesù imma wkoll “Għimmanu-El, li bi lsienna jfisser Alla magħna” (Mt 1:23). Dawn iż-żewġ ismijiet ta’ Ġesù huma importanti. L-isem Ġesù jgħidlina x’se jagħmel – isalvana.  L-isem Għimanu-El jgħidlina kif. Kif se jsalvana? Billi jkun magħna. Alla magħna. Mhux ’il bogħod. Isir wieħed minna, Alla magħna, Għimmanu-El. Allura ħafna minna huma msemmijin għalih. Il-papà tiegħi kien jismu Leli, Manwel jew Manuela. Dawn kollha ġejjin mill-istess għerq.

Imma x’nitgħallmu minn din il-ħaġa aħna u nippreparaw għall-Milied? L-ewwel nett, aħna biex inkunu bħal Ġesù, irridu nkunu qrib xulxin. Jekk trid tħobb lil xi ħadd tassew, ipprova kun qrib tiegħu. Tinduna li għandu bżonn l-għajnuna, għandha bżonn l-għajnuna. U tgħid kelma ta’ ġid, ta’ inkorraġġiment. Qatt kelma ta’ ħsara. Itolbu lil Ġesù li l-kelma tagħkom, tkun dejjem ta’ ħabib/a, skont min inti, li l-ħarsa tiegħek, tkun ħarsa sabiħa, ħarsa ta’ ħniena, ta’ mħabba, għax Alla li jrid isalvana, hekk iddeċieda jagħmel li jkun magħna, qrib tagħna.

L-aħħar ħsieb, fis-Salm Responsorjali llum, qrajna u tlabna frażi sabiħa ħafna, “Aħna n-nisel ta’ dawk li jfittxuk, li jfittxu ’l wiċċek Alla ta’ Ġakobb” (S 24:6) Ejjew nippruvaw nifhmuha din il-frażi sabiħa tas-salm. Aħna n-nisel ta’ dawk li jfittxu lil Alla. Li lil Alla ngħidulu bħalma kien jgħid San Ġorġ Preca, “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.” Ma nistax ngħix mingħajrek, għandi bżonnok. Għandi bżonnok biex tħenn għalija, biex tgħallimni nħobb, biex tagħtini l-ħajja ta’ dejjem, għax ħadd ma jista’ jagħtihieli dik, biex tagħtini l-paċi fil-qalb tiegħi. “Jiena għandi bżonnok.” Jiena nfittxek Mulej u nfittex lil wiċċek. Fit-tarbija ta’ Betlehem, Ġesù Għimmanu-el, Alla tana wiċċ li nistgħu nħarsu lejh, għax aħna n-nisel ta’ dawk li jfittxuh, li nfittxu ’l wiċċek Alla ta’ Ġakobb.

Naf li xi wħud minnkom ġabu anke xi statwa ċkejkna tal-Bambin li se nbierku fl-aħħar tal-quddiesa. Jekk ma ġibtuhiex magħkom, id-dar nispera li għandkom Bambin ċkejken, kbir, ta’ kull daqs, ikun kemm ikun kbir, jew ċkejken. Importanti li meta tħarsu lejn dik it-tarbija fil-maxtura, forsi għandkom il-baqra u l-ħmara wkoll, tgħidulu, ‘Ġesù, kun għalija Salvatur, kun għalija Għimmanu-el’ għax jiena għandi bżonnok.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 7:10-14
Salm: 23(24):1-2,3-4ab,5-6
Qari II: Rum 1:1-7
L-Evanġelju: Mt 1:18-24

Aktar ritratti