L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ma felħux jissaportu meta raw l-għeġubijiet li kienu qegħdin isiru” (Mt 21:15). Dan il-kliem insibuh ftit qabel din il-ġrajja, u jirreferi għall-qassisin il-kbar u l-kittieba. Meta lil Ġesù rawh ifejjaq, u ftit qabel kien daħal fit-Tempju u keċċa l-bejjiegħa minn hemm, ma felħux jissaportu. U iktar, imbagħad, ilmentaw meta semgħu lit-tfal jgħidu fuq Ġesù: “Hosanna lil Bin David” (Mt 21:15).

Għalhekk, ftit versi wara meta nsibu din il-ġrajja fl-Evanġelju skont San Mattew, hemm dik il-mistoqsija li għamlu lil Ġesù, meta qalulu: “Int b’liema setgħa qed tagħmel dan kollu? U min tahielek din is-setgħa?” (Mt 21:23). Tidher qisha domanda diretta. Forsi ngħidu: għaliex Ġesù ma qabadx u qalilhom mal-ewwel, u weġibhom ċar u tond? Ġesù għaraf li din ma kinetx domanda sinċiera. U għaraf ukoll li f’dak il-mument, jekk hu jgħidilhom ċar u tond, mal-ewwel iduru kontrieh, bħalma għamlu diversi drabi oħra, imma did-darba kienu jgħidu – bħalma qalu f’mument ieħor – li kien qed “jidgħi” (Mt 9:3), għax kien qed jgħid li jagħmel dan bis-setgħa ta’ Alla. 

Imma Ġesù għamlilhom mistoqsija hu, u kienet ċara li qed jagħmlilhom dil-mistoqsija biex ikunu huma li jgħidu. Imma, fil-fatt, x’għamlu huma? Qagħdu jirraġunaw: jekk inwieġbu hekk, mod; u jekk inwieġbu hekk, mod ieħor. U ma weġbuhx. Għalhekk Ġesù qalilhom: “Mela lanqas jien ma ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan” (Mt 21:27). Għax, fil-fatt, meta Ġesù staqsiehom “il-magħmudija ta’ Ġwanni minn fejn kienet ġejja, mis-sema jew mill-bnedmin?” (Mt 21:25), kieku qalulu “mis-sema”, kienu diġà hemmhekk isibu t-tweġiba għal dak li kienu qed jistaqsuh, jiġifieru: hu b’liema setgħa kien qed jagħmel dan? Bis-setgħa u l-qawwa ta’ Alla. Ġesù għaraf li ma kinetx domanda sinċiera, u li mhux veru kienu qed ifittxu bis-serjetà biex ikunu jafu iktar, imma sempliċiment kienu qed jistaqsu biex jonsbuh, bħalma nsibu f’mumenti oħra fl-Evanġelju.

X’inhi t-tagħlima lilna minn dan kollu għall-ħajja tagħna? L-ewwel nett, is-sinċerità tal-qalb. Kemm hu importanti li aħna nagħrfu nkunu sinċiera fil-kliem tagħna, fl-azzjonijiet tagħna, f’dak li nistaqsu aħna! Irridu niftakru li Alla jagħraf il-qalb u jagħraf l-intenzjoni. Żgur ma aħniex se nidħku bih. Imma kemm hu importanti fir-relazzjonijiet ma’ xulxin, li aħna nkunu sinċiera! Li dak li nfittxu mhux biex insallbu lil ħaddieħor, mhux biex ngħidu kontra ħaddieħor, imma biex tassew toħroġ il-verità. 

Imbagħad hemm punt ieħor importanti li turina din il-ġrajja. Ġesù, meta kellu mistoqsijiet diretti lilu, dejjem qagħad attent biex ma jagħtix soddisfazzjon fejn ma għandux, u biex ma jħallihomx jonsbuh. U biex ma jħallix lin-nies iqarrqu bl-oħrajn. Aħna rridu noqogħdu attenti ħafna li ma nħallux min iqarraq bina, ma nħallux min jipprova jonsobna b’li jagħmel jew b’li jgħid. Kultant tista’ tiġri din, u narawha kultant anke meta, per eżempju, jistaqsu: “Il-Knisja x’tgħid fuq dan?” U minn dak li tgħid inti u tispjega, jieħdu kelma u jaqilbuha rasha ’l isfel, u lin-nies wieħed iwasslilhom messaġġ il-kontra. Għalhekk qed ngħid: kemm aħna rridu noqogħdu attenti – attenti mill-qerq u mill-ingann. Attenti anke li aħna nkunu sinċiera, imma niftakru li teżisti attitudni mhix sinċiera u ma nidħlux għaliha kexxun, kif kultant jiġri. Ġesù dejjem qagħad attent f’dak li jwieġeb u dak li jagħmel.

Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-ġrajja, tiegħu – nitolbuh dak li għedna fis-Salm: “Triqatek, Mulej, għarrafni” (Salm 25:4) Urini inti, Mulej, kif jien inkun sinċier fil-qalb tiegħi, fil-kliem tiegħi, fl-azzjonijiet tiegħi, f’dak li jmexxini fil-ħsibijiet tiegħi, u li bl-għajnuna ta’ Alla, ma nħalli lil ħadd iqarraq bija.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta