Joan Libreri, li f’Ottubru għalqet 10 snin voluntiera ma’ Missio Malta, qalet li “l-volontarjat huwa ħafna iżjed ta’ sodisfazzjon minn meta taħdem għal salarju personali”.

F’intervista ma’ Newsbook Malta stqarret li peress li hi pensjonanta, tħossha fortunata li tista’ tgħid dan – “Naf li dan ikun diffiċli ħafna għal dawk li mhumiex pensjonanti. Iżda meta tiddedika ftit sigħat minn ħinek għal xogħol volontarju, hija esperjenza ta’ sodisfazzjon kbir”.

Hija qalet li dejjem kienet il-ħolma tagħha li tipprepara u tbigħ krafts u riżorsi edukattivi biex tgħin il-missjoni – “Il-ħolma tiegħi saret realtà malli rtirajt”.

Meta kienet viċin li tirtira minn għalliema tal-Grade 1, hi bdiet tfittex NGO li tgħin u tissapportja l-missjoni. Qalet li ċemplet diversi entitajiet iżda meta Missio Malta stidnuha tbigħ il-materjal tagħha f’Missio Mission Day fit-18 ta’ Ottubru tal-2015 fid-daħla tal-knisja tal-Mosta, din marret sew ħafna u qatt ma ħarset lura.

Iktar minn 200 proġett f’pajjiżi tat-tielet dinja

Grazzi għall-kontribuzzjonijiet tagħha f’dawn l-aħħar 10 snin, saru iktar minn 200 proġett f’pajjiżi tat-tielet dinja, bil-maġġoranza fl-Indja, fiż-Żambja, fil-Kenja, fil-Malawi, fit-Tanżanija, u fil-Filippini – proġetti kemm kbar kif ukoll żgħar.

Qalet li dan iħalli fiha emozzjoni qawwija u li meta tirċievi ritratti ta’ proġett komplut, tħoss ferħ kbir f’qalbha.

“Nittama u nitlob li Alla jżommni b’saħħti biex inkun nista’ nkompli l-missjoni tiegħi, li nagħmilha b’passjoni”

“Sentejn qabel diġà kont qed ninkwieta fuq x’se nagħmel wara li nirtira”

Sa sentejn qabel ma rtirat, Libreri kienet qed tinkwieta fuq x’se tkun qed tagħmel wara li jingħalaq il-kapitlu tagħha fl-iskola – “Alla sabli l-opportunità perfetta biex ngħix il-ħolma tiegħi li ngħin il-missjoni”.

Dwar kif din l-inizjattiva għenet lilha personalment, hija qalet ukoll li meta tgħin lil ħaddieħor, speċjalment tfal u komunitajiet inqas privileġġati, “tħoss imħabba, kompassjoni, u ferħ li ma tesprimihx” – “Li naf li ħajjithom inbidlet bl-għajnuna tiegħi – din hija esperjenza inkredibbli. Meta nara wiċċhom ferħan, nibqa’ impressjonata u mimlija tifħir lejn Alla”.

Hija qalet li huma japprezzaw immens, u jitolbu għaliha u għall-familja tagħha kuljum.

B’rabta ma’ dan, il-fuljett li jispjega x-xogħol li tagħmel jinkludi din il-kitba: “Life is never about being better than others. It’s about helping other people to be better” – “Il-ħajja mhux li tkun aħjar minn ħaddieħor, imma li tgħin lil ħaddieħor ikun aħjar”.

“Studenti li kont ngħallem, illum jixtru riżorsi u workbooks tiegħi għat-tfal tagħhom jew għall-istudenti tagħhom”

Libreri qalet li dawk l-istudenti entużjasti ta’ ħames snin li xi darba kienet tgħallem, illum huma nisa li qed jixtru riżorsi edukattivi u workbooks tagħha għat-tfal tagħhom jew għall-istudenti tagħhom – “Tgħallimt li qatt ma tista’ tkun taf il-futur”.

Kompliet tgħid li l-isbaħ ħaġa hi li dawn jiftakru l-mod ħanin li bih kienet tgħallem kif ukoll l-imħabba tagħha għat-tagħlim, u li jirreferu għaliha bħala l-aħjar għalliema li kellhom fl-iskola.

Libreri għadha tgħożż mumenti li kellha ma’ tant tfal f’karriera ta’ 27 sena tgħallem studenti tal-Year 1 – “It-tagħlim kien il-passjoni tiegħi!”

Hija stqarret li l-ewwel metodu tagħha kien li turihom li tħobbhom u li jimpurtaha minnhom.

Qalet li tinsab grata wkoll talli ġiet milqugħa minn Missio Malta mhux biss bħala voluntiera, imma wkoll bħala waħda mit-tim.

Libreri stqarret li tgħallmet ħafna mill-volontarjat ma’ Missio Malta – “Mhux xogħol faċli! Trid taħdem ħafna u tegħleb ostakli biex tilħaq l-għanijiet tiegħek. Dejjem tafda fl-għajnuna ta’ Alla”.

Kif bdiet din l-inizjattiva u xi tbigħ illum?

Libreri minn dejjem kienet tħobb il-krafts, u iktar tard kienet tagħmel ħafna minnhom mat-tfal tagħha fosthom billi jġibu kotba tal-krafts mil-librerija u jqattgħu ġranet sħaħ fil-vaganzi tas-sajf fuqhom – “Qiegħda fil-familja għax kollha tajbin fi krafts differenti”.

Qalet li l-krafts dejjem kienu l-aktar għodda importanti, kemm meta kienet Brownie Leader kif ukoll iktar tard bħala għalliema.

Libreri bdiet il-missjoni tagħha fost l-oħrajn b’cushions, basktijiet, soft toys, keychains, u ftit workbooks li kellha mis-snin tagħha bħala għalliema.

Iżda malli l-klijenti bdew isaqsu għal riżorsi edukattivi, quiet books, u workbooks, għażlet li tiffoka fuq dak li riedu – “U din ħadmet sew ħafna!”

B’hekk illum il-krafts ta’ Libreri huma iżjed relatati mal-iskola u ma’ workbooks.

Hija tipprepara workbooks tal-Matematika, l-Ingliż, u l-Malti għal tfal fil-Kinder sa Grade 6 – workbooks li jimxu mas-sillabu normali.

B’rabta mal-Matematika, l-Ingliż, u l-Malti, hija tipprepara flash cards ikkuluriti, charts, quiet books, u ħafna iżjed. Dan filwaqt li tadatta wkoll għal xogħol personalizzat.

“Huwa b’passjoni li nagħmel dak li nagħmel”

Libreri spjegat li meta tkun qed tipprepara dawn il-krafts u riżorsi, dawn dejjem isiru b’passjoni.

Hija żżomm f’moħħha l-istudenti u l-għalliema li se jużawhom, u tagħmel mill-aħjar biex tilħaq l-għan intenzjonat – “Nieħu gost nagħmilhom daqs kemm kont nieħu gost nipprepara krafts u riżorsi għall-klassi tiegħi”.

Libreri stqarret li hija emozzjoni sabiħa ħafna wkoll meta tkun qed tagħmel differenza fit-tagħlim ta’ tant studenti.

Għal min juża l-krafts u r-riżorsi edukattivi tagħha, Libreri tittama li t-tfal jieħdu iktar gost jitgħallmu permezz ta’ riżorsi kkuluriti u interattivi. Żiedet tgħid li l-flash cards jgħinu l-istudenti jiftakru iżjed – “Nittama li huma jesperjenzaw l-istess ferħ li nħoss jien meta nkun qed nippreparahom!”

Dwar għalfejn ġenituri u għalliema għandhom jikkunsidraw dawn ir-riżorsi, Libreri qalet li biex jgħinu lit-tfal jew l-istudenti tagħhom – “Huma sors tajjeb ħafna ta’ tagħlim u prattika, magħmulin bi preċiżjoni u b’ħafna attenzjoni u dettall”.

Qalet ukoll li għandhom jikkunsidrawhom fuq kollox minħabba li l-flus kollha jmorru għal proġetti f’pajjiżi tat-tielet dinja.

L-ewwel proġett tagħha kien fil-Malawi – bir b’ilma nadif għall-komunità, proġett li kien jinvolvi wkoll saqaf ta’ knisja, twieqi, bibien u l-art.

Minn dakinhar ’l hawn bil-krafts u r-riżorsi edukattivi tagħha ffinanzjat fosthom:

  • Operazzjonijiet tal-għajnejn u tax-xufftejn
  • Ħafna sodod f’seminarji u orfanatrofji tat-tfal
  • Ħafna bankijiet tal-iskola fi skejjel differenti
  • Tankijiet tal-ilma fi skola
  • 50 familja fqira fil-villaġġi
  • Sodod, ħwejjeġ, ikel, mediċina u ġugarelli għat-tfal
  • Tagħmir tal-isptar għal komunità fqira
  • Apparat tal-laboratorju għal skola sekondarja f’Seminarju Minuri fir-Rwanda
  • Uniformijiet tal-iskola għal skejjel foqra
  • Kmamar tal-banju, toilets u ilma f’żewġ villaġġi foqra

“Illum dan ix-xogħol volontarju qisu xogħol full-time, imma ma nimmaġinanix nagħmel xi ħaġa oħra”

Dwar xi jfisser għaliha l-volontarjat, Libreri qalet “Li tagħti ħinek biex tgħin lil min hu fil-bżonn hija l-aktar esperjenza indeskrivibbli”.

Dan ix-xogħol volontarju sar il-ħajja ta’ Libreri tant li qalet li qisu xogħol full-time. Madankollu, qalet li tħobbu u li ma timmaġinax lilha nnifisha tagħmel xi ħaġa oħra – “Nagħmel ix-xogħol b’dedikazzjoni u bi mħabba”.

Ħafna mill-ġranet Libreri taħdem madwar tmien sigħat inkluż tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi. Hija taħdem bir-ritmu tagħha bi brejks xħin ikollha bżonnhom.

Qalet “It-tisjir, il-faċendi, ix-xogħol tad-dar, u x-xiri jridu jsiru wkoll. Dejjem ninkludi wkoll quddies kuljum u mixja jew għawma fir-rutina ta’ kuljum”.

Kompliet tgħid li meta n-nies jarawha taħdem fuq il-laptop f’kafetterija, isaqsuha kif qed taħdem il-Ħadd, iżda r-risposta tagħha tkun:

“Il-foqra għandhom bżonn ikel, sodda, bankijiet tal-iskola, mediċina… Allura għandi bżonn naħdem. U nagħmilha b’qalbi kollha”.

null

17-il proġett fl-2025

Din is-sena Libreri ffinanzjat 17-il proġett. Riċentament irċiviet ritratti u feedback mingħand komunità fil-Pakistan. Dan wara li ffinanzjat laboratorju tal-kompjuters f’seminarju għal tfal żgħar.

Irċiviet ukoll feedback mingħand Fr Joseph Cremona fuq komunità fil-Filippini li għenithom bi skrin tat-televiżjoni li jintuża għal raġunijiet varji, fosthom fil-quddies, katekiżmu għal tfal u żgħażagħ, u seminars.

L-aktar proġett riċenti tagħha kien 16,000 litru ta’ ilma nadif għal villaġġ fqir, kif ukoll rigali tal-Milied, ġugarelli, ħwejjeġ u ikel – “Nirringrazzja lil Alla, lil Missio Malta, u lill-klijenti kollha li għamlu dan possibbli”.

Libreri tinsab ħerqana għall-2026 li fiha se tibda fuq proġetti ġodda li bihom tgħin komunitajiet f’pajjiżi fil-bżonn, speċjalment tfal.

“Meta tagħti ħinek, qisek qed tagħti l-flus, imma s-sodisfazzjon u l-ferħ tal-volontarjat ma jinħass imkien iktar”

F’messaġġ għal min qed jikkunsidra jagħmel xi volontarjat, Libreri qalet li jekk wieħed jiddeċiedi li jipprova xogħol volontarju, għandu jżomm f’moħħu l-ħin involut. Dan filwaqt li qalet li meta tagħti ħinek, qisek qed tagħti l-flus.

Libreri qalet “Nista’ nassigurakom li s-sodisfazzjon u l-ferħ li tħossu meta tagħtu ftit mill-ħin tagħkom għall-volontarjat, ikun xi jkun, ma jinħass imkien iktar”.

Għal dan il-volontarjat ma’ Missio Malta, Libreri kellha tiddedika parti kbira mid-dar tagħha – “Is-salott u l-kamra tal-ikel issa qishom ħanut għax l-ixkafef u l-għamara mimlijin riżorsi u notebooks. Ma tara l-ebda sett tal-ikel”.

Hija qalet li l-kmamar ta’ ġewwa tużahom biex taħżen u biex taħdem – “Jiġifieri huwa naqra sagrifiċċju, imma mhix problema ladarba niftakar kemm irnexxieli nibdel ħajjiet”.

Kif tista’ tixtri jew tordna dawn ir-riżorsi?

Biex wieħed jixtri jew jordna dawn ir-riżorsi, għandu jżur dan is-sit jew il-paġna ta’ Facebook ta’ Joan Libreri – Joan’s Crafts for Charity. Wieħed jista’ jikkuntattja direttament lil Libreri.

Libreri qalet li tista’ tgħid li l-klijenti tagħha dejjem ikunu kuntenti bir-riżorsi u bil-workbooks tagħha. Dan filwaqt li qalet li kull sajf ħafna kljienti jixtru l-pakkett ta’ workbooks tar-reviżjoni, kif ukoll li għandha klijenti li jirrakomandaw xogħolha u r-riżorsi tagħha lil ħbieb u kollegi.

Għandha wkoll klijenti li jordnaw riżorsi fosthom charts għall-klassi kull sena, u oħrajn li jordnaw xogħol personalizzat bħal charts jew worksheets bit-Taljan. Qalet li tieħu gost ħafna tipprepara xogħol li jkun ta’ sfida.

Meta tkun qed tipprepara riżorsi edukattivi, Libreri tkun f’dinja għaliha – tfittex ideat, ritratti, u suġġetti ġodda – “Jieħu l-ħin, imma r-riżultat dejjem ikun mument ta’ sodisfazzjon. Għal li jmiss!”

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Francesca Gauci