
L-Arċidjoċesi ta’ Malta laqqgħet l-assemblea djoċesana annwali bit-tema ‘Il-Knisja f’Malta llum: Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni’, li hi t-tema tal-Pjan Pastorali ġdid li qed jitħejja biex jitnieda matul is-sena d-dieħla. Dan il-pjan se jkun koordinat mill-Vigarjat Episkopali għall-Koordinament Pastorali.
Fid-diskors tiegħu, l-Arċisqof Charles Scicluna spjega l-viżjoni tal-pjan pastorali li hu bbażat fuq il-kelmiet: ‘komunjoni’, ‘parteċipazzjoni’ u ‘missjoni’ – il-bażi tas-sinodalità. Sostna kemm ta’ kuljum Malta għandha bżonn tiskopri “l-imħabba li tiġi mill-għotja tal-ħajja tagħna lil xulxin u l-ispirtu ta’ servizz” – li hi parti mill-komunjoni li għandna naspiraw għaliha. Żied jgħid li komunjoni vera f’pajjiżna tibda ssir ladarba nilqgħu lill-persuni mhux etnikament Maltin li jgħixu fostna. “Hija realtà li tisfidana u li toħroġna mill-comfort zones li mdorrijin fihom, inkluż dawk lingwistiċi.”
Komunjoni bejnietna tfisser ukoll meta l-Knisja tagħraf li mhux dejjem kienet “sinjal ta’ għaqda, aħna b’umiltà rridu naċċettaw parti mill-istorja doloruża tagħna – meta għal xi raġuni jew oħra ntrabatna ma’ xi karru politiku, l-istorja riċenti u l-kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Meta nħares ’il quddiem, jiena nħares lejn il-knisja lil hemm mill-politika partiġġjana”.

L-Arċisqof qal li l-parteċipazzjoni tfisser smigħ sinċier anke meta huwa skomdu. Is-smigħ “daqskemm mhux faċli, huwa effikaċi u terapewtiku … għandna bżonn nisimgħu l-karba u r-rabja tal-poplu tagħna b’mod speċjali meta aħna nkunu l-kawża ta’ dak l-uġigħ ta’ dik il-karba”.
Dwar il-missjoni, l-Arċisqof qal li primarjament din trid tkun l-imħabba tagħna għall-Evanġelju, li permezz tagħha Alla qed jagħmilna kooperaturi tiegħu meta nwasslu l-Aħbar it-Tajba lil ħaddieħor. Ħeġġeġ biex il-messaġġ li jitwassal ma jkunx negattiv u jdur mal-kundanna, infern u dnub. Imma jkun xhieda tal-paċi fil-qalb li jista’ jġib Ġesù bil-ħelsien tiegħu.
Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi spjega li din l-Assemblea hi parti minn proċess ta’ tħejjija għall-pjan pastorali ġdid tal-Knisja. Il-pjan “irid iwieġeb għas-sinjali li jurina l-Ispirtu ta’ Alla llum”. Is-sinodalità għandha sservi ta’ eżami tal-kuxjenza fid-dixxerniment ekkleżjali. Kultant trid tkun “awtokritika meta naraw fejn m’aħniex qed ngħixuhom, u kultant mezz ta’ tama u kuraġġ meta naraw fejn qed ngħixuhom”.

Dun Andre Zaffarese, il-Vigarju Episkopali għall-Koordinament Pastorali, qal li s-sinodalità bħalissa qed tiġi diskussa fil-Knisja kollha madwar id-dinja, iżda din xorta hi relevanti għall-Knisja f’Malta għax tgħinna nindirizzaw l-isfidi li għandna quddiemna bħalissa. L-għan tal-pjan hu li jara kif is-sinodalità se tiġi mgħajxa fil-Knisja f’Malta fis-soċjetà tal-lum.
Dun Zaffarese spjega, “Il-komunjoni tfisser li aħna ngħixu lkoll flimkien qisna familja waħda. Il-parteċipazzjoni tfisser li kulħadd jagħti sehmu fil-missjoni tal-Knisja. Il-missjoni hi l-għan għalfejn il-Knisja teżisti, jiġifieri li twassal lil kulħadd biex jagħmel esperjenza tal-imħabba t’Alla.
Il-proċess tal-ippjanar pastorali issa daħal ġo fażi oħra fejn kull entità ħa tkun imħeġġa tara kif dawn it-tliet kwalitajiet tista’ timplimentahom fil-ħidma tagħha. Wara, dawn il-proposti mill-entitajiet ħa jingħaqdu flimkien biex jiffurmaw il-pjan pastorali għad-djoċesi għat-tliet snin li ġejjin. Matul dawn is-snin se jkun hemm evalwazzjoni kontinwa.

Dr Patricia Bonello, Uffiċjal Ewlieni għar-Riċerka ta’ DISCERN, ippreżentat studju li mexxa l-Istitut tar-Riċerka DISCERN flimkien ma’ Misco, fejn fost oħrajn evalwa r-relevanza tar-reliġjon f’ħajjet in-nies, kemm il-Kattoliċiżmu jinfluwenza ħajjithom u jekk iħossuhomx parti mill-Knisja f’Malta.
L-istudju jikkonferma kemm dan il-pjan pastorali hemm bżonnu biex il-Knisja tkompli tiġġedded u tilħaq iktar nies. Huwa għodda tajba biex il-Knisja tistaqsi l-mistoqsijiet li hemm bżonn biex tibni l-pjan pastorali tagħha. Fil-fatt l-istudju jitfa’ dawl ma’ liema faxex ta’ età u f’liema oqsma hemm bżonn l-iktar li ssir ħidma.
Dr Joseph Ciappara, mill-Fakultà tat-Teoloġija, ta riflessjoni dwar il-viżjoni pastorali magħżula. Is-sejħa għall-missjoni ġġorr responsabbiltà biex tilħaq u tinkludi lill-oħrajn. Il-parteċipazzjoni tfakkarna li aħna lkoll kooperaturi mal-ħolqien u l-kreattività tal-Mulej li jafdana bħala apprentisti fl-għalqa tiegħu. Is-sejħa għall-komunjoni, min-naħa l-oħra, tlibbisna bl-identità li aħna lkoll maħluqa xbieha t’Alla; fl-għarfien li Alla hu mħabba.

Waqt l-Assemblea tnediet il-website https://pjanpastorali.knisja.mt/. Kulħadd mistieden ikun parti minn dan il-proċess u jgħaddi s-suġġerimenti tiegħu fuqha, kif ukoll mistieden biex iżomm fit-talb tiegħu ħalli dan il-proċess iħalli l-frott mixtieq.
Madwar 250 parteċipant attendew fiżikament jew virtwalment għall‑Assemblea Djoċesana li saret fuq jumejn f’Sala San Ġwann fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana.




