L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ippermettuli nissuġġerilkom dawn il-kelmiet għeżież ta’ Ġesù bħala suġġeriment programmatiku għall-ħajja li se tibdew f’dawn il-ġranet, intom u tiċċelebraw dak kollu li ksibtu fil-wens u għad-dell tal-Università. Uħud minnkom nawguralkom li jkollkom l-opportunità tkomplu tapprofondixxu l-istudji tagħkom, oħrajn qed iħarsu b’ċerta ansjetà u forsi wkoll b’ħerqa għal dinja ta’ professjoni.
Nawguralkom li tagħmlu x’tagħmlu dejjem tkunu ta’ servizz mhux biss għalikom infuskom imma anke għas-soċjetà u għall-umanità.
Ippermettuli nissuġġerilkom li ħafna drabi f’ħajjitkom, għadkom fil-bidu – fil-fjur taż-żgħożija tagħkom, għandkom ħajjitkom quddiemkom – ma nafux kemm se tkun twila jew qasira imma jingħatalna kemm jingħatalna żmien, ejjew nitolbu l-grazzja la qegħdin hawn fid-dar ta’ Alla – li nħallu d-dinja aħjar milli sibnieha. Ejjew nippruvaw nagħmlu dan għan importanti għal ħajjitna, li nħallu d-dinja aħjar milli sibnieha.

Meta ngħid hekk tiġini mill-ewwel l-esperjenza ta’ min iqaċċat siġra u ta’ min iħawwel siġra. Inħoss li min iħawwel siġra se jħalli d-dinja aħjar milli sabha, min iqaċċatha kisser dak li għamel ta’ qablu. Kunu intom li mhux teqirdu imma tħawlu. Int min int, għandek liema professjoni għandek, meta tiltaqa’ ma’ persuna tista’ tħottha jew tibnieha. Allura l-kelma li smajna mill-Ktieb tal-Għerf: ħobbu l-ġustizzja, fittxu lill-Mulej b’qalb safja hi stedina biex aħna fl-għażliet tal-ħajja nagħmlu l-għażliet tajba.
Il-fidi mhijiex patrimonju kulturali imma laqgħa personali ma’ Ġesù.
Intom tifhmu li meta nħarsu lejn id-dinja u intom ukoll tħarsu lejn id-dinja forsi permezz tal-pjattaformi diġitali iżjed minn mod ieħor, mhux kulma naraw jogħġobna. Il-ħsieb li se npoġġi lilkom illum hu sempliċi imma hu kelma ta’ ħabib. Qis li inti tkun tassew aħbar tajba lin-nies ta’ madwarek, li tkun preżenza sabiħa fil-professjoni tiegħek, fl-akkademja, fis-soċjetà. Dawn huma għażliet li jiddependu minna. Kull wieħed u waħda minna għandna l-potenzjal tagħna, il-ħiliet tagħna, il-kapaċitajiet tagħna iżda għandna wkoll il-limiti tagħna. Kull limitu jitlob minna paċenzja għaliex hija sfida imma naf ukoll li tista’ tkun opportunità.

It-tieni kelma ta’ Ġesù hi dwar il-maħfra – aħfer lil ħuk (ara Lq 17:3-4). Kunu strument ta’ rikonċiljazzjoni fid-dinja, anke fis-soċjetà tagħna. Sfortunatament għandna bżonn naħdmu fuqha din għaliex ċirkondati minn wisq mibgħeda, minn wisq vjolenza u l-poplu tagħna għandu dritt li jħares lejkom b’tama kbira.
Jien illum nixtieq nagħtikom kelma ta’ kuraġġ biex intom tkunu strument ta’ maħfra, ta’ paċi. Jekk intom qegħdin tħaddmu l-lingwa, l-arti, il-liġi, il-professjonijiet tagħkom – aħdmu għar-rikonċiljazzjoni fil-verità u l-ġustizzja.
L-aħħar talba li għamlulu d-dixxippli fl-Evanġelju tal-lum lil Ġesù hija forsi talba impenjattiva ħafna: “Kattar fina l-fidi!” (Lq 17:5). Il-fidi mhijiex biss il-wirt li ħallewlna missirijietna, il-patrimonju intanġibbli li tana dan it-tempju li tana din l-arti, li twennes mal-kultura tagħna. Il-fidi mhijiex patrimonju kulturali imma laqgħa personali ma’ Ġesù. Tgħidli issa Father, għadda ż-żmien u dan id-diskors inħallih għan-nanniet. L-għażla tiegħek imma jiena nawguralek li f’ħajtek tiltaqa’ ma’ Ġesù u jekk iltqajt miegħu, twassal lil ħaddieħor biex jiltaqa’ miegħu. Il-fidi mhijiex sensiela ta’ liġijiet jew kmandamenti imma laqgħa ma’ persuna ħajja.

Staqsi lilek innifsek: jien li ġejt hawn illum, għalfejn ġejt f’dan it-tempju? Għax għamlu hekk sħabi? Għax hu parti mir-ritwal tal-gradwazzjoni? Because it’s the right thing to do, because it’s cool? Għax wara se mmorru nieħdu xi ħaġa tajba l-Belt? Għalfejn? Għalfejn ġejt fit-tempju tal-Mulej?
Għandha tifsira għalik li inti waqt li tirringrazzja lilek innifsek, lill-Università, lill-familja li ssapportjatek talli wasalt s’hawnekk, tagħmel sens għalik li tgħidlu grazzi lil Alla? U Alla għalik min hu? Tħoss li huwa preżenza ħajja fl-eżistenza tiegħek? Il-mistoqsijiet li nagħmillek huma mistoqsijiet ta’ ħabib, ir-risposta f’idejk!
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Għerf 1:1-7
Salm: 138 (139):1-3,4-6,7-8,9-10
L-Evanġelju: Lq 17:1-6





