L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Nissuġġerilkom li taħsbu ftit fuq din il-frażi qawwija u sabiħa ta’ Ġesù, li twegħidna il-preżenza tiegħu. “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18:20). Xi tfisser li tkun miġbur f’isem Ġesù?

Li inti tagħżel, għax trid u b’għarfien sħiħ, il-mod kif jaħseb u jħobb Ġesù. Li inti tgħix f’isem Ġesù jfisser li tgħix kif għex hu; li qabel kull ħsieb tiegħek, qabel kull kelma tiegħek, qabel kull azzjoni tiegħek, issaqsi lilek innifsek: ‘F’dawn iċ-ċirkostanzi Ġesù x’kien jagħmel?’

Ġesù għadda fostna jgħallem u jfejjaq. Jiena nixtieq nitlob li dan l-ambjent li qegħdin niċċelebraw illum, ikun u jikber bħala ambjent ta’ fejqan. Fejqan li jiġi mill-għarfien ta’ min aħna, tal-istorja tagħna, tal-weġgħat tagħna, tal-umiljazzjonijiet tagħna imma wkoll għarfien tal-potenzjal tagħna, tad-dinjità ta’ kull wieħed u waħda minna, tad-drittijiet u d-doveri ta’ kull wieħed u waħda minna; tal-fatt li m’aħniex qed nirċievu karità imma llum qed niċċelebraw id-dinjità ta’ kull wieħed u waħda minna.  

Hemm min forsi li hemm barra naqas, li uża vjolenza u aggressevità u lilna ħallina priġunieri ta’ ħafna rabja u frustrazzjoni. Illum nitlob fuqkom biex tinħelsu minn din ir-rabja u l-frustrazzjoni mhux għaliex wieħed ma jifhimhiex imma biex tkunu tassew ħielsa, biex min irid juża vjolenza u uża magħkom vjolenza ma jibqax ikollu ħakma fuqkom. Għax min jagħmel il-ħsara u jneħħili l-paċi ta’ qalbi u jimla ħajti bir-rabja għadu jeżerċita ħakma fuqi.

U hemm triq waħda għall-ħelsien li aħna nagħmlu pass ’il quddiem, nħarsu ’l quddiem bl-għajnuna ta’ min jista’ jgħinna tassew, ta’ min iħobbna tassew u forsi nitolbu talba iebsa li aħna lkoll jkollna l-kuraġġ, li aħna naħfru lilna nfusna, u  għalkemm ma nistgħux ninsew, nitolbu t-talba li għallimna Ġesù: ‘Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina’ (Mt 6:12). Din hija triq iebsa imma t-triq tal-ħelsien. Ma jfissirx li l-ħażin isir tajjeb; ma jfissirx li l-wegħġa titfejjaq immedjatament imma mingħajr il-maħfra mhux se jkollna ħelsien.

Nitolbu talba iebsa li aħna lkoll jkollna l-kuraġġ, li aħna naħfru lilna nfusna

Kelma iebsa imma l-kelma li turina li min irid jagħmlilna l-akbar ħsara m’għadx għandu ħakma fuq il-qalb tagħna. Nawguralkom din il-paċi iebsa imma li tagħtikom il-ħelsien.

F’dan ix-xahar ta’ Novembru nixtieq nitolbu wkoll għall-vittmi tal-femiċidju. M’ilux rajna sentenza f’każ ta’ mara li ġiet maqtula bi vjolenza kbira. Ejjew nitolbu għal vittmi innoċenti ta’ vjolenza inawdita.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta