L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej tal-eżerċti!” (Salm 84:2). Illum niċċelebraw jum ta’ tifkira u ta’ misteru: it-tifkira ta’ meta din il-binja għażiża ġiet ikkonsagrata lil Alla, u l-misteru ta’ Alla li għażel li jgħammar fostna.

Qegħdin fuq art qaddisa. Din id-dar ikkonsagrata hija dar għażiża għax fiha aħna niltaqgħu ma’ Alla, nirċievu u nimtlew bl-imħabba tiegħu. Hawn niġu biex infaħħruh, biex nirringrazzjawh, biex nitolbuh il-barka u l-għajnuna tiegħu. Hawn niġu biex nisimgħu l-kelma tiegħu li timla ’l qalbna bil-paċi u li tagħtina direzzjoni f’ħajjitna, li tgħinna biex ngħixu ’l barra mill-bibien tal-knisja. Hawn niġu biex niċċelebraw l-Ewkaristija, l-ikel li jsaħħaħna fil-mixja tagħna lejn is-sema pajjiżna. Għalhekk dil-knisja hija kkonsagrata.

Ħarsa lura

Din il-knisja tal-Munxar, snin ilu, ma kinitx mibnija biss bil-ġebel u s-siment, imma bil-fidi, bl-mħabba u bix-xogħol ta’ dawk li ġew qabilna. 

Mitt sena ilu proprju llum, meta ġiet ikkonsagrata din il-knisja mill-Isqof Mikiel Gonzi, il-poplu ta’ Alla ta xhieda kbira: li l-fidi ta’ San Pawl, dik li waslet fuq ix-xtut tagħna fost il-mewġ tat-tempesta qalila, kienet ħajja fil-qalb tal-Maltin.

Kull tiżjin f’din il-knisja, kull xemgħa mixgħula hawn ġew matul is-snin, huma xhieda ta’ poplu li ma riedx iħalli t-tifkira ta’ Kristu tintefa’. Għalhekk illum niċċelebraw tifkira storika, imma mhux biss; illum infaħħru lil Alla għal mitt sena ta’ grazzji – il-grazzji li hu xerred fuq din il-komunità tul dawn is-snin.

Tempesta li minnha nibtet ħajja ġdida

Din il-knisja hi ddedikata lil San Pawl Nawfragu. Naħseb imkien fid-dinja, ħlief f’pajjiżna, ma jiċċelebraw nawfraġju. U aħna niċċelbrawh bir-raġun. In-Nawfraġju ta’ San Pawl mhux biss kapitlu mill-Istorja tagħna, imma hu l-pedament tal-identità Nisranija ta’ pajjiżna. 

Dak li kien jidher bħala diżastru – it-tempesta, il-telfa tal-ġifen, il-ġranet ta’ sofferenza bejn sema u ilma li ġarrbu Pawlu u sħabu – Alla bidlu fi ġrajja ta’ salvazzjoni.

L-Atti tal-Appostli jgħidulna li n-nies tal-gżira “ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2). F’dak il-laqgħa bejn il-barrani u l-Maltin, bejn il-midrub u min joffri għajnuna, twieldet il-fidi tagħna. Il-Knisja f’Malta bdiet minn ġest ta’ ospitalità, minn qalb li tara lil Kristu fil-barrani. 

Din hi s-sbuħija ta’ din il-ġrajja li hi t-titular ta’ din il-knisja: Alla jaħdem fil-maltemp u jġib il-ħajja fejn ikun hemm telfa. L-istess jagħmel illum: jekk inħallu lil Kristu jidħol fil-qalb tagħna, il-provi tagħna jsiru opportunitajiet biex inkunu xhieda ta’ mħabba u ta’ ħajja ġdida.

Ilkoll ikkonsagrati 

Il-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju jfakkarna fil-konsagrazzjoni tagħna fil-magħmudija. Dak inhar, aħna ġejna kkonsagrati lil Alla, sirna, kull wieħed u waħda minna, kif smajna fil-Kelma ta’ Alla, tempju fejn jgħammar Alla.

Għalhekk, kull darba li nidħlu f’din il-knisja kkonsagrata, għandna niftakru f’din is-sejħa li l-Mulej jagħmlilna biex ngħixu l-magħmudija tagħna, ngħixu tassew bħala xhieda ħajja ta’ Ġesù f’ħajjitna.

Il-binja ta’ din il-knisja titlob minna li nieħdu ħsieb ukoll il-binja spiritwali tagħna. Kif hawnhekk naħdmu bis-sħiħ biex tkun knisja sabiħa, hekk ukoll irridu nieħdu ħsieb il-ħajja spiritwali tagħna biex tkun ħajja li dejjem togħġob lil Alla.

L-identità tagħna bħala Knisja

San Pietru jgħidilna: “Intom ukoll, bħal ġebel ħaj, inbnew f’dar spiritwali” (1 Pietru 2:5).  Din hi x-xbieha sabiħa li tagħtina t-tema taċ-ċentinarju ta’ din il-knisja tal-Munxar: “ġebel ħaj fi Knisja ħajja”. Aħna, il-fidi tagħna, il-ħajja tagħna, huma l-ġebel ħaj li minnhom il-Mulej jibni l-Knisja tiegħu.

Bħalma l-knisja hi mibnija ġebla fuq oħra, hekk ukoll il-komunità. Intom il-ġebel ħaj tal-komunità –il-familji, it-tfal, iż-żgħażagħ, l-anzjani, il-morda, il-voluntiera.

U l-komunità tkompli tinbena kull meta ngħixu bis-serjetà l-fidi tagħna. Meta taħfer, int qed tqiegħed ġebla ta’ ħniena. Meta tagħti widen lill-batut, qed tpoġġi ġebla ta’ mħabba. Meta titlob bil-fidi, qed jissaħħaħ il-pedament tal-Knisja. U meta tgħallem lil uliedek dwar Ġesù, qed tkompli tibni l-ħitan tal-fidi għal ġenerazzjonijiet oħra.

U bħalma l-ġebel kollha huma magħqudin flimien u jiffurmaw tempju wieħed sabiħ, hekk għandna nkunu aħna lkoll li naħdmu bi spirtu ta’ għaqda, bħala familja waħda, u nwarrbu dejjem kull tentazzjoni ta’ diviżjoni.

Ħarsa lejn il-ġejjieni

Li tkun Knisja ħajja jfisser li ma nħarsux lejn il-passat bħala mużew, u nieqfu b’ħarsitna lura; imma l-passat iservina bħala għajn ta’ ispirazzjoni għal-lum u għall-ġejjieni. 

L-Ispirtu s-Santu li qanqal lil Pawlu biex iġib il-fidi f’Malta għadu jaħdem fostna llum. Huwa jsejħilna biex inġeddu ruħna, biex ma nibżgħux mit-tiġdid u mill-bidla fejn meħtieġa, u biex inkunu Knisja li toħroġ f’ħidma mal-poplu.

Illum, bħalma kien Pawlu fuq il-baħar, il-Knisja tħabbat wiċċha ma’ mewġ kultant għoli: indifferenza, individwaliżmu, nuqqas ta’ tama. Iżda l-Mulej li salva lil Pawlu fin-Nawfraġju hu dak li jsalvana wkoll. Jekk inżommu għajnejna fuq Kristu, ma nispiċċawx mgħarrqa. Inkunu Knisja li tgħix, li tħobb, li tagħti tama.

Radd il-ħajr mill-qalb

Illum nirringrazzjaw lil Alla għal kull min b’xi mod żamm ħajja din il-knisja matul is-snin. Għall-kappillani, il-qassisin u r-reliġjużi li servew hawn; għal tant lajċi li taw il-kontribut tagħhom; għall-benefatturi ta’ din il-komunità; u għall-ġenerazzjonijiet ta’ nies li bdew u temmew ħajjithom f’din il-knisja. Ħafna minnhom illum jinsabu mal-Mulej, imma l-fidi tagħhom għadha tgħix fina.

Aħna issa għandna l-missjoni li nwasslu l-fidi lil min ġej warajna, lill-ġenerazzjonijiet futuri. Li nħallu warajna mhux biss knisja sabiħa, bħalma hi din, imma knisja ħajja fil-poplu, komunità li tħobb u temmen, bħalma hi l-komunità li tiltaqa’ hawn.

Nitlob lill-Mulej għalina lkoll biex jagħmel minna ġebel ħaj li jixhed, li jħobb, li jsaħħaħ lil xulxin. U hekk, bħal San Pawl, inkunu wkoll aħna li nagħtu xhieda ta’ Ġesù ħaj u nwasslu l-fidi biex ilkoll inkunu ġebel ħaj fi Knisja ħajja.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta