Photo: Erica Lanzafame

Fost proposti ta’ Caritas Malta għall-Baġit 2026, hija qed tipproponi leave itwal għal ġenituri ġodda u soluzzjoni għat-traffiku.

Dawn ir-riflessjonijiet huma mnebbħa:

  • Mill-missjoni ta’ Caritas Malta favur il-ġustizzja soċjali, l-eradikazzjoni tal-faqar, u l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem.
  • Mill-valuri marbutin mad-dinjità ta’ kull bniedem; is-solidarjetà; is-sussidarjetà – empowerment, u l-ġid komuni.
  • Minn għażla preferenzjali lejn il-fqir b’viżjoni ekonomika li tpoġġi l-bniedem u l-ambjent fiċ-ċentru.
  • Mill-kuntatt ta’ kuljum li għandha Caritas Malta ma’ persuni li huma fost l-iktar soċjalment vulnerabbli fost l-oħrajn minħabba dipendenza fuq id-droga, problemi ta’ saħħa fiżika u mentali, solitudni, u persuni bla saqaf u f’faqar materjali.

Caritas Malta kkunsidrat il-kuntest ekonomiku u soċjali li qiegħda fih Malta. Hija rrimarkat li Malta qed tkompli turi reżiljenza ekonomika u tkabbir ekonomiku f’mumenti globali diffiċli, kif ukoll li għandha soċjetà multikulturali, bl-akbar popolazzjoni, bil-vantaġġi u żvantaġġi li dan iġib miegħu u b’realtà fejn porzjon ikbar mill-popolazzjoni jgħixu fi djar bla tfal.

Hija qalet li t-tisħiħ ekonomiku seta’ jipprovdi għal tisħiħ sostanzjali tal-welfare state: firxa wiesgħa ta’ benefiċċji soċjali, żidiet fil-pensjonijiet, servizzi soċjali u għajnuniet sostanzjali għal għaqdiet volontarji fil-qasam soċjali, sussidji fuq l-enerġija, trasport pubbliku bla ħlas, saħħa u edukazzjoni bla ħlas, u skemi ta’ akkomodazzjoni soċjali fosthom: l-iskema tal-First Time Buyers u ta’ Nikru biex Nassistu fost l-oħrajn, l-inizjattiva tal-Foundation for Affordable Housing li tpoġġi fis-suq djar affordabbli, u mekkaniżmu tal-COLA speċjali għal dawk bi dħul baxx.

Fost l-isfidi kurrenti, Caritas Malta semmiet dawn:

  • Mentalità u valuri materjalistiċi, konsumeristiċi, u individwalistiċi li qed idgħajfu l-għażliet tal-poplu favur il-familja, il-prokreazzjoni, il-kura tal-anzjani, għażliet ta’ studju fil-qasam soċjali u ta’ kura, u l-ħarsien u l-kura tal-ambjent, li qed idgħajfu r-reżiljenza tal-ġenerazzjonijiet iżgħar.
  • Ġenituri li biex ilaħħqu mal-ħajja jew inkella biex ilaħħqu ma’ aspirazzjonijiet ekonomiċi u ta’ karriera, għandhom inqas ħin għat-tfal u biex jikkunsidraw li jkollhom it-tfal.
  • Immaniġjar taż-żieda tal-popolazzjoni u pressjonijiet varji li ġġib magħha.
  • Distakk ikbar bejn il-fqir u s-sinjur.
  • L-isfruttar ta’ ħaddiema barranin u sfidi fl-integrazzjoni tagħhom.
  • Pressjonijiet kbar fuq l-ambjent naturali u fuq arja nadifa inkluż dħaħen mill-karozzi.
  • Problemi ta’ saħħa mentali inkluż żidiet fil-konsum tad-droga.

“Fil-kuntest ta’ soċjetà multikulturali u b’popolazzjoni akbar, huwa essenzjali li nħarsu kif bħala pajjiż nistgħu nadattaw għal din ir-realtà relattivament ġdida”.

Bħala direzzjoni ġenerali, il-Caritas issuġġeriet li f’dan l-isfond insaħħu l-pedament tas-soċjetà Maltija biex tilqa’ għal dawn il-bidliet u tirrimedja l-isfidi li qed taffaċċja – “Politika li trid tilħaq dan il-għan, neċessarjament trid tara kif tadatta aħjar għal popolazzjoni akbar filwaqt li ssaħħaħ il-familja, il-komunità, l-ambjent naturali, u tnaqqas id-distakk bejn il-fqir u s-sinjur”.

Proposti soċjali għat-tisħiħ tal-familja

  • Parental leave itwal: Fid-dawl ta’ rata baxxa tal-fertilità u tisħiħ tal-familja, Caritas Malta qed tipproponi titjib fil-policy tal-leave tal-ġenituri – “Huwa importanti li l-leave jingħata b’mod li jippermetti li ż-żewġ ġenituri – mhux biss l-omm – jipparteċipaw b’mod attiv fl-ewwel fażijiet tal-ħajja tat-tifel jew tifla. Estensjoni tal-leave għall-ġenitur l-ieħor tħeġġeġ aktar qsim tar-responsabbiltajiet, tissaħħaħ ir-relazzjoni fil-familja, u jinkisbu riżultati aħjar fl-iżvilupp tat-tfal”.
  • Appoġġ finanzjarju ikbar għal min ikollu tarbija: “L-appoġġ finanzjarju għall-ġenituri huwa essenzjali biex jiġu mnaqqsa l-ispejjeż sinifikanti li ġġib magħha t-trobbija tat-tfal. Skont l-istudju tal-MEBDL 2024, familja li għandha tarbija teħtieġ bejn €7,417.75 u €8,227.75 fis-sena. Din is-somma tinkludi spejjeż ta’ darba bħal stroller u crib – €1,838.75, ilbies bażiku – €269, u nefqa fix-xahar bejn €442.50 u €510. Dawn iċ-ċifri juru l-importanza li jiġu żviluppati policies/miżuri li jsaħħu l-appoġġ ekonomiku u soċjali għall-ġenituri li qed irabbu tarbija”.

Caritas Malta qalet li dawn iż-żewġ miżuri waħedhom mhux neċessarjament se jbiddlu l-mentalità u l-ftuħ biex familji jkollhom aktar tfal imma flimkien jistgħu jtaffu l-piż fuq il-familji, jippromwovu bilanċ aktar b’saħħtu bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, u jagħtu lill-ġenituri l-kunfidenza li jkabbru l-familja tagħhom – “Ma’ dawn hemm bżonn ukoll aktar flessibbiltà fuq ix-xogħol għall-ġenituri li jaħdmu, u tibdil fil-mentalità favur familji ikbar u kampanji favur il-familja, fost l-oħrajn”.

Proposti għal servizzi soċjali neċessarji

F’każ ta’ persuni bla saqaf bi problemi mentali u ta’ droga li ma jkunux indikati għall-programm ta’ riabilitazzjoni jew għal admission fi sptar ta’ saħħa mentali, “hemm bżonn li mhux ikun hemm biss infurzar tal-liġi antika li tipprojbixxi ħajja “ta’ vagabundaġġ” billi dawn il-persuni jiġu arrestati, imma li jiġi żviluppat servizz imsejjaħ low thereshold”, mgħammar bi staff ittrenjat apposta u jinkludi post fejn wieħed jorqod u jistabbilizza ruħu – Caritas Malta tibqa’ miftuħa għal kull għajnuna li hemm bżonn biex jiġi żviluppat dan is-servizz.

Fi stqarrija ssemma wkoll li Malta għandha nuqqas ta’ servizz residenzjali magħruf bħala secure unit għal tfal u żgħażagħ bi problema serja perikoluża ta’ mġiba. Dan jevita li adolexxenti b’correctional care order jiġu mdaħħla fi struttura ta’ ħabs flok f’ċentru sigur apposta.

Proposti għall-bżonnijiet bażiċi u aċċess għall-ikel bnin

Caritas Malta ilha tissuġġerixxi li parti mill-benefiċċji soċjali jingħataw f’forma ta’ flus diġitali għall-familji vulnerabbli li tkun tista’ tintuża biex jinxtraw minn dik il-familja għażla ta’ prodotti bażiċi u sustanzjużi.

B’rabta mal-ikel li ddeskrivietu bħala “fost l-iktar prodotti essenzjali li jiġu affetwati mill-għoli tal-ħajja”, Caritas Malta qalet li jibqa’ l-bżonn li dawk bi dħul baxx ikollhom aċċess għal ikel bnin – “Il-promozzjoni tal-ġardinaġġ komunitarju u aktar aċċessibbilità għas-swieq tal-bdiewa b’faċilitajiet għall-anzjani u dawk bi problema ta’ mobilità jistgħu jservu l-aċċessibbilità għall-ikel li hu bnin u li ġeneralment jinxtara bi prezz irħas minn dawn il-postijiet”.

Proposta oħra hija li tkompli tissaħħaħ il-kampanja Żomm Tarmix minn Malta Food Agency – “Għandu jiġi stabbilit ukoll ċentru biex ikel li jkun se jintrema jinġabar biex jitqassam lill-familji fil-bżonn permezz ta’ entitajiet soċjali”. Caritas Malta tibqa’ disponibbli li tassisti f’dawn il-proċessi.

Qalu wkoll li jistgħu jingħataw vawċers għall-frott u ħaxix lokali bħala parti mill-kura olistika għall-prevenzjoni u l-kura ta’ mard kroniku.

Proposti għall-Akkomodazzjoni: Infrastruttura u Ambjent Naturali

Iċ-Ċensiment tal-2021 – NSO, 2023 – juri li madwar 164,140 jew 76.1% tad-djar f’Malta m’għandhomx tfal dipendenti jgħixu fihom, li tfisser żieda sinifikanti meta mqabbla mal-65%, jew id-99,437 dar mingħajr tfal dipendenti, irreġistrata fiċ-ċensiment tal-2011.

Fid-dawl ta’ dan qed jipproponu li jsir social impact assessment dwar il-possibbilità ta’ permess għall-bini ta’ units iżgħar b’mod meqjus u b’mod kontrollat biex jara jekk dan iwassalx għal iktar aċċessibblità u jnaqqas l-iżvilupp żejjed, u jekk ikunx possibbli li tiġi evitata iktar spekulazzjoni jekk dan iseħħ.

Fil-kuntest taż-żieda fil-popolazzjoni, qalu li tibqa’ prijorità l-investiment fl-infrastruttura pubblika biex tlaħħaq ma’ din iż-żieda – “Dan irid isir dejjem bi ħsieb tal-inqas impatt negattiv fuq l-ambjent u anki b’miżuri li jissalvagwardjaw l-ambjent – teknoloġija effiċjenti fl-enerġija u enerġija rinovabbli; sostenibbiltà ambjentali” fostshom billi jiġu salvagwardjati l-ODZ u tkompli l-enfasi fuq it-tisħiħ ta’ spazji ħodor, kif ukoll l-aċċessibbilità wiesgħa għal dawn l-ispazji għal kulħadd.

Komplew jgħidu li huwa essenzjali li jinstabu soluzzjonijiet biex tonqos id-dipendenza fuq il-karozzi minħabba konġestjoni u saħħa fosthom b’interventi li joħolqu diżinċentiv għall-użu tal-karozza.

Rigward it-turiżmu, qalu li “għalkemm it-turiżmu huwa wieħed mill-pilastri tal-ekonomija ta’ Malta, dan m’għandux ikun ta’ detriment għas-saħħa fiżika u mentali tal-komunità. Jinħtieġ infurzar fuq standards ta’ akkomodazzjoni biex jiġu evitati sitwazzjonijiet prekarji”.

Proposti għall-Kontabbilità, Infurzar, u Xogħol

Qed jipproponu tisħiħ tal-MCCAA – Malta Competition and Consumer Affair Authority, tal-ERA – Environment and Resources Authority, u awtoritajiet oħra biex jiġġieldu abbużi u “mentalità ta’ xejn mhu xejn” – “Kull abbuż ta’ ħaddiema, prezzijiet, ambjent, bejgħ ta’ prodotti illegali, inklużi prodotti bi droga sintetika fihom li jinstabu fuq l-ixkafef ta’ ċertu ħwienet huma ta’ sfreġju għall-ġustizzja soċjali”.

Fl-istqarrija tkellmu fuq il-protezzjoni ta’ ħaddiema barranin mill-abbuż, u fuq inċentivi lil negozji b’ISO2600 certification:

  • Faċilitazzjoni ta’ permessi tax-xogħol għall-migranti biex jikkontribwixxu legalment; li jiġu protetti mill-isfruttar, u tisħiħ ta’ strutturi li jgħinu fl-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà Maltija.
  • Inċentivi lin-negozji li jadottaw mudell ekonomiku soċjali bbażat fuq il-primat tal-persuna, fuq il-profitt, u li jkollhom l-ambjent fiċ-ċentru tal-investimenti tagħhom. Dawn l-inċentivi jistgħu jinkludu inċentivi fiskali kif ukoll iktar punti fl-għoti tal-kuntratti tal-Gvern – public procurement.

Caritas Malta temmen li l-baġit għandu jkun strument biex jippromwovi ġustizzja soċjali, sostenibbiltà, u governanza tajba – “Il-15-il proposta preżentati f’dan id-dokument huma f’direzzjoni biex Malta tkun pajjiż dejjem aktar ġust, inklussiv, u b’saħħtu għal kulħadd”.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Francesca Gauci