Ritratt: Glen Mercieca

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fil-Evanġelju smajna lil Ġesù jinkwieta. Jinkwieta għall-irħula li kien iltaqa’ magħhom u fihom ra qalb iebsa. Fl-ewwel qari li smajna, l-Iskrittura tkellimna wkoll fuq il-qalb ħażina. Imma ejjew nistaqsu lilna nfusna, “aħna m’għandniex qalb ħażina. Ma twelidniex b’qalb ħażina” Qalbna tista’ ssir ħażina bl-għemil tagħna.

Ġesù meta qed jinkwieta għall-irħula li kien iħobb bħal Korażajn, bħal Kafarnahum, li hu kien iqis bħala t-tieni dar tiegħu. Telaq minn Nazaret, u beda jgħix f’Kafarnahum. U f’Kafarnahum ippriedka ħafna, u għamel ħafna mirakli. Imma kien hemm min laqgħu u kien hemm min ma laqgħux. Fil-fatt, l-Evanġelju   stess jgħidilina x’ried ifiehem Ġesù, “Min jisma’ lilkom, jisma’ lili u min iwarrab lilkom, ikun iwarrab lil dak li bgħatni” (Lq 10:16). Mela Ġesù jinkedd, għax għalkemm kien jippriedka, jagħmel mirakli, kien hemm min m’aċċettahx.

Ritratt: Glen Mercieca

Tiftakru meta fejjaq għaxra u kien hemm wieħed biss mar jgħidlu thank you? X’qal Ġesù? “Mhux huma wkoll fiequ? Wieħed biss kellu l-ħila jiġi u jgħid, grazzi?” (Lq: 17: 18-19)   

 Jaf jiġru hekk ukoll madwarna. Nitolbu lil Alla li ma jiġrix hekk lilna. Imma rridu noqogħdu attenti ħafna fuq il-qari t’għada, biex tibqa’ qalb sabiħa. Aħna anke bil-Malti, meta ngħidu l-qalb infissru l-persuna, u ngħidu, “kemm għandha qalbha tajba, kemm għandu qalbu tajba.” Kultant nużaw anke l-kuluri għall-qalb – qalbi sewda, kultant nużaw il-kulur aħdar ukoll għall-qalb. Niddejjaq ngħidha jien. Għax aħna, fil-ħidma tagħna lill-qalbna nagħtuha l-kuluri – qalbu tad-deheb. Imma wkoll meta jkun hemm xi ħadd qalbu kiefra. Il-qalb mhijiex biss kif tħobb inti, imma inti min int. U b’xi mod Ġesù qed jgħidilna, “Taf kif se tkun inti? Skont kif inhi qalbek.” Jekk inti qalbek tajba, tħoss għal dak li jkun, tibki ma’ min jibki, tifraħ ma’ min jifraħ, tgħadirx, tgħin lil dak li jkun, tħoss għal dak li jkun.

Ikun hemm xi ħadd  li jkollu  bżonn l-għajnuna, mhux qalbek twebbisha, jew tagħmel qalbek sewda għax xi ħadd għamel suċċess. Ifraħ. “Ifraħ ma’ min jifraħ, ibki ma’ minn jibki” (Rum. 12: 15).

Ritratt: Glen Mercieca

Xi ħadd pereżempju għadda minn mument iebes, ta’ mard, ta’ mewt, inti mhux tifraħ, imma jiddispjaċik għal dak li jkun. Skont il-qalb tiegħek, inti, int. Jiena l-awgurju tiegħi, intom u tibdew sena flimkien huwa propju dan, li jkollna qalb sabiħa. Nirringrazzjaw lil Alla kemm ilaqqgħana ma’ nies qalbhom tajba. Sr Anna jiena u nirringrazzjak ta’ dawn is-sbatax-il sena ta’ ħidma fil-missjoni djoċesana għat-tfal, nixtieq nirringrazzjak ukoll talli fik it-tfal sabu fik persuna ta’ qalb tajba.  Nagħtuha ċapċipa kollha kemm aħna. Għaliex il-gratitudni li tgħid grazzi, hija xi ħaġa li togħġob ħafna lil Ġesù.

Imma l-Mulej tani l-grazzja nagħmilha minn qabel miet il-papà. Issa l-papà ilu mejjet għaxar snin, imma daż-żmien għadni nagħmel card lill-mamà. Kont nixtri thank you card, fil-birthday tiegħi u nagħtiha lil ommi u lil missieri. Illum lil missieri noffrilu l-quddiesa u lil mamà nagħtiha thank you card. Imma tajjeb, għax il-qalb timtela bil-ferħ meta inti ma taħsibx fik innifsek.

Ritratt: Glen Mercieca

Hawnhekk  Ġesù jgħallimna  kemm hi sabiħa li nitgħallmu ngħidu thank you. U nieqaf bil-ħsieb li kien iħobb ħafna jirrepeti l-mibki Papa Franġisku. Kien jħobb jgħidilna hekk, min jaf kemm-il darba rrepetieha, “Qisu li f’ħajjitkom ma tinsew qatt dawn it-tlett kelmiet, please-jekk jogħġbok, thank you – li tgħid grazzi, u sorry – li titlob maħfra. Għaliex dawn it-tliet kelmiet, jgħinnuk taħseb ftit. Veru? Wara kollox tgħallimniehom mingħand il-ġenituri tagħna – għid please, għid thank you, għid sorry. Min jaf kemm-il darba smajniehom dawn minn min iħobbna, imma ma nitweldux nafuhom dawn it-tliet kelmiet, eh.

Ridna nitgħallmuhom, importanti mhux biss nitgħallmuhom, imma nużawhom ħafna. Jiena mingħand persuna ma nippretendix kollox bi dritt. Il-kelma ‘jekk jogħġbok’ tfisser li jiena qed nittrattak bil-libertà tiegħek u qed nagħti kas dan id-don t’imħabba. Jekk trid. Imma meta mbagħad ikolli għalfejn ngħidlek grazzi, ma niddejjaqx ngħidlek grazzi. Intom qatt tgħidu grazzi lill-ġenituri? Talli meta taslu d-dar ssibu x’tieklu? Jew inkella ssibu l-ħwejjeġ nodfa? Id-dar xummiema? Qatt tgħidu grazzi? U taf fejn nixtieqkom tgħidu grazzi, għax ma ngħiduhiex!

Min għandu l-Birthday? Mhux illum. Hawn xi ħadd ikollu l-Birthday matul is-sena? Kulħadd twieled hawn jiġifieri? Kulħadd jaf il-Birthday. Tajjeb. Issa, hawn xi ħadd jieħu pjaċir meta fil-birthday jgħidulek “Happy Birthday!”, tieħdu pjaċir? Hawn xi ħadd ma jiħux pjaċir? Forsi xi ħadd qed jixjieħ ma jiħux pjaċir. Imma mhux intom. Tgħidli, “tfakkarnix.” Jiena nixtieq nagħmlilkom suġġeriment. Fil-birthday, meta l-mamà u l-papà jgħidulkom, “Happy Birthday”, għidulhom, “thank you”. Għax intom ġejtu f’din id-dinja minħabba ommok u missierek. Tajjeb li meta tifraħ fil-Birthday tiegħek, titgħallem ukoll tgħid grazzi. Jiena tgħallimt meta kbirt.

Ritratt: Glen Mercieca

Niftakru wkoll, dan li qed ingawdi minn fejn ġej? Minn Alla. Mela grazzi Sinjur Alla, u lill-ġenituri, grazzi ma u pa. U intom tal-KDT illum għandkom bżonn tgħidu grazzi lil Sr Anna u lil-leaders. Nirringrazzjawk mill-ġdid, u l-Mulej iħarsek ta’ dak kollu  li għamilt.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Bar 1:15-22
Salm: 78 (79):1-2.3-5.8.9
L-Evanġelju: Lq 10:13-16