L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Proprju fl-1 ta’ Ottubru, ftit ġranet ilu, is-Senat Taljan approva d-deċiżjoni li x-xahar ta’ qabel kien ħa l-Parlament Taljan biex il-Festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi terġa’ ssir festa pubblika nazzjonali fl-Italja, bħalma kienet sa kważi ħamsin sena ilu. Li jolqtok hu kif kważi kulħadd qabel – fejn l-Italja rari jkun hemm qbil bejn il-partiti differenti, kien hemm qbil kważi unanimu.Ir-raġuni mhijiex biss għax San Franġisk kien Taljan u patrun tal-Italja, imma wkoll għax kien figura hekk importanti fl-Istorja u b’rilevanza kbira għall-ħajja llum, anke fost dawk li ma jħaddnux il-Fidi Kattolika. 

Ħafna drabi, San Franġisk jissemma b’rabta mal-faqar, mal-ambjent, mal-paċi. Filwaqt li nagħrfu dal-kontribut importanti li ta u għadu jagħti sal-lum, nixtieq li mmorru llum fl-għeruq: x’kien li lil San Franġisk mexxih biex jgħix stil ta’ ħajja li sal-lum għadha daqshekk rilevanti u tagħti messaġġ qawwi lil tant nies?

Il-bidla

Kienet l-esperjenza ta’ Ġesù Kristu, u l-bidla li hu ġab fih. Franġisku, meta kien żagħżugħ, kien fuq tiegħu. Kien bin negozjant, ġej minn familja għanja, kien iħobb jixxala. Imma meta għadda minn esperjenza iebsa, għax fi ġlieda man-nies ta’ Perugia spiċċa l-ħabs u għadda żmien hemmhekk, din l-esperjenza wrietu li dak kollu li kien qed jgħix spiċċa fix-xejn. Għaraf aktar x’inhu l-iktar importanti fil-ħajja, dak li ma jispiċċax, dak li jagħti valur sħiħ lill-ħajja. U din kienet esperjenza li ġabet tassew bidla fih. 

Esperjenza oħra qawwija kienet dak inhar li kien iltaqa’ ma’ persuna marida bil-marda tal-lebbra, li kienet timbuttak, u minflok ma ħarab, mar u għannaqha b’imħabba.

San Franġisk għaraf li hija l-esperjenza ta’ Ġesù li tagħtina s-sens fil-ħajja u tgħinna biex ngħixu l-Evanġelju tiegħu b’imħabba kbira. F’San Franġisk naraw ħajja li fiha fittex li jgħix l-Evanġelju b’mod radikali u mingħajr kompromessi, b’mod li jieħu bis-serjetà l-kelma ta’ Ġesù. Kienet din li għenitu biex jagħmel għażliet imporanti fil-ħajja.

Il-faqar

Għażel li jgħix fil-faqar. Għal Franġisku, il-faqar ma kienx ifisser li tgħix fil-miżerja. Imma kien ifisser li tgħix ħieles, għax dak kollu li jista’ jkollok fil-ħajja u dak li tista’ takkumula fil-ħajja mhux se jimlielek qalbek. Qalbek jimlihielek Ġesù meta tgħix tassew il-kelma tiegħu, u jgħinek ma torbotx qalbek mal-affarijiet tad-dinja. 

Dan hu l-ewwel messaġġ li jagħti lilna lkoll, għaliex kultant fil-ħajja nfittxu li nimlew ħajjitna b’ħafna affarijiet li fil-fatt jgħaddu, u neħlu ħafna ħin preokkupati fuq dak li jgħaddi. Jista’ wkoll li aħna nitmexxew mir-regħba għall-ġid, u nafu li l-kilba għall-flus tħalli ħafna ħsara fil-ħajja tagħna u tas-soċjetà. San Franġisk jgħallimna kemm hu importanti li aħna nagħmlu din l-għażla li jurina Ġesù: li norbtu qalbna ma’ dak li jibqa’, u nużaw il-ġid tagħna biex nistgħu nagħmlu ġid mal-oħrajn, u b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.

Il-ħolqien

San Franġisk jgħallimna l-għożża tal-ħolqien. Proprju għaliex kellu qalbu mimlija b’Ġesù, seta’ jagħraf kemm hu sabiħ il-ħolqien – ix-xemx, il-qamar, l-annimali, il-ħxejjex, l-ilma. Kollu sabiħ. Il-ħolqien hu don li tana Alla biex inħarsuh, mhux biex neqirduh jew nisfruttawh b’mod li nagħmlu ħsara. Hekk ried minna Alla meta għamel il-ħolqien: tahulna biex nieħdu ħsiebu.

Dan hu messaġġ importanti għalina llum, għax nafu kemm l-għożża tal-ħolqien għandha toħroġ mill-istess fidi tagħna f’Alla li tana dan id-don. Altru tħares lejn il-ħolqien bħala don, u altru tħares lejh bħala mezz kif tużah biex tiggwadanja minnu int. 

Kemm hu importanti li jkollna din l-għożża tal-annimali, li għandna dejjem nieħdu ħsiebhom u nħarsuhom. Hu għalhekk li wara dil-quddiesa se nagħmlu t-tberik tal-annimali, biex infaħħru u nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan id-don, biex nitolbu l-ħarsien tiegħu u nagħrfu nuru dejjem rispett lejn l-annimali.

Ispirati minn San Franġisku, ejjew nieħdu bis-serjetà l-għożża tal-ħolqien kemm fid-deċiżjonijiet tagħna personali, kif ukoll fil-ħidma fis-soċjetà Maltija biex l-ambjent inħarsuh u ma neqirduhx.

Il-paċi

San Franġisk jagħtina wkoll messaġġ importanti dwar il-paċi. Kif nafu, il-paċi mhijiex biss li ma jkunx hemm gwerer. Jalla ma jkunx hemm, u għandna nitolbu biex jieqfu l-gwerer u l-konflitti li tant jagħmlu ħsara u joħolqu tbatija! Imma San Franġisku jurina li l-paċi madwarna tiġi l-ewwel mill-paċi tal-qalb, li mbagħad tgħinna biex inkunu strumenti tal-paċi kulfejn inkunu.

Hu dan li smajna fl-Evanġelju meta Ġesù jgħidilna: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28). Hija din il-paċi li jagħtina hu, il-paċi tal-qalb, li mbagħad turi ruħha fir-rispett lejn xulxin u fil-ħidma tagħna għall-paċi fis-soċjetà u fid-dinja. 

Hija paċi li nesprimuha fil-kliem li ngħidu u fil-kliem li niktbu. Ħa nsemmi l-media soċjali llum, kemm kliem jinkiteb ta’ insulti, ta’ tgħajjir. Kultant ukoll kliem vulgari, li min jgħidu bilkemm ma jaħsibx li qed niggustawh. Dal-kliem ħażin x’juri? Li ġewwa l-qalb tkun imħassra, li ġewwa hemm il-kruha – għax il-kruha ta’ barra hi espressjoni ta’ dak li hemm fil-qalb.

San Franġisku jurina kif il-paċi f’qalbu wriet ruħha fil-ħidma tiegħu biex jibni fraternitajiet – komunitajiet li jgħixu l-komunjoni. Hu dan li tul is-snin u fi żmienna msejħa biex jagħmlu l-fraternitajiet Franġiskani li hu waqqaf. U San Franġisk kien ukoll strument ta’ paċi fis-soċjetà, b’azzjoni li dejjem tfittex l-għaqda, anke f’ċirkustanzi diffiċli. Ispirati minnu, naħdmu biex inkunu dejjem strumenti tal-paċi ta’ Ġesù.

Is-sofferenza

San Franġisk tant kien magħqud ma’ Ġesù li lejn l-aħħar snin ta’ ħajtu rċieva l-istimmati li għaqqduh ħaġa waħda mal-Passjoni ta’ Ġesù. Kienet din esperjenza ta’ sofferenza li wasslitu għall-glorja. 

Hu jurina kemm hu importanti li nagħrfu ngħixu t-tbatija f’għaqda ma’ Ġesù, u naqsmu t-tbatija ta’ dawk li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli, ħalli nkunu għalihom ta’ appoġġ u għajnuna, u lilhom ukoll inwasslulhom l-Aħbar it-Tajba – kif kien jagħmel San Franġisk.

It-tiġdid

Kif tafu, fil-knisja żgħira ta’ San Damjan, meta San Franġisk kien qed jitlob quddiem il-kurċifiss, sema’ leħen jgħidlu: “Franġisku, mur u sewwi l-Knisja tiegħi li, kif qed tara, qiegħda tiġġarraf”. Għall-bidu ħaseb li kien qed jgħidlu għall-bini tal-knisja, għax kien f’qagħda ħażina u kellu bżonn tiswija. Imma mbagħad għaraf li kien qed jgħidlu għall-Knisja, biex hu jġedded il-Knisja bil-ħajja li jgħix.

San Franġisk għaraf ħaġa importanti ħafna – il-Knisja ġġeddidha billi inti tgħix l-Evanġelju u hemm iġġib bidla. San Franġisk qatt ma kien iħares lejn il-Knisja minn barra, u jgħid ħafna xorti kontra l-Knisja qisu qed jieħu gost imaqdar il-ħażin tagħha. San Franġisk għaraf li l-aqwa bidla fil-Knisja jġibha billi hu jgħix tassew l-Evanġelju, u hekk ikun strument ta’ tiġdid.

F’din il-festa ta’ San Franġisk, nitolbu l-interċessjoni tiegħu biex jgħinna ħalli nkomplu nkunu ispirati mill-ħajja sabiħa tiegħu – ħajja ta’ tifħir u glorja lil Alla fl-għajxien tal-kelma tiegħu b’imħabba kbira. Nitolbu lill-Mulej biex, bħalu, permezz tal-għajxien tal-Evanġelju, inkunu nistgħu ngħinu tassew fit-tiġdid tal-Knisja u tas-soċjetà.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta