L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hemm tliet punti li jsemmi Ġesù llum fl-Evanġelju, li huma żgur ta’ ġid għall-ħajja tagħna. Ħa nibda mill-aħħar kliem li jgħid, li għall-bidu jinstema’ ftit stramb, meta jgħid: “min għandu jingħatalu, u min ma għandux jitteħidlu saħansitra dak li jaħseb li għandu” (Lq 8:18).
Aħna f’moħħna mal-ewwel jiġina l-ħsieb: dan fair li bniedem li ma jkollux jispiċċa li ma għandu xejn, u min għandu jkollu ħafna aktar? Imma Ġesù mhux qed jitkellem fuq flus, jew proprjetà, jew affarijiet li aħna nistgħu b’xi mod nakkumulaw, imma qed jitkellem fuq ħaġa oħra. Għalhekk jgħid: “Oqogħdu attenti kif tisimgħu” (Lq 8:18). Hu qed jgħid fuq il-grazzja ta’ Alla li aħna nieħdu permezz tal-Kelma tiegħu. Nisimgħu l-Kelma. Hu qed jgħid: aktar ma aħna nilqgħu bil-qalb il-Kelma tiegħu, aktar ikollna. Imma jekk aħna nagħlqu qalbna u naħsbu li nafu kollox, nispiċċaw ma jkollna xejn. Dak hu s-sens tal-Kelma tiegħu hawnhekk: “min għandu jingħatalu” – jiġfieri min diġà fetaħ qalbu għall-Kelma ta’ Alla ikollu iżjed, u Alla jagħtih il-grazzja tiegħu, għax hu qed jilqagħha; imma min jagħlaq qalbu għalih, għall-Kelma ta’ Alla, jitlef, “jitteħidlu saħansitra dak li jaħseb li għandu”.
Jgħid ukoll Ġesù: “ma hemm xejn moħbi li ma għadx jidher, u xejn ma hemm mistur li ma għadx jingħaraf u jinġieb għad-dawl” (Lq 8:17). Issa aħna nafu li meta jkun hemm xi ħaġa kemm tajba u kemm ħażina, tista’ tkun mistura, magħmula minn taħt, u jista’ jkun tinġieb għad-dawl. U nafu li jekk nieħdu xi ħaġa ħażina li tkun saret, per eżempju, xi skandlu, joħloq agħa meta jinġieb għad-dawl, mhux meta jibqa’ mistur. Issa Ġesù qed jgħid li ma hemm xejn moħbi li ma għadx jidher, u xejn mistur li ma għadx jingħaraf u jinġieb għad-dawl – imma aħna nafu li, fil-fatt, hemm ħafna affarijiet li jibqgħu moħbijin fil-ħajja u li ma nsirux nafu bihom, ħżiena u tajbin. X’qed jgħid Ġesù hawn? Hawn qed jgħid Ġesù: quddiem Alla, ma hemm xejn mistur. Ma hemm xejn li tista’ taħbi minnu, u għalhekk importanti li aħna jkollna dejjem l-intenzjoni li nagħmlu l-ġid, u li nagħżlu t-tajjeb. Għax jekk aħna naħsbu li se nagħmlu xi ħaġa ħażina u naħbuha, jista’ jkun li maż-żmien il-ħażin jinkixef; imma anke kieku stess jibqa’ mistur, quddiem Alla ma hemm xejn li ma għadx jinġieb għad-dawl, li hu mistur għalih.
Hawn nieħdu l-Kelma l-oħra li jgħid Ġesù: “Ħadd ma jieħu musbieħ u jgħattih b’għatu, jew iqiegħdu taħt sodda, imma jqiegħdu fuq l-imnara biex kull min jidħol ġewwa jara d-dawl” (Lq 8:16). Qed jgħid li d-dawl int ma għandekx tqiegħdu f’post fejn jinħeba, imma fejn jidher, biex jilħaq l-iskop tiegħu. U hawn Ġesù qed jitkellem fuq it-tajjeb. Hu kien qal lin-nies, bħalma jgħid lilna, “intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5:14), meta nagħżlu li nimxu tassew skont il-Kelma tiegħu. Hu qed jgħid kemm hu importanti li aħna ma naħbuhx it-tajjeb. Mhux fis-sens li nitkabbru bih jew niftaħru, għax hekk ħażin; imma li aħna nagħrfu li t-tajjeb inwassluh ukoll, li n-nies jaraw dak li qed isir u li hu ta’ ġid biex jista’ jkollhom id-dawl għal ħajjithom. Hu f’das-sens li qed jgħid li aħna ma naħbuhx.
U kemm isir ġid! Jekk inħarsu biss lejn il-ħajja tal-Knisja, f’kull qasam tagħha, kontinwament isir il-ġid. Jekk insemmu l-Kelma li titwassal, jekk insemmu l-karità u l-ħidma soċjali tal-Knisja, għaliex kultant nieqfu fuq xi ħaġa ħażina li nisimgħu, u ninsew dak il-ġid kollu? Għax aħna stess kultant ma nwasslux dan id-dawl li tant jagħmel ġid. U għalhekk li l-Kelma ta’ Alla tħeġġiġna biex il-ġid inwassluh, biex it-tajjeb nuruh, ħalli n-nies jistgħu tassew jaraw dak li jagħti dawl għal ħajjithom.
Ejjew nitolbu lill-Mulej illum b’din il-Kelma tiegħu li tant tagħmlilna ġid għall-ħajja tagħna. Nitolbuh biex aħna nilqgħu l-Kelma tiegħu ħalli tkompli tissaħħaħ fil-ħajja tagħna; nitolbuh biex dak li nagħmlu, nagħmluh dejjem b’intenzjoni tajba, għax nafu li quddiemu ma hemm xejn moħbi; u nitolbuh biex jagħtina l-kapaċità li t-tajjeb inwassluh biex ikun ta’ dawl u ta’ għajnuna għal tant nies.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju