L‑Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dr Robert Tufigno bħala l‑President tal‑Moviment ta’ Kana. Huwa ħa post Dr Joseph Cassar li kien ilu fil-kariga minn Jannar 2021.
Il‑Moviment ta’ Kana huwa għaqda fi ħdan il‑Knisja f’Malta li ilha taħdem mal‑familji sa mill-1956. Fost is‑servizzi li l-Moviment ta’ Kana joffri hemm il‑korsijiet ta’ tħejjija għaż‑żwieġ, il‑formazzjoni lill‑koppji u lill‑familji, servizz ta’ edukazzjoni fl-ippjanar naturali tal-familja u għarfien dwar il-fertilità, counselling għall‑persuni kollha li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet personali u fil-familja, kif ukoll jaħdem mill‑qrib mal‑parroċċi fil-qasam tal-għarajjes u l-familji. Iħaddan fih ukoll il-Grupp Familji Nsara (GRUFAN) magħmul minn komunitajiet ta’ familji.
Dr Robert Tufigno huwa avukat u ilu jaħdem fil-Moviment ta’ Kana għal dawn l-aħħar snin meta serva bħala membru tal-Kunsill tal-Moviment.