L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Kemm hija ta’ swied il-qalb xena fejn tara lil omm jew missier, xi ħadd mill-ġenituri li qed jibku lil uliedhom, għax ikunu tilfuhom! Aħna, bħalissa, meta naraw xeni mill-gwerer jew mill-konflitti – per eżempju, dawk l-ostaġġi li qegħdin miżmumin f’Gaża, u l-familji tagħhom; per eżempju, in-nies ta’ Gaża, tant tfal li spiċċaw mejta jew midruba – meta tara omm jew missier li għandhom xi ħadd minn uliedhom mejjet, hi xena tassew ta’ qsim il-qalb! Dak hu li naraw fl-Evanġelju. Naraw lil Ġesù fl-aħħar mument qabel miet, imma għandna lil Marija ħdejn is-salib qed tbati miegħu. Aħna niċċelebraw proprju t-tifkira tal-Madonna tad-Duluri bil-kbir f’Malta, u naraw lil Marija wkoll kultant, fi xbihat, qiegħda żżomm lil binha Ġesù mejjet.

X’tgħallimna Marija meta hi qiegħda ħdejn is-salib ta’ Ġesù? Hemmhekk qiegħda tħobbu sal-aħħar. Ħajjitha kollha mimlija mħabba lejh, u baqgħet miegħu sal-mument l-iktar diffiċli, hemmhekk ħdejn is-salib. Hi preżenza ta’ solidarjetà, preżenza ta’ faraġ, ta’ sapport lil Ġesù li qed imut, u fl-istess waqt preżenza ta’ tama. Marija taħt is-salib mhix biss l-omm li qiegħda tbati ħafna, imma wkoll l-omm li hi sinjal ta’ tama. U t-tama hi li dak mhuwiex l-aħħar mument, imma li Ġesù se jqum għal ħajja ġdida, kif fil-fatt għamel. Għalhekk hemmhekk naraw lil Marija bħala sinjal ta’ tama.

X’tgħidilna lilna din it-tifkira li qed nagħmlu llum? L-ewwel nett tfakkarna li aħna għandna din l-omm. Bħalma smajna fl-Evanġelju, Ġesù tahielna bħala ommna. U bħalma tant kienet tħobb lilu, hekk tħobb ukoll lilna. U lilna takkumpanjana fil-mumenti kollha ta’ ħajjitna, imma speċjalment fil-mumenti l-iktar diffiċli, fil-mumenti meta qisna naraw dlam biss, inkunu qisna mgħaffġin mit-toqol tal-ħajja. Kemm hu importanti li aħna niftakru li għandna din l-omm li qed takkumpanjana u tagħtina l-faraġ u t-tama, u tagħtina l-qawwa li għandna bżonn!

Fl-istess waqt, Marija tgħinna biex aħna bħalha nkunu ta’ sapport, ta’ faraġ, ta’ għajnuna għal dawk li għaddejjin minn tbatija. Kemm nies illum jinsabu waħedhom, qegħdin ibatu waħedhom, qegħdin ibatu huma jew minħabba t-telfa ta’ xi ħadd għażiż għalihom! Kemm nies ukoll li f’mumenti tal-ħajja jaraw biss dlam! Hu importanti li aħna nkunu għalihom ta’ appoġġ, ta’ sapport, ta’ għajnuna, biex ħadd ma jbati waħdu jew tbati waħedha. Anzi, biex isibu l-għajnuna li hemm bżonn.

Illum qed nagħmlu enfasi partikulari għal dawk il-persuni li għandhom sfidi ta’ saħħa mentali. Hu għalhekk li jgħaddu ħafna drabi wkoll mit-tbatija. Għandhom bżonn l-għajnuna, u tajjeb jiftakru li teżisti din l-għajnuna. Hemm nies f’diversi oqsma professjonali li lesti biex jagħtuhom l-għajnuna. Għalhekk, speċjalment dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli, l-appell lilhom hu biex ma jaqtgħux qalbhom, biex ma jħallux lilhom infushom jitgħaffġu taħt il-piż tal-ħajja, imma jfittxu l-għajnuna li għandhom bżonn, għax hemm min lest li jgħinhom u jrid li jgħinhom. 

U minna lkoll – kemm hu importanti li aħna bi kliemna nkunu bħal Marija, jiġfieri ngħidu kelma ta’ faraġ, sensittivi għal dawn in-nies li qegħdin ibatu! Lesti li noffrulhom l-għajnuna biex jimxu ’l quddiem, mhux biex ikomplu jitgħaffġu. Għalhekk, qatt bi kliemna ma nweġġgħu lin-nies, bħalma kultant jiġri sfortunatament fuq il-media soċjali – bi kliem li jġib biss uġigħ u tbatija. Dan hu l-messaġġ importanti li tagħtina Marija llum, aħna u narawha qed tbati ma’ binha, imma fl-istess waqt tkun għalih ta’ faraġ, ta’ mħabba, ta’ solidarjetà u ta’ tama.

Ejjew nitolbuha llum biex aħna nkunu dejjem bħalha – ta’ għajnuna u ta’ sapport għal dawk li qegħdin ibatu. Speċjalment niftakru llum fil-persuni li qegħdin ibatu minħabba s-saħħa mentali, li għandhom sfidi fis-saħħa mentali, biex ifittxu u jsibu l-għajnuna li jeħtieġu. Minna lkoll dejjem kompassjoni, imħabba, sapport u kull appoġġ li jeħtieġu.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta