L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm kelma fl-Evanġelju illum li meta tismagħha, speċjalment għall-ewwel darba, tiskandalizza – meta Ġesù jgħid: “Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx…” (Lq 14:26) u jsemmi lill-missier u lill-omm, lil martu u l-ulied, ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu. Dil-kelma ma ddoqilniex għax aħna lil Ġesù nafuh dejjem jitkellem fuq l-imħabba u li inti għandek dejjem tħobb, u tħobb mhux biss lil dawk li huma qrib tiegħek, imma wkoll saħansitra, hu jgħid, li tħobb lill-għedewwa tiegħek (ara Mt 5:44), tħobb lil min jobogħdok. U nafu li dejjem hemm din l-enfasi fil-Kelma ta’ Alla; per eżempju, fl-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann, fejn juża l-istess kelma: “min jobgħod ’il ħuh, jinsab fid-dlam, jimxi fid-dlam, u ma jafx fejn hu sejjer, għax id-dlam għemielu għajnejh” (1 Ġw 2:11). Allura, x’qed jgħid Ġesù hawnhekk?

Kelma qawwija li għandha tifsira

Nifhmu l-kelma li qed juża Ġesù hawn meta naraw kif fehmuh id-dixxipli tiegħu li semgħuh, u dawk li mxew warajh. Dawn qatt ma fehmu li Ġesù b’xi mod qed iħeġġeġ il-mibegħda – jiġifieri li inti jkollok mibegħda lejn xi ħadd, wisq inqas lejn tad-dar. Imma l-kelma li juża Ġesù, fil-kuntest ta’ dak iż-żmien tant snin ilu, kienu jużawha wkoll biex tfisser: li tħobb inqas, li tqiegħed fit-tieni post. Għalhekk, Ġesù qed jitkellem hawn mhux fuq li jkollok mibegħda lejn xi ħadd, imma qed jgħid: Alla għandu jkollu l-ewwel post fil-ħajja ta’ kull min hu dixxiplu. Dak hu l-messaġġ li qed jagħti Ġesù.

Ħa nħarsu ftit lejn dak li jgħid Ġesù fuq id-dixxipli tiegħu li kien jgħodd għal dak iż-żmien u li jgħodd ukoll għalina llum. Ħa nsemmi tliet punti minn diversi li jsemmi Ġesù hawn.

L-ewwel post

L-ewwel nett, jgħid Ġesù: Alla għandu jkun l-ewwel. Fil-ħajja tagħna, qed jgħid, irridu nqiegħdu lil Alla fl-ewwel post, u ħadd ma jieħu postu, ħadd ma jkun iktar importanti minnu. Meta nagħmlu hekk, nindunaw li mbagħad, fil-fatt, għax inqiegħdu lilu fl-ewwel post, Alla jgħinna biex ikollna l-isbaħ u l-aħjar relazzjoni mal-oħrajn – ma’ tad-dar, ma’ min niltaqgħu, anke ma’ min jagħmlilna l-ħsara – għax inkunu qegħidna lil Alla l-ewwel. Għalhekk l-insistenza tiegħu: Alla għandu jkun fl-ewwel post fil-ħajja tagħna.

U dan ngħiduh mhux sempliċiment bil-kliem imma bl-għażliet li nagħmlu fil-ħajja tagħna. Meta jkollna lilu fl-ewwel post, isbaħ tkun il-ħajja tagħna personali, imma wkoll flimkien. Meta nqiegħdu lilu fl-ewwel post, l-omm tkun omm aħjar, il-missier ikun missier aħjar, l-aħwa jgħixu aħjar bejniethom, u dejjem isbaħ tkun il-ħajja tagħna.

Is-salib

Jgħid Ġesù wkoll li min irid ikun dixxiplu tiegħu jrid jerfa’ salibu. X’ifisser terfa’ salibek? Aħna kultant nużaw dil-kelma meta xi ħadd irridu nieħdu paċenzja bih. Ngħidu: kif jien imsallab b’dan, jew b’din! Is-salib tiegħi! Veru, kultant tieħu paċenzja, u tieħu paċenzja għax ikollok salib. Salib jista’ jkun ukoll dak li jiġi fuqna, bħall-mard jew ċirkustanzi diffiċli fil-ħajja tagħna. 

Imma li qed jgħid Ġesù wkoll hu li s-salib hu għażla – jiġifieri, li nagħżlu li nimxu warajh bis-sagrifiċċji kollha li dan ifisser, li nagħżlu li nagħmlu s-sewwa bid-diffikultajiet kollha li dan jista’ jġib fil-ħajja tagħna. Għalhekk is-salib, li aħna nerfgħuh, u nagħrfu li qed nerfgħuh flimkien ma’ Ġesù għax hu jakkumpanjana fis-slaleb li jkollna fil-ħajja tagħna.

Imma dejjem irridu nifhmu tajjeb dan li jgħid Ġesù, u nitolbuh biex aħna nagħrfu s-salib tagħna, u x’għandna nagħmlu, kif għandna nerfgħuh. Ħa nsemmi eżempju li hu attwali ħafna fil-ħajja tagħna, ta’ kif irridu noqogħdu attenti meta ngħidu “jien għandi salib”. Hu persuna, per eżempju, li d-dar hi vittma ta’ vjolenza domestika, li għandha sitwazzjoni fejn hi vittma ta’ abbuż. Jista’ jkun hemm min jgħidlek: dan hu s-salib tiegħi. Imma fil-fatt, is-salib tiegħek mhuwiex li int taċċetta sitwazzjoni ta’ abbuż jew taċċetta sitwazzjoni fejn inti vittma ta’ vjolenza domestika. Għandek salib, imma s-salib huwa li tieħu l-passi kollha biex ma tibqax tbati l-abbuż, biex ma tibqax vittma. Dak hu s-salib tiegħek! U nafu li hu s-salib, għax jirrikjedi ħafna sforz u ħafna għajnuna. Imma hemm hu s-salib, mhux li int tibqa’ vittma ta’ abbuż.

Għalhekk qed ngħid kemm hu importanti li aħna nifhmu l-kelma ta’ Ġesù kif ngħixuha. Qed jgħid Ġesù li s-salib ifisser li tagħżel dak li hu sewwa, anke meta hu diffiċli, imma li tfittex li tagħmel dejjem dak li hu sewwa.

Il-ġid ma għandux ikun katina

Ġesù jgħid ukoll: “Ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu” (Lq 14:33). X’ifisser dan il-kliem? Ma jfissirx li aħna lkoll bilfors nagħżlu li nħallu l-ġid kollu tagħna u li niddedikaw ruħna f’ħajja kkonsagrata. Dik hi l-għażla ta’ persuni kkonsagrati, b’vokazzjoni speċjali li Alla jagħtihom, u hemm diversi nies li mxew wara Ġesù b’dal-mod.

Imma li qed jgħid Ġesù hawnhekk hu li l-ġid li għandna, u l-ġid li jipprovdilna, qatt ma jkun għalina dak li jikkmandana fil-ħajja tagħna, dak li jikkundizzjonana. Għax jista’ jkun, iva, li l-ġid li jkollna jkun bħal katina li jżommna marbutin fil-ħajja; u għalhekk ma jħalliniex naraw tassew kif nużaw tajjeb il-ġid li għandna għall-oħrajn – għall-familja tagħna, imma anke għal dawk fil-bżonn. Dan li qed jgħid Ġesù: jekk aħna l-ġid ikun dak li jikkmandana, li jmexxina, li jikkundizzjonana, hemmhekk ma nistgħux inkunu tassew dixxipli tiegħu bil-libertà. Ma jkollniex f’qalbna dik il-paċi, dak il-ferħ, li jagħtina hu meta aħna nagħrfu li l-ġid li għandna nużawh tajjeb, u biex aħna nistgħu nagħmlu wkoll il-ġid mal-oħrajn.

Talba għall-kandidati għall-Griżma tal-Isqof

Nitolbu lill-Mulej illum li aħna nkunu tassew dixxipli tiegħu, u nagħrfu din l-għażla li rridu nagħmlu. Kif jispjega tajjeb Ġesù hawnhekk, mhix xi ħaġa li tiġi waħedha; hi għażla li aħna għandna nagħmlu bis-serjetà, u li turi ruħha fil-mod kif ngħixu l-ħajja tagħna. 

Speċjalment nitolbuh illum għal dawn l-adulti li ftit ġranet oħra se jirċievu s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof, biex tkun għalihom tassew okkażjoni ta’ grazzja kbira. L-Ispirtu s-Santu jgħinhom biex ikunu dixxipli ta’ Ġesù, li qatt ma jibżgħu jagħtu xhieda tiegħu fil-ħajja.

Nitolbu li aħna nkunu dixxipli tiegħu, speċjalment fil-mod kif qed jitkellem Ġesù llum: li hu jkun fl-ewwel post fil-ħajja tagħna; li nerfgħu s-salib u nagħrfu li qed jakkumpanjana fis-slaleb tal-ħajja tagħna; u li nagħrfu nużaw tajjeb il-ġid li jagħtina b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta