Carlo Acutis li hu mlaqqam bħala “l-influencer t’Alla” lbieraħ ġie ikkanonizzat bħala l-ewwel qaddis tal-millenju flimkien ma’ Pier Giorgio Frassati. Newsbook Malta tkellem mal-għalliem Roberto d’Amato li hu flimkien ma’ għalliema oħra u studenti mill-Kulleġġ ta’ Santu Wistin kienu preżenti għal din il-kanonizazzjoni li qanqlet ħafna interess madwar id-dinja kollha.
Hu qal li din esperjenza sabiħa ħafna kemm għalihom kif ukoll għal dawn is-sitt studenti li ngħaqdu magħhom. Il-Papa kkanonizza lil Carlo Acutis, li miet fl-2006, waqt Quddiesa fi Pjazza San Pietru quddiem madwar 80,000 ruħ, ħafna minnhom millennialsu koppji bi tfal żgħar.
Il-Papa Ljun XIV qal li bil-ħajja eżemplari tagħhom li kienet “kapulavur” jgħinuna nħarsu lejn Alla filwaqt li qabbilhom mar-Re Salamun li kien staqsa għall-għerf. Qal li dawn ukoll fittxew l-għerf tal-ħajja biex jifhmu l-pjan t’Alla għal ħajja tagħhom.
Meta ddeskriva l-ħajja ta’ San Pier Giorgio Frassati, żagħżugħ Taljan tas-seklu 20, il-Papa qal li bil-parteċipazzjoni tiegħu f’assoċjazzjonijiet Kattoliċi u s-servizz tiegħu lill-foqra hu kien xhieda qawwija tal-ispiriwalità lajka għaliex il-fidi ma kinitx xi kwistjoni privata imma għexha mal-oħrajn. Min-naħa l-oħra, dwar Carlo Acutis il-Papa qal li dan irċieva r-rigal tal-fidi mingħand il-familja tiegħu. Hu għex il-fidi tiegħu wkoll permezz tal-iskola, iżda b’mod speċjali permezz tas-sagramenti fil-komunità tal-parroċċa. Hu kiber f’ambjent naturali ta’ t-talb, sport, studju u l-karità fl-adoloxxenza u ż-żgħożija tiegħu. Fil-mard tagħhom baqgħu dejjem viċin ħafna ta’ Ġesù.
Għall-Agostinjani din kienet sena speċjali għall-fatt li l-Papa Ljun XIV ġej mill-ordni Agostinjana. Ferħu ħafna meta l-Papa Ljun XIV intebaħ bil-bandiera kbira li tellgħu bl-arma ta’ Santu Wistin fuqha.
B’dan il-mod l-istudenti mhux qed jitgħallmu biss dwar dawn il-valuri imma qed jarawhom fil-prattika bl-eżempji ta’ dawn il-qaddisin żgħażagħ.
Acutis u Frassati kellhom isiru qaddisin aktar kmieni din is-sena imma ċ-ċerimonja kellha tiġi posposta minħabba l-funeral tal-Papa Franġisku li ħalla din id-dinja l-għada tal-festa tal-Għid il-kbir.
Matul din is-sena l-Knisja Kattolika qed tiċċelebra l-Ġublew tat-Tama. J’Alla l-ħajja ta’ dawn il-qaddisin fis-sempliċità tagħhom timliena bit-tama u naspiraw li nimxu wara l-qalb t’Alla.
Source: Newsbook.com.mt
Article written by Gabriel Lia