Waqt il-programm The Handbook f’jum il-festa tat-twelid ta’ Marija, iż-żagħżugħ Luca Fenech qal li dak li jolqtu l-iktar fil-Madonna huwa li dejjem kienet preżenti qrib binha Ġesù u fl-aħħar kwotazzjoni tagħha li hemm fl-evanġelju tgħidilna biex nagħmlu dak li jgħidilna Hu.
Il-mistednin ta’ The Handbook ta’ din il-ġimgħa huma Ian Borg u Luca Fenech. The Handbook jixxandar kuljum fuq RTK103 fil-05.30, fis-12:40, fis-19.20 u fid-21.30, kif ukoll fuq Facebook permezz tal-paġna The Handbook.
Silta mill-qari tal-lum
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew. – Mt 1: 1-16. 18-23
It-tnissil ta’ Ġesù Kristu sar hekk: Ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, ħarġet tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u li ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel f’rasu li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Wara li qatagħha li jagħmel hekk, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, la tibżax tilqa’ għandek lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġie bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hi jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.
Source: Newsbook.com.mt
Article written by George Cassar