Photo: Caritas Internationalis

469 paġna. Aktar minn 12,000 isem.

Ismijiet ta’ tfal li nqatlu mill-kunflitt ta’ bejn Israel u l-Ħamas mis-7 t’Ottubru tal-2023 sal-15 ta’ Lulju ta’ din is-sena.

12,211 tifel u tifla Palestinjani u 16 Iżraeljani.

Sigħat sħaħ ta’ qari ta’ dawn l-ismijiet mill-Kardinal Zuppi, l-Arċisqof ta’ Bolonja u President tal-Konferenza Episkopali Taljana. Kull isem karba biex tintemm il-gwerra.

Dawn inqraw lejlet il-festa ta’ Marija mtella’ s-sema’. Il-post minn fejn hu għamel dan hu wkoll wieħed sinifikattiv. Hu qara dawn l-ismijiet fil-fdalijet ta’ knisja li nħarqet min-Nażi fl-1944 fejn  kienu qatlu 770 ruħ fosthom aktar minn 200 tifel u tifla.

Nhar il-Ġimgħa l-Papa Ljun XIV talab biex ikun jum ta’ talb u sawm għall-paċi fid-dinja.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Gabriel Lia