Waqt il-programm The Handbook fuq RTK103, Fr Reuben Gauci qal li r-regħba għall-flus twassalna biex ma napprezzawx lill-persuni ta’ madwarna għal dak li huma u tnaqqrilna l-ħin minn magħhom għax nippreferu li ninvestuh f’xi ħaġa jew xi ħadd li jrendilna qligħ.

Il-mistednin ta’ The Handbook ta’ din il-ġimgħa huma Fr Reuben Gauci u Silvana Cardona. The Handbook jixxandar kuljum fuq RTK103 fil-05.30, fis-12:40, fis-19.20 u fid-21.30, kif ukoll fuq Facebook permezz tal-paġna The Handbook.

Silta mill-qari tal-lum
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew – Mt 23, 23-26
Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, waqt li minn ġewwa jkunu mimlija bi frott is-serq u r-regħba! Fariżew agħma, it-tazza l-ewwel naddafha minn ġewwa, biex imbagħad tkun nadifa minn barra wkoll!”.

Source: Newsbook.com.mt

Article written by George Cassar