Photo: Byron Briffa

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fost il-kliem ta’ Ġesù li l-aktar jaħsadna, u li jinstema’ jistona, huwa dan li smajna fl-Evanġelju llum, meta Ġesù jgħid: “Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda” (Lq 12:51). Jgħaddilna minn moħħna: dan hu l-istess Ġesù li dejjem nafuh bħala dak li jġib il-paċi? Li mill-ewwel mument, meta l-anġli dehru lir-rgħajja biex iħabbrulhom li twieled Ġesù, kienu qalu: “paċi fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu” (Lq 2:14)? Dan hu l-istess Ġesù li qal: “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla” (Mt 5:9)?

Mal-ewwel hu kliem li jaħsadna u jinstema’ stramb. U iktar u iktar jinstema’ hekk meta Ġesù jsemmi l-firda fil-familja. Mhux qed jgħid biss il-firda qalb in-nies; imma jgħid li jkun hemm fl-istess dar nies mifrudin kontra xulxin – “il-missier kontra l-iben, l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint, il-bint kontra l-omm…” (Lq 12:53)  U iktar u iktar tinstema’ stramba meta llum, f’din l-okkażjoni, qed niċċelebraw proprju l-familji – speċjalment, dawk li żżewġu din is-sena, u dawk li qed jiċċelebraw il-25 u l-50 anniversarju taż-żwieġ tagħhom.

Mhux ħolqu l-firda, imma sofrew il-firda

X’qed jgħid Ġesù? Nistgħu nifhmu tassew lil Ġesù meta naraw in-nies li semgħuh dak iż-żmien x’fehmu. Ġesù kien qed jitkellem ma’ nies, l-ewwel dixxipli tiegħu, l-ewwel nies li emmnu fih, li fehmu sew li mhux qed jgħidilhom li hu jġib il-firda, il-konflitti. Imma qed jgħidilhom li minħabba li huma għażlu li jimxu warajh, u jsiru dixxipli tiegħu, uħud minnhom kellhom din l-esperjenza proprju fil-familji tagħhom – jiġifieri, għax għażlu li jimxu wara Ġesù, kien hemm nies fil-familji tagħhom li ħaduha kontriehom, forsi tefgħuhom ’il barra, emarġinawhom, proprju għaliex għażlu li jimxu wara Ġesù. Mhux għax għamlu xi ħaġa ħażina, mhux għax kellhom xi kwestjoni fuq il-wirt, jew xi kwestjoni fuq affarijiet tal-familja, imma għax huma għażlu li jimxu wara Ġesù. U d-diviżjoni mhux huma ħolquha, imma huma sofrewha. Mhux huma li qalu “ħa niġġieldu kontra l-familja”, imma kellhom iħabbtu wiċċhom mal-firda minħabba li mxew wara Ġesù.

Photo: Byron Briffa

Din hi l-firda li jitkellem fuqha Ġesù. In-nies mill-ewwel fehmuh, għax din kienet l-esperjenza ta’ xi wħud minnhom. Dawn riedu li jimxu wara Ġesù, li jkunu dixxiplu tiegħu, u riedu li jgħixu kif għallimhom Ġesù, u minħabba f’hekk, anke nies mill-familja tagħhom stess daru kontriehom. 

In-nar li ġie jqiegħed

Il-kliem ta’ Ġesù għalhekk kien kliem li jagħmlilhom kuraġġ, u jagħmel kuraġġ lilna llum.  Ġesù għallimhom lin-nies li anke jekk stess ikun hemm min hu kontrik, int trid tibqa’ tħobbu, trid taħfirlu. Dawn in-nies kienu nies, dixxipli ta’ Ġesù, mimlijin proprju b’din l-imħabba tiegħu, bil-ħniena tiegħu, bil-maħfra tiegħu. Hu għalhekk li Ġesù jgħid, proprju fil-bidu tal-Evanġelju tal-lum: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġa qabad!” (Lq12:49)

X’nar hu dan? Mhuwiex in-nar li jeqred, mhuwiex in-nar li jagħmel il-ħsara, imma hu n-nar tal-imħabba tiegħu, tal-ħniena ta’ Alla. Hu n-nar li jrid jagħti lilna fil-qalb tagħna, lilna li nagħżlu li nimxu warajh. Dan fehmuh id-dixxipli – u għalhekk kellhom qalb mimlija mħabba. Anke jekk sofrew din il-firda li jsemmi Ġesù, mill-istess nies qrib tagħhom, kienu jafu li mexjin wara Ġesù, li fuqu stess naqraw fil-prologu tal-Evanġelju skont San Ġwann: “Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11). Il-firda tissemma mill-bidu nett, għax lil Ġesù, l-istess nies qrib tiegħu, qraba tiegħu, ma laqgħuhx.

In-nar tal-imħabba fil-ħajja tal-familja

Dan hu n-nar li jixtieq jara Ġesù, in-nar tal-imħabba tiegħu. Illum għandna hawnhekk, f’din l-okkażjoni speċjali, miżżewġin ġodda li żżewġu din is-sena, u miżżewġin li qed jiċċelebraw il-25 sena u l-50 sena ta’ żwieġ. Dawn għamlu din l-esperjenza ta’ mħabba fi ħdan il-familja – laqgħu l-imħabba ta’ Alla u għamlu ħilithom biex jgħixuha fil-familja. U sabu li l-imħabba mhijiex biss sentiment għax tħoss, imma hija għażla: għażla li tfisser kultant sagrifiċċju, li tfisser li ġieli trid tbati, imma hemm turi tassew kemm tħobb. 

Photo: Byron Briffa

Illum nirringrazzjaw lil Alla ta’ din l-imħabba, ta’ dan in-nar li Alla qiegħed fil-qalb ta’ dawn il-miżżewġin ġodda, kif ukoll ta’ dawk li qed jiċċelebraw il-25 u l-50 anniversarju taż-żwieġ tagħhom. Dawn għexu snin mhux ħażin ta’ żwieġ, u jafu kemm fil-ħajja taż-żwieġ ikun hemm mumenti meta l-affarijiet mexjin sew, u tkun kuntent jew kuntenta, u mumenti meta jinqalgħu l-intoppi – imma dak li jgħin lill-miżżewġin li jimxu ’l quddiem u jegħlbu dawn il-mumenti diffiċli hu proprju dan in-nar tal-imħabba li Alla qiegħed fil-qalb tagħhom.

Hu n-nar li jippurifika, hu n-nar li jgħinna biex negħlbu l-egoiżmu. Hu n-nar li jgħinna biex naħsbu f’xulxin u nuru imħabba lejn xulxin f’kull waqt tal-ħajja tagħna.

Marija b’nar iħeġġeġ f’qalbha

Jekk hawn persuna li lilna tgħallimna għall-ħajja tagħna personali u għall-ħajja taż-żwieġ, hi sewwasew Ommna Marija. Jekk hawn persuna li meta nħarsu lejha naraw dan in-nar li jsemmi Ġesù, nar fil-qalb tagħha, hija Marija. 

Intom għandkom din ix-xorti sabiħa li l-parroċċa tal-Imġarr hi ddedikata lil Santa Marija – Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem, u din is-sena qed niċċelebraw il-75 anniversarju mid-domma tal-Assunta. Marija għexet il-ħajja kollha tagħha magħquda ma’ Alla. L-avveniment speċjali fl-aħħar ta’ ħajjitha li Alla taha biex tkun l-ewwel waħda li tgawdi mill-qawmien ta’ Ġesù b’mod sħiħ, u jtellagħha fis-sema bir-ruħ u l-ġisem, mhuwiex avveniment maqtugħ mill-bqija tal-ħajja tagħha. Hi għexet il-ħajja tagħha kontinwament b’din ir-rabta sħiħa ta’ fedeltà lejn Alla. Għexet kontinwament b’dan in-nar tal-imħabba tul ħajjitha kollha.

Photo: Byron Briffa

Tolqotni ħafna, meta naraw il-ħajja ta’ Marija, li fil-ħajja tagħha ma hemm xejn sensazzjonali, mirakli, affarijiet li joħolqu stagħġib. Ħafna mill-ħajja tagħha għaddietha bejn l-erba’ ħitan tad-dar – taqdi, tħobb, tfaħħar lil Alla, tara kif tagħmel lill-oħrajn kuntenti. Imma għexet il-waqtiet kollha tal-ħajja tagħha, ħafna minnhom moħbija, b’din il-fedeltà lejn Alla u b’din l-imħabba kbira, in-nar iħeġġeġ fil-qalb tagħha. 

Tolqotni kif lil Marija narawha spiss tbati. Anke fl-istess mumenti tal-ferħ – bħall-“misteri tal-ferħ” – li meta tinżel fil-fond tal-ġrajjiet, tara kemm hemm tbatija. Ħu l-mument meta jidhrilha l-anġlu Gabriel fit-Tħabbira tal-Mulej – hu żgur esperjenza ta’ ferħ, imma għaliha kienet ukoll esperjenza mmarkata minn tbatija għax ma tistax tara għalxiex dieħla imma tagħżel li timxi kif irid Alla. Hekk naraw tul waqtiet differenti tal-ħajja tagħha sa taħt is-salib ta’ Ġesù – hi dejjem lesta biex tgħix bil-fedeltà, lesta biex tħobb, lesta biex tbati ħa tagħmel dak li jrid Alla. U tagħmel dan sal-aħħar.

F’din il-quddiesa se nitlob għalina lkoll preżenti hawnhekk, għall-komunità parrokkjali tal-Imġarr, u speċjalment għal dawn li qed jiċċelebraw l-ewwel sena taż-żwieġ tagħhom jew anniversarju speċjali taż-żwieġ tagħhom. Nitlob li nagħrfu ngħixu b’fedeltà sħiħa lejn il-Mulej – din l-għażla li għamlu l-ewwel dixxipli tiegħu – ukoll meta din l-għażla tfisser kultant sagrifiċċju u tbatija. Nitlob li Alla li jgħinna ngħixu bin-nar ta’ mħabba fil-qalb tagħna.

Photo: Byron Briffa

Inħarsu lejn Ommna Marija, u nitolbuha: kun int li takkumpanja lilna fil-ħajja tagħna, kun int li takkumpanja lill-familji tagħna, u lill-komunità parrokkjali, ħalli aħna naslu fejn wasalt qabilna int, u nistgħu hemmhekk ingawduk għal dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju