L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Imbierka inti fost in-nisa, imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesù” (Lq 1:42).

Dawn il-kliem li lissnet Eliżabetta u li smajna fl-Evanġelju tal-lum jiġbru s-sinifikat profond ta’ din il-festa solenni li qiegħda tiġi ċċelebrata llum madwar id-dinja: l-Assunta – it-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija ta’ Nazaret, Omm l-Iben t’Alla magħmul bniedem.

Il-ħarsa, il-ħaddejn u x-xufftejn ta’ Marija

Imbierka inti fost in-nisa, imbierka l-ħarsa ta’ għajnejk – il-ħarsa li iltaqet mal-ħarsa tal-messaġġier tal-Mulej, l-Arkanġlu Gabriel, meta għamillek proposta tremenda: li ssir Omm Alla. Imbierka dik il-ħarsa li ferħet fit-twelid ta’ ibnek meta sibt ruħek fis-silġ tal-għar ta’ Betlem. Imbierka l-ħarsa t’għajnejk int u tfittxu f’Ġerusalemm, tibkih għax mitluf u tibki bil-ferħ għax sibtu lura.

Imbierka l-ħarsa t’għajnejk li fit-tieġ ta’ Kana, meta ndunajt li l-għarajjes ma kellhomx aktar inbid, ħarist lejn ibnek u tlabtu jagħmel xi ħaġa. Dik il-ħarsa għażiża li tajt lill-qaddejja int u tgħidilhom: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).

Imbierka l-ħarsa t’għajnejk int u tfittex lil ibnek meta qalulek li ġġennen u smajtu jgħid: “Hienja dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jagħmluha” (Lq 11:28).

Hienja l-ħarsa t’għajnejk, Marija, int imbierka fost in-nisa li segwejt lil ibnek fit-triq tal-Kalvarju u ħarist lejh imbikkija, imsallab. Hienja l-ħarsa t’għajnejk, Marija, inti u f’Jum il-Għid tħaddan lil ibnek irxuxtat mill-mewt. Hienja l-ħarsa t’għajnejk kollha ħniena, kif nitolbuk: “Dawwar il-ħarsa t’għajnejk fuqna, aħna l-midinbin, u agħtina faraġ. Itlob mingħand Alla l-Missier li jħenn għalina.”

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Hienja ħaddejk, Marija – min jaf kemm irċivew bews mingħand ibnek Ġesù, u dik il-bewsa tal-aħħar qabel sellimlek meta telaq mid-dar biex jibda l-missjoni tiegħu. Hienja xufftejk meta lill-Anġlu Gabriel imriegħda qaltlu: “Hawn il-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek” (Lq 1:38).

Hienja xufftejk fis-silenzju tagħhom, li f’kull kelma għażiża, safja, meqjusa u qaddisa tiegħek, Illum smajniek tfaħħar lil Alla għall-kobor tiegħu; smajniek tifraħ f’Alla s-salvatur tiegħek. Ammettejt, Marija, li hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu, u b’umiltà realistika fakkartna li minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħlek ‘hienja’.

It-tama tal-qawmien

Inti tassew hienja, Marija, għaliex il-ġuf tiegħek ġarr lill-Iben t’Alla magħmul bniedem. Is-sider tiegħek reda’ minnu s-Salvatur, riġlejk ħaffu biex jaqdu lil Eliżabetta, ħaffu int u tfittex lil ibnek, ħaffu biex tkun miegħu taħt is-salib. Imbierka inti fost in-nisa, Marija, għaliex ibnek tak il-grazzja li tieħu sehem fil-misteru tal-qawmien tiegħu b’mod speċjali, u fik tana sinjal li t-tama tagħna fil-qawmien għall-ħajja mhijiex tama fiergħa imma tama sabiħa. Hu għażlek biex tkun ommu u biex tkun ommna, u meta d-dixxipli fittxewk fil-qabar, ma sabukx – sabu qabar vojt, għax ibnek ma pppermettiex li l-ġisem safi u għażiż tiegħek jara t-taħsir.

Illum niċċelebraw l-intervent ta’ ibnek li rxuxtak għall-ħajja b’mod partikolari u speċjali kif jixraq lil Omm is-Salvatur. Illum ukoll niċċelebraw il-fatt li l-għeżież tagħna mejtin u aħna, meta jasal il-mument, nieħdu sehem mill-istess glorja tal-qawmien. Imma inti għallimtna li t-triq għall-qawmien tibda minn issa: fl-ubbidjenza tagħna lejn Alla, ubbidjenza umli, ubbidjenza li taħseb fil-proxxmu. Imħabba safja – imħabba lejn Alla, lejna nfusna u lejn ħutna. Għax il-Mulej iniżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom – hekk għidtilna inti – u jgħolli liċ-ċkejknin. Iċ-ċokon tagħna, Marija, huwa meta aħna nammettu r-realtà profonda tagħna u lil Alla ngħidulu, kif għallimna San Ġorġ Preca: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.”

Mhuwiex iċ-ċokon tan-nuqqas ta’ ħila jew ta’ għerf, imma l-bżonn radikali ta’ Alla. Dan huwa ċ-ċokon li jogħġob lil Alla, għax għal Alla, il-glorja ta’ kull wieħed u waħda minna hija glorja tiegħu – għax aħna xbieha tiegħu – u dak li jixtieq minna huwa li nagħrfu li hu Alla u li m’hemm ħadd ieħor bħalu.

It-talba għall-paċi u l-ħniena

Inti għallimtna wkoll nittamaw fil-Mulej: “Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ u l-għonja bagħthom ’il barra b’xejn; ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu” (Lq 1:53-54). Fakkarna, Marija, li Alla jieħu ħsiebna dejjem. Kemm hi għażiża din il-kelma tiegħek, Marija: “Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu” (Lq 1:54).

Meta nisimgħu dik il-kelma, ‘Iżrael’, f’dawn il-ġranet, nitolbuk – int bint il-poplu ta’ Iżrael – biex lill-poplu tiegħek turih it-triq tal-paċi, tal-ġustizzja, tar-rispett u tad-dinjità umana ta’ kulħadd. Waqt li nitolbuk bħala bint Iżrael, nitolbu għal ħutna f’Gaza wkoll illum.

Fil-festa tiegħek illum, Marija, se ssir laqgħa importanti bejn il-kbarat tad-dinja – ma nafx jekk hux se nkun tost – imma nitolbuk tinterċedi għalina u trattab il-qlub biex jieqfu l-gwerer, biex min hu bil-ġuħ ikollu x’jiekol, u min hu bil-għatx ikollu x’jixrob, u biex ngħixu fil-paċi madwar id-dinja kollha.

U fuqna, l-Maltin u l-Għawdxin, Marija, nitolbuk titfa’ l-ħarsa ħelwa tiegħek. Inti imbierka fost in-nisa, inti t-tama tagħna, ħlewwa tagħna; Malta u Għawdex imberkin b’tant knejjes, kappelli u niċeċ li jfakkru t-tlugħ tiegħek fis-sema. Donnu dawn il-gżejjer mill-antik nett iddedikaw lilhom infushom b’mod speċjali lil dan l-episodju importanti tal-eżistenza tiegħek.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Fih, il-Mulej ried juri l-qawwa tiegħu, u lilna jagħtina tama kbira. Nitolbuk għall-mejtin tagħna biex huma jkollhom l-esperjenza tal-qawmien u jitħaddnu bil-glorja ta’ ibnek l-għażiż. Marija, il-qabar vojt tiegħek f’Ġerusalemm huwa sinjal għalina li l-qabar tagħna – li jara t-taħsir – mhuwiex l-aħħar kelma tal-eżistenza tagħna, imma t-tħaddina tal-Mulej fil-ħniena tiegħu hi d-destin ta’ kull wieħed u waħda minna, għax kif għallimna l-Appostlu Missierna, San Pawl, Marija: “Is-sema tagħna hija s-sema pajjiżna.”

Imbierka inti fost in-nisa, imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek. Nitolbuk, Marija, f’dan il-jum solenni tat-tlugħ tiegħek fis-sema, li taqlalna l-grazzja li ma nitilqu qatt ħarsitna minn fuqek, ja kewkba tas-sema, kewkba tal-baħar, u li qalbna tħeġġeġ bit-tama tal-ħajja ta’ dejjem billi ngħixu fuq l-art fil-paċi bejnietna u ma’ Alla l-imbierek.

Sliem għalik, Sultana, Omm tal-Ħniena, Ħajja, Ħlewwa, Tama tagħna – sliem għalik.

Viva Santa Marija!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa
Qari I: Apok 11:19a, 12:1-6a, 10ab
Salm: 44
Qari II: 1 Kor 15: 20-26
L-Evanġelju: Lq 1:39-56

Aktar ritratti