Id-Direttur Artistiku tar-Roof Top Series Annalisa Schembri stqarret li l-bejt tal-Istitut Kattoliku bil-veduti li għandu u permezz tal-arti, qed joffri nifs biex wieħed jieqaf ftit u japprezza dak li qed jiġi ppreżentat. Min jattendi qed jingħata ċ-ċans li jkun viċin ħafna tal-artisti f’palk pjuttost intimu, għaliex ix-xewqa ta’ Schembri hi li “l-udjenza tħoss aktar milli tara” u hekk jkunu mqanqlin biex huma wkoll joħolqu jew iwettqu x-xewqa artistika li dejjem ħolmu li jagħmlu.
Dawn is-serje ta’ avvenimenti li qed isiru matul dan is-sajf, fost il-ġimgħa, qed isiru għat-tieni sena konsekuttiva, fuq il-bejt tal-Istitut Kattoliku u huma organizzati mill-Uffiċju tad-Delegat tal-Arċisqof għall-Kultura.
Schembri kienet qed tieħu sehem fil-programm What’s On Newsbook li jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa wara l-aħbarijiet tal-12pm fuq RTK103.
Hi tkellmet ukoll dwar l-ewwel lejla li kellhom li kienet suċċess kbir, lejla ta’ flamenco minn Francesca Grima u Puerto Flamenco.
Fil-kalendarju issa jmiss l-ewwel kunċert tal-artista multidixxiplinarja Ruth Borg bis-sehem tal-kompożitur Ingliż Jethro Cooke u l-mużiċisti Fleur van den Berg u Pete Galea. Dan se jsir fit-30 ta’ Lulju u wieħed se jkun jista’ japprezza dawn il-kanzunetti bil-Malti.
Imbagħad fl-4 ta’ Awwissu ħa jkun hemm kunċert ‘In Between’ minn żewġ artisti emerġenti Martina Borg u Jolene Samhan li ħa jkantaw flimkien għall-ewwel darba. Huma kienu parti mill-kor li kien akkumpanja lil The New Victorians f’Diċembru li għadda, mill-ġdid fuq inizjattiva tal-ADfC. Schembri saħqet fuq kemm hi importanti għaliha li b’dan il-palk tagħti spazju lill-artisti żgħażagħ.
Hemm serati letterarji ġejjin kif ukoll serata ta’ mużika klassika u oħra bis-sehem tal-kantanta Claire Tonna. Għalqet billi qalet li tapprezza l-gratitudni tal-artisti li qed jaċċettaw li jitilgħu fuq dan il-palk f’dan il-post uniku.
Wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni minn hawn.
L-intervista kollha:
Source: Newsbook.com.mt