L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ordna li dawn iż-żewġ uliedi joqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fis-Saltna tiegħek” (Mt 20:21). Din hija t-talba li omm għamlet lil Ġesù, u nifhmuha! Kienet tiġi omm Ġakbu u Ġwanni – kellha din l-ambizzjoni għal uliedha. U nifhmu, għaliex bħala omm riedet l-aħjar għal uliedha; anke jekk ma kinux għadhom tfal, imma riedet tagħtihom l-aħjar.
Imma Ġesù fehem li din l-ambizzjoni, għalkemm ħierġa verament mill-imħabba, ma taqbilx mas-Saltna t’Alla. Li kienet qed tfittex kien il-ġieh, il-poter, post prominenti. Imma hu kien ilu jispjega, u ried iwassal b’mod ċar, li s-Saltna tiegħu mhijiex hekk. Is-Saltna tiegħu mhijiex dwar poter, jew dwar kif tiddomina, imma hija s-salib, l-għotja ta’ mħabba fuq is-salib. Għalhekk, qed jgħid Ġesù, fis-Saltna tiegħu mhux tfittex li tkun l-ewwel, imma li tħobb sal-aħħar.
Għalhekk ir-risposta tiegħu kienet mal-ewwel li jindirizzahom lejn il-passjoni u l-mewt, meta jgħidilhom: “Għandkom il-ħila tixorbuh il-kalċi li se nixrob jien?” (Mt 20:22) Isemmi “l-kalċi” – niftakru lil Ġesù fl-Ort tal-Ġetsemani, meta qal: “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int” (Mt 26:39). Huma mal-ewwel qalulu: “Għandna” (Mt 20:22). Imma Ġesù ried ifissrilhom b’mod ċar x’qed jgħid. Qalilhom: “Il-kalċi tiegħi intom tixorbuh, iva” (Mt 20:23). Għaliex qed jgħid hekk? Għax Ġakbu, li qed niċċelebraw il-festa tiegħu llum, kien l-ewwel wieħed fost l-Appostli li miet martri – insibuha din fl-Atti tal-Appostli (Atti 12:2). “Il-kalċi tixorbuh tassew”; imma mbagħad jgħid: “imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom hi mħejjija minn Missieri” (Mt 20:23). Interessanti din, għax Ġesù qed jitkellem fuq il-passjoni u l-mewt; u min kien fuq ix-xellug u fuq il-lemin tiegħu meta kien imsallab? Kienu tnejn ikkundannati, “ħallelin” (Mt 27:28), aħna nsejħulhom wieħed “tajjeb” u l-ieħor “ħażin”. Dawn kienu fuq ix-xellug u fuq il-lemin.
Ġesù hawnhekk ried ifissrilhom li hemm bżonn din il-bidla, trasformazzjoni, minn tfittxija ta’ poter, jew ta’ prominenza, jew ta’ ġieh, għal għotja kollha mħabba. Ġesù mhux kontra l-ambizzjoni, imma jippurifikaha l-ambizzjoni biex huma jfittxu tassew dak li jiġi l-ewwel fis-Saltna tiegħu. Dan kien diskors importanti mhux biss għal dawn it-tnejn u għal ommhom, imma wkoll għad-dixxipli l-oħra, għax dawn, naqraw fl-Evanġelju, “inkurlaw għaż-żewġt aħwa” (Mt 20:24). Inkurlaw mhux għax qalu “ara, x’għarukaża, x’qed jistaqsuh!”, imma għax huma riedu l-pożizzjoni importanti.
Għalhekk Ġesù jerġa’ jispjega kif hu “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mt 20:28). Ġesù qed jgħid li dan hu li aħna, bħala dixxipli, għandna nfittxu. Fis-Saltna tiegħu, ma għandniex infittxu l-preċedenza, il-prominenza, dak li jagħti ġieh, unuri, onorifiċenzi, titli – dawn kollha, meta tħares lejn Ġesù msallab, tara li ma jiswew xejn! Anzi, li kultant, jeħduna kontra l-ispirtu ta’ Ġesù msallab.
Dan fehmu tajjeb San Ġakbu, li qed nagħmlu l-festa tiegħu llum. F’Ġakbu naraw din it-trasformazzjoni, il-bidla: minn bniedem li jfittex lilu nnifsu, li jfittex dak li hu ta’ unur u ta’ poter, għal bniedem li jagħti lilu nnifsu. Sar, imbagħad, wieħed mill-appostli importanti fil-ħajja tal-Knisja. Lil Ġakbu nsibuh diversi drabi f’mumenti speċjali, bħat-Trasfigurazzjoni, bħal fl-Ort tal-Ġetsemani. Dawn kienu esperjenzi li lilu għenuh biex jifforma ruħu tassew bħala dixxiplu ta’ Ġesù biex, imbagħad, meta Ġesù qam mill-mewt u tela’ s-sema u bagħat fuq l-appostli l-Ispirtu s-Santu, hu sar wieħed minn dawk li jagħti xhieda sal-aħħar ta’ Ġesù ħaj. Kif nafu, il-martirju tiegħu hu l-uniku wieħed li jisemma fl-Atti tal-Appostli, għax kien l-ewwel wieħed fost l-appostli. Ġakbu jurina kif il-Mulej ittrasformah, biddlu, għamlu tassew xhud tiegħu, għamlu tassew appostlu tiegħu, biex iħabbar is-Saltna tiegħu.
Illum, fid-dawl ta’ din il-kelma ta’ Alla, nitolbu lil San Ġakbu jidħol għalina biex ikollna dan l-ispirtu li Ġesù ried fl-appostli: li aħna m’aħniex biex inkunu moqdija imma biex naqdu, biex nagħtu ħajjitna b’servizz u b’għotja sħiħa, bħalma Ġesù wriena mhux biss bil-kelma, imma b’ħajtu, speċjalment bl-għotja tiegħu fuq is-salib.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta