L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Tikkundannaw lil min hu bla ħtija” (Mt 12:7). Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù lill-Fariżej – hi akkuża li qed jagħmlilhom – meta huma għamlu lment fuq id-dixxipli tiegħu. Ġesù kien għaddej bil-mixi minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu, billi ħadhom il-ġuħ, bdew jaqtgħu s-sbul mill-għalqa, u jikluh. U l-Fariżej ilmentaw ma’ Ġesù fuq dak li kienu qed jagħmlu d-dixxipli. Ma kienx minħabba li huma kienu qegħdin jaqtgħu s-sbul mill-għalqa u jikluh, għax dak kien permess mil-liġi Lhudija (Dewt 23:25), imma għax dan kien qed jagħmluh f’Jum is-Sibt.

Għalihom, is-Sibt kien jum sagru. U verament hekk kien, skont ma Alla stess kien qalilhom, skont il-kmandamenti ta’ Alla: kellhom iħarsu Jum is-Sibt. Imma li ġara kien li wara li Alla tahom il-kmandamenti, fosthom dan, imbagħad huma żiedu maż-żmien diversi regolamenti – x’tista’ tagħmel jew x’m’għandekx tagħmel nhar ta’ Sibt – biex tħares is-Sibt. Semmew il-ħidma li ma tistax tagħmel, u daħlu f’ħafna rqaqat li kultant spiċċaw biex għamlu jum is-Sibt, flok jum sabiħ fejn tiltaqa’ ma’ Alla, u fejn tiddedika l-ħin lilu, jum b’ħafna piżijiet li trid iġġorr nhar ta’ Sibt, f’Jum il-Mulej.

Għalhekk ir-reazzjoni ta’ Ġesù kienet – qed jikkwota hawnhekk il-Profeta Ħosegħa – “ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju” (Mt 12:7).  Fil-Profeta Ħosegħa naqraw li l-Mulej jgħid: “Tjieba rrid u mhux sagrifiċċju. Li tagħrfu lil Alla rrid u mhux vittmi maħruqa” (Ħosea 6:6). Jiġifieri l-iktar importanti mhux dak li jidher minn barra, li qed tagħmel, bħall-vittmi li kienu joffru lill-Mulej. Imma li l-qalb tkun tassew qalb magħquda ma’ Alla u mimlija bl-imħabba tiegħu. Għalhekk: qalb mimlija mħabba, mimlija ħniena, li tagħder, li tfittex tassew il-ġid tal-bniedem.

Nixtieq li nieqfu fuq din is-silta u naraw xi punti li jgħid Ġesù li huma importanti għal ħajjitna. Meta hu jgħid “tikkundannaw lil min hu bla ħtija” – qed jgħid lill-Fariżej – din fiha diġà messaġġ importanti għall-ħajja tagħna. Għax jista’ jiġrilna aħna wkoll li niġġudikaw u nikkundannaw, u dan mhux biss f’moħħna imma anke bi kliemna, u nagħmlu dan anke lil min ma jaħti xejn. Kultant issibha din anke fuq il-media soċjali, li mal-ewwel wieħed jaqbad u jikteb hemmhekk kliem ta’ ġudizzju, ta’ kundanna, u kultant jeħel min hu bla ħtija. Għalhekk dan hu messaġġ importanti lilna lkoll: li noqogħdu attenti biex kliemna ma jkunx kliem ta’ ġudizzju, ta’ kundanna, speċjalment meta lanqas inkunu nafu l-affarijiet sew; u nafu li huwa l-Mulej li jista’ jagħraf tassew il-qalb.

Imma rrid insemmi ħaġa oħra wkoll, meta Ġesù jgħid “tikkundannaw lil min hu bla ħtija”. Irrid insemmi s-sitwazzjoni terribbli f’Gaża, fejn qed jiġri dan: nies innoċenti maqtula, nies li qed jistennew għall-ikel maqtula. Kif jista’ l-bniedem jasal sa hawn? Ilbieraħ smajna wkoll li kien hemm knisja Kattolika, l-unika knisja, l-unika parroċċa Kattolika hemmhekk, sfat il-mira ta’ attakk. Mietu n-nies, ferew ukoll lill-kappillan ta’ din il-komunità – il-parroċċa tas-Sagra Familja f’Gaża. Hi xi ħaġa terribbli. Qed jikkundannaw lin-nies bla ħtija, lin-nies innoċenti. Tista’ tgħid “ħadt żball”, imbagħad tgħaddi għal ħaġa oħra; u żball wara l-ieħor teqred in-nies, teqred il-poplu. Din hija ħaġa kerha mmens, terribbli. U għalhekk qed insemmiha jien, għax aħna għandna nikkundannaw il-qerda ta’ nies innoċenti, il-qerda ta’ nies li dak li qed jagħmlu hu li qed jippruvaw jgħixu ħajjithom, bħal din il-komunità Kattolika. Kultant, ukoll, inqatlu meta qed jistennew għall-ikel, biex jieklu. Hija tassew ħasra li dan jiġri fi żmienna.

Irrid insemmi, fil-fatt, dak li jgħid Ġesù hawn: “Ħniena rrid u mhux sagrifiċċju”. Għax Ġesù lilna jħeġġiġna li jkollna qalb mimlija umanità. Li aħna nagħtu każ tal-persuna, ir-rispett sħiħ lejha, lejn id-dinjità tagħha, lejn il-ħajja tagħha. Hemm irridu nibdew, hemm inkunu tassew qed nagħtu glorja lil Alla. Hemm inkunu tassew qegħdin niċċelebraw l-għaqda tagħna mal-Mulej, meta ngħixu tassew din l-imħabba tiegħu, u nwasslu verament l-imħabba tiegħu.

Għalhekk, it-talba li nixtieq nagħmel għalina lkoll hi biex aħna nagħrfu dil-kelma ta’ Ġesù. Nagħrfu li l-ewwel jiġi l-bniedem u l-ġid tiegħu, u li dak kollu li jitlob minna l-Mulej hu indirizzat għal dan. Nitolbu li ngħixu tassew dak li jrid minna l-Mulej bl-imħabba, bil-ħniena, bil-kompassjoni, b’mod li nkunu qegħdin naqdu d-dmirijiet tagħna b’umanità kbira.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta