L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Jiena nfittex il-mitlufa, inreġġa’ lura l-imxerrda, ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġrugħa, u nqawwi l-marida” (Eżekjel 34:16). Dan hu l-kliem li jgħid il-Mulej, li nsibu fil-ktieb tal-Profeta Eżekjel, fejn ifisser kif il-Mulej hu r-ragħaj, ir-ragħaj tagħna, kif tlabna wkoll fis-Salm (23). U dan il-kliem diġà jagħtina messaġġ importanti li jgħaqqad, fil-fatt, ma’ dak li nsibu fl-Evanġelju, meta Ġesù jfisser li hu bħal ragħaj li jfittex in-nagħġa l-mitlufa. Hu jgħid kliem sabiħ ħafna fuq meta jfittixha, din in-nagħġa li ntilfet, u jsibha. Imbagħad jgħid: “meta jsibha jifraħ biha, u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, u jsejjaħ għandu lill-ħbieb u lill-ġirien, u jgħidilhom: ‘ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli’” (Lq 15:5-6).
Din il-Kelma ta’ Alla turina diġà x’ifisser meta ngħidu: niċċelebraw il-Qalb ta’ Ġesù. Din il-qalb mimlija mħabba, ħniena, mogħdrija, maħfra. Din il-qalb ħanina “li tagħder u taħfer”. Din il-qalb, kif spjega Ġesù meta darba semma l-qalb tiegħu: “…jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). Kemm hi sabiħa din il-festa tal-lum meta aħna niftakru f’Ġesù li għandu qalbu mimlija mħabba u kompassjoni għalina, u kemm jiswa li aħna, fil-ħajja tagħna, inħarsu lejh b’dan il-mod – kif juri lilu nnifsu. Hu li jfittixna – dik il-qalb li tfittex lil min intilef, dik il-qalb li tmexxi lill-Mulej biex jifraħ b’min isib, jifraħ u mbagħad jgħid lill-oħrajn ukoll biex jagħmlu festa u jifirħu.
Għalhekk illum qegħdin immorru fil-qalba ta’ dak li aħna nemmnu – meta għandna lill-Mulej li hu r-ragħaj li jieħu ħsiebna, li jħarisna, li dejjem ifittex lilna anke meta nitbiegħdu, għax iridna miegħu, għax jaf li miegħu aħna għandna dejjem l-isbaħ u l-aħjar fil-ħajja tagħna. Kemm hu sabiħ li aħna jkollna din il-viżjoni ta’ Ġesù, inħarsu lejh b’dal-mod, u anke nwasslu dan lill-oħrajn, għax kultant ikun hemm min ikollu idea mċajpra ta’ Ġesù. Meta tifhem dil-qalb ta’ Ġesù, hemm hi qalb li żgur tgħinna biex aħna nwasslu lill-oħrajn ukoll għandu.
Filwaqt li nitolbu lill-Mulej li jkollna dejjem f’qalbna din l-imħabba li hu jrid jagħtina fil-festa tal-Qalb Imqaddsa tiegħu, din il-festa tgħinna wkoll biex niftakru kemm hu importanti li aħna jkollna qalb tixbah lil tiegħu. Jiġifieri qalb mimlija mħabba, kompassjoni, li tħoss għal min qed ibati; imma mhux biss tħoss, imma tfittex li tgħin u tieqaf ma’ min qed ibati. Qalb li tfittex li tneħħi u toqtol l-uġigħ, mhux il-ħajja. Lil min għaddej minn diffikultajiet fil-ħajja, tkun miegħu u tgħinu.
Għalhekk, qalb li ma tiġġudikax u ma tikkundannax lill-persuni.
Kultant tolqtok din: kemm ikun hemm kummenti insensittivi, anke fuq il-media soċjali. Per eżempju, tiġri xi traġedja, u kulħadd irid jikkummenta mal-ewwel. U kummenti li jweġġgħu, flok jgħidu: ħa nifhem it-traġedja li għaddiet minnha dil-familja. Kemm hija ħasra! Kemm turik qalb insensittiva! Kemm hi differenti minn dak li qed niċċelebraw illum, u li jrid Ġesù li aħna jkollna qalb tixbah lil tiegħu – jiġifieri qalb mimlija mħabba u sensittività għal dawk li għaddew minn diffikultajiet fil-ħajja, jew minn xi telfa, jew minn xi traġedja – għal kull min qed ibati, biex fina jsib tassew dil-qalb li tħobb.
Ħa tkun din it-talb li nagħmlulu llum f’dil-festa: Mulej, għinna biex aħna nħobbuk bl-istess imħabba li biha tħobbna int. U għinna biex, waqt li niċċelebraw il-Festa tal-Qalb Imqaddsa tiegħek, aħna jkollna qalb tixbah lil tiegħek.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta