L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“U kulħadd kiel u xeba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa” (Lq 9:17). Aħna qegħdin nagħmlu festa lil Ewkaristija tal-Mulej, l-ikel li jimla’ l-qalb tagħna bil-paċi u l-ferħ, li jagħtina tassew risposta għall-ġuħ kbir li hemm fil-qalb tagħna għall-imħabba, għall-għatx kbir li hemm fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna għall-paċi u l-hena tassew. “Kulħadd kiel u xeba’” (Lq 9:17).   

Din il-kelma tgħallimna li r-risposta li jagħtina Ġesù fl-Ewkaristija, hija risposta li timla l-qalb tagħna, li hi tweġiba vera ta’ dak kollu li nixtiequ tassew, anke forsi mingħajr ma nirrealizzaw. Kulħadd jixtieq li jkun maħbub. Kulħadd jixtieq li jkollu l-hena u l-paċi fil-ħajja tiegħu.

Ħuti l-għeżież, ma ninsewx li t-triq sabiħa li tana Ġesù hi propju t-triq tal-Ewkaristija, tal-ġisem u d-demm tiegħu. “Il-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal” wara li Ġesù tema’ mijiet ta’ nies (l-Evanġelju jgħid kien hemm madwar 5,000 raġel, mhux qed jikkalkula n-nisa u t-tfal, nimmaġina li kien hemm ħafna iżjed minn 5,000 persuna). Wara li tema’ din il-folla kbira, il-bċejjeċ tal-ħobż, li kien fadal, jinġabru fi tnax-il qoffa.

Ippermettuli nislet riflessjoni qasira fuq din it-12-il qoffa. In-numru 12 għall-poplu ta’ Alla hu l-pedament għax il-poplu t’ Alla mibni fuq 12-il tribu. L-artal għandu 12-il kolonna. Il-belt t’Alla għandha 12-il bieb. U l-Mulej għażel 12 mid-dixxipli tiegħu biex ikunu l-mibgħuta, l-appostli. It-12-il qoffa allura huwa dak li aħna qegħdin ingawdu. Aħna rċevejna d-don tal-Ewkaristija permezz tal-Appostlu Missierna San Pawl, u għalkemm ma kienx wieħed mit-12, imma kien ukoll mibgħud. Dawk it-12-il qoffa huma l-ħobż ta’ Ġesù li jintbagħat permezz tal-appostli mad-dinja kollha. U mhux biss hi missjoni matul u madwar id-dinja imma fiż-żminijiet kollha.

Dik it-12-il qoffa hi l-garanzija li l-Ewkaristija ma tonqos qatt fil-Knisja. Biex ma tonqos qatt għandna bżonn saċerdot li jisma’ leħen Ġesù meta jgħidilhom “agħtuhom intom x’jieklu” (Lq 9:13). Aħna s-saċerdoti ma nagħtux lill-poplu t’Alla ħaġa minn tagħna. Aħna bnedmin dgħajfa, magħżula biex nidħlu fl-ordni ta’ Melkisedek, li kien ta’ Ġesu saċerdot għal dejjem, biex fil-Knisja jibqa’ jkun hemm xi ħadd li jobdi l-kelma ta’ Ġesù “agħtuhom intom x’jieklu” (Lq 9:13), biex fil-knisja, fil-poplu ta’ Alla, jkun hemm min jirrispondi għax aħna lkoll ngħidu fil-Missierna: ‘ħobżna ta’ kuljum agħtina llum’. Ngħidu wkoll ‘aħfrilna dnubietna’. U fil-fatt fl-Evanġelju tal-lum jibda b’nota sabiħa li kellem lill-folol dwar is-saltna t’Alla, u fil-Missierna għallimna nitolbu ‘tiġi saltnatek’. Imma wkoll li jfejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan.

Ejjew nitolbu f’din il-festa tal-Ewkaristija, li aħna nibqgħu kultura li tfejjaq mhux toqtol. Li aħna ma nagħtux lil xulxin sustanza li toqtol, sejħulha li tridu. Il-kura li takkumpanjak sal-aħħar nifs ta’ ħajtek kif irid il-Mulej. U tgħiduli, għaliex qed ngħid hekk? Għaliex aħna qed niċċelebraw il-ħobż ħaj. Lil Ġesù ħaj. Qegħdin niċċelebraw ukoll li d-don tal-ulied. Illum il-ġenituri tagħhom, min jieħu ħsieb, wassluhom quddiem Ġesù biex jirċievu l-Ewkaristija, lil Ġesù stess.

Il-ġisem ħaj tal-Mulej, fil-ġisem, id-demm, ir-ruħ u d-divinità. U għalhekk nitolbu ħafna għat-tfal tagħna. Nitolbu għad-don tat-tfal, li hija barka kbira u għad-don tal-Ewkaristija għal kull wieħed u waħda minna. U fuq kollox, nitolbu għad-don tal-paċi. F’dinja fejn donnha l-loġika tal-vjolenza hi suprema, illum fil-festa tal-ġisem u d-demm ta’ Ġesù, il-prinċep tal-paċi, nitolbu għall-paċi.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 14:18-20
Salm: 109 (110):1,2,3,4
Qari II: 1 Kor 11:23-26
L-Evanġelju: Lq 9:11b-17

Aktar ritratti