Julian Fenech, li jmur fl-Iskola Primarja STC Annibale Preca Ħal Lija, huwa r-rebbieħ tal-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija 2025. Huwa ġie mressaq għal dan il-premju mill-kap tal-iskola, is-Sur Lawrence Darmanin.

Waħda mill-aktar kwalitajiet notevoli ta’ Julian hija d-dedikazzjoni tiegħu lejn studenti bi bżonnijiet speċjali u dawk minn kulturi differenti. Hu dejjem lest jaħdem magħhom, speċjalment meta jkun hemm xogħol fi gruppi.

Julian huwa eżempju ta’ xi jfisser li tkun ta’ qalb tajba. Dejjem bi tbissima ħelwa fuq wiċċu u atteġġjament pożittiv, it-tjubija tiegħu tidher f’ġesti żgħar ta’ kuljum bħal meta jaqsam l-affarijiet tiegħu, joffri kliem ta’ kuraġġ, jgħin lill-istudenti barranin jagħmlu traduzzjoni għal-lingwa Ingliża dak li jkun qed jingħad bil-Malti waqt attivitajiet barra mill-iskola, u jġib materjal żejjed mid-dar biex jaqsmu ma’ dawk li jkunu nsewhom.

Dan il-premju huwa organizzat mill-Laboratorju tal-Paċi.

Source: Il-Leħen