L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Faħħar, ruħ tiegħi, lill-Mulej!” (Salm 146:1) Dan hu li tlabna flimkien fis-Salm, dan l-innu ta’ tifħir lil Alla, u dan hu s-sentiment tagħna, ta’ tifħir u ringrazzjament lil Alla, aħna u nagħmlu llum din iċ-ċelebrazzjoni f’għeluq din is-sena ta’ formazzjoni mill-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali.
Nixtieq l-ewwel nett nirringrazzja lid-Direttur u t-tmexxija tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali għall-impenn kbir tagħhom, kif ukoll lil dawk kollha li taw sehemhom – il-lecturers u l-istudenti kollha li matul din is-sena li għaddiet ħadu b’serjetà kbira dawn il-korsijiet ta’ formazzjoni. Nixtieq nuri l-apprezzament tal-Knisja f’Malta għal dan.
Nistedinkom biex nirriflettu fuq tliet punti li jsemmihom illum San Pawl fit-Tieni Ittra tiegħu lill-Korintin (ara 2 Kor 8:7). Narahom bħala stedina għalina lkoll li nieħdu bis-serjetà l-formazzjoni tagħna Nisranija. San Pawl isemmi flimkien kif aħna għandna nkunu għonja: fil-fidi u l-kelma; fl-għerf u ż-żelu; fl-imħabba u l-ħniena.
Fil-fidi u fil-kelma
L-ewwel nett, fil-fidi u l-kelma. Dak kollu li nagħmlu hu intenzjonat biex jgħinna nissaħħu fil-fidi tagħna f’Ġesù Kristu, u l-kelma tiegħu tkun tassew dik li tmexxina fil-ħajja tagħna. Għandna bżonn li dejjem nikbru fil-formazzjoni fil-Kelma ta’ Alla, u nniżżlu l-għeruq ta’ ħajjitna fiha. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar nintebhu kemm din il-Kelma tiswa għall-ħajja tagħna, kemm tgħinna l-Kelma biex nagħrfu lil Ġesù bħala t-Triq, Il-Verita, u l-Ħajja.
L-istedina lilna lkoll hi biex inkomplu nieħdu bis-serjetà l-formazzjoni fil-Kelma ta’ Alla – nagħrfuha, ngħożżuha, u ngħixuha, u tkun hi li tagħtina d-direzzjoni fil-ħajja tagħna. Nintebhu aktar kemm hi importanti meta naraw l-injoranza reliġjuża kbira anke fost dawk li jistqarru li jemmnu. Din tidher meta jqumu ċerti kwestjonijiet ta’ diskussjoni, u kultant min jemmen iħossu konfuż għax l-għeruq ma jkunux fil-Kelma ta’ Alla.
Jekk aħna, minflok fil-Kelma ta’ Alla, l-għeruq ikunu fi tradizzjonijiet maħluqa mill-bnedmin maż-żmien, anke tradizzjonijiet reliġjużi stess, ma jkollniex il-qawwa li neħtieġu. Għalhekk inkomplu nieħdu bis-serjetà l-formazzjoni fil-Kelma ta’ Alla.
Fl-għerfu u ż-żelu
San Pawl isemmi wkoll l-għerf u ż-żelu. Aħna għandna bżonn l-għerf li hu rigal tal-Ispirtu ta’ Alla, li jgħinna biex nagħrfu lilna nfusna, nagħrfu d-dinja ta’ madwarna, u nagħrfu kif naqdu b’żelu l-missjoni tagħna, u noħolqu djalogu mas-soċjetà ta’ żmienna.
Hu l-għerf fil-ħajja kollha tagħna, u speċjalment li juri ruħu fil-kliem tagħna. Kultant din tinħass, kemm ikun diffiċli biex aħna nwasslu dak li nemmnu u l-valuri li nħaddnu lill-oħrajn, speċjalment f’kuntest ta’ soċjetà ta’ ħafna fehmiet differenti.
Din tolqot ħafna llum – ħa nieħdu l-kwestjoni li qed tiġi diskussa fil-pajjiż, l-ewtanasja. Ħarġet White Paper għall-konsultazzjoni fuq l-ewtanasja, u kien hemm, fost l-oħrajn, Ittra Pastorali tagħna l-Isqfijiet b’reazzjoni għal dak li qed jiġi propost.
Waħda mir-reazzjonijiet li spiss tisma’ hi din: int li temmen imxi mat-twemmin tiegħek, imma timponix it-twemmin tiegħek fuqi li ma nemminx. Nisimgħu nies jirraġunaw hekk: pajjiż li għandu fih nies ta’ twemmin differenti, jew ta’ bla twemmin, irid jirrispetta l-għażliet ta’ kulħadd. Kieku qed nitkellmu fuq affarijiet strettament reliġjużi, jew li għandhom x’jaqsmu direttament mal-prattika reliġjuża, bħas-sehem fil-quddiesa tal-Ħadd, tifhimha. Imma fejn jidħlu valuri fundamentali tal-ħajja, u kwestjoni ta’ ħajja u mewt, dan l-argument hu żbaljat.
Araw ftit: aħna li nemmnu nimxu ma’ dak li qalilna l-Mulej “la toqtolx”. U min ma jemminx, allura, jista’ jagħżel li joqtol? Aħna li nemmnu nimxu ma’ dak li qalilna l-Mulej “la tisraqx”. U min ma jemminx jista’ jħossu liberu li jisraq? Trid tkun temmen f’Alla biex ma toqtolx u ma tisraqx? Nindunaw li fejn jidħlu l-valuri fundamentali tal-ħajja, bħalma hi l-għażla bejn il-ħajja u l-mewt, mhijiex kwestjoni li torbotha sempliċiment ma’ min jemmen.
Għalhekk għandna bżonn l-għerf fid-djalogu tagħna mas-soċjetà. Ma għandniex ngħidu: jien nemmen hekk għax il-Knisja tgħid hekk. Per eżempju, jien kontra l-qtil għax il-Knisja tgħallem hekk. Le, il-Knisja tgħallem hekk għax il-qtil huwa ħażin fih innifsu! Mhijiex il-Knisja li twaħħallu tikketta fuqu biex tgħid li hu ħażin; minnu nnifsu ħażin. Dan hu l-għerf li għandna bżonn meta niddiskutu, biex verament ikun hemm djalogu fis-soċjetà, u biex nagħrfu nwasslu tajjeb il-valuri fundamentali.
Fl-aħħar mill-aħħar, fid-diskussjoni preżenti, irridu nistaqsu: x’soċjetà rridu aħna? Irridu soċjetà fejn l-Istat jgħin lil min irid ineħħi ħajtu, jew fejn l-Istat jagħmel minn kollox b’kull mezz biex jipprovdi kura ħolistika għall-persuna li qed tbati, itaffilu l-uġigħ b’kull mezz, u dejjem iwassal il-messaġġ: il-ħajja tiegħek hija għażiża?
Dan hu l-għerf li neħtieġu, biex nistgħu nagħmlu djalogu fis-soċjetà u nwasslu b’żelu l-valuri umani li għandhom imexxuna fil-ħajja tagħna. Għandna nagħtu l-kontribut tagħna b’ħeġġa. Meta xi ħadd jistiednek għall-konsultazzjoni, qed jagħmel dan biex tgħid x’taħseb, mhux biex inti tirrepeti dak li jaħseb hu. Għalhekk għandna nwasslu bil-libertà kollha imma wkoll b’mod ċar il-valuri l-iktar importanti tal-ħajja tagħna.
Fl-imħabba u l-ħniena
San Pawl isemmi l-imħabba u l-ħniena. Ġesù llum fl-Evanġelju jgħidilna kemm hi importanti, kemm hi radikali l-imħabba li jitlob minna. Mhijiex sempliċiment sentiment li tħoss, imma hi mħabba li tfisser għotja, sagrifiċċju. Hi imħabba lejn kulħadd, anke lejn min jaħsibha differenti minna jew lejn min jippersegwitana, bħalma jsemmi Ġesù fl-Evanġelju (ara Mt 5:44). Ma’ min jinsultana, aħna nwieġbu bl-imħabba; ma’ min iweġġagħna, aħna nwieġbu b’imħabba. Din hi l-imħabba li jrid minna l-Mulej.
Aħna li qegħdin nieħdu bis-serjetà l-formazzjoni Nisranija għandu jkollna din l-imħabba li tmexxina kontinwament f’ħajjitna. Hu b’dal-mod li nkunu verament nixbhu lil Ġesù, ta’ qalb ħelwa u umli.
Nitolbu lill-Mulej illum il-grazzja li aħna, li qed nieħdu bis-serjetà l-formazzjoni tagħna Nisranija, inkomplu nikbru f’din il-formazzjoni, speċjalment f’dawn it-tliet punti: fil-fidi u fil-kelma; fl-għerf u fiż-żelu; fl-imħabba u fil-ħniena. Il-Mulej jgħinna biex il-ħajja tagħna tkun tagħti xhieda tassew ta’ dawn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta