L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm dettall sabiħ f’din l-istorja, ftit qabel din is-silta li qrajna mill-Evanġelju skont San Ġwann. Hawnhekk Ġesù qiegħed fejn il-baħar tal-Galilija, meta deher lid-dixxipli tiegħu wara li qam mill-mewt. Kien qalilhom biex jitfgħu x-xibka n-naħa tal-lemin – għax dak il-lejl ma kienu qabdu xejn – u dawn qabdu ħafna ħut; mbagħad ġew u sabu lil Ġesù hemmhekk fix-xatt jistenniehom.

L-Evanġelju jgħid li hemmhekk kien hemm “faħam jaqbad bil-ħut fuqu” (Ġw 21:9). Huinteressanti li l-unika darba fejn jissemma, qabel fl-Evanġelju, il-faħam jaqbad kien waqt il-Passjoni ta’ Ġesù, meta r-rakkont jgħid li l-għases u l-qaddejja “kebbsu n-nar mill-faħam għax kien il-bard” (Ġw 18:18) u qagħdu hemm għas-sħana, u Pietru mar ħdejn dan in-nar jaqbad biex jisħon. Kien proprju hemmhekk li Pietru ċaħad lil Ġesù tliet darbiet.

Hu hawnhekk li, kif rajna fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jistaqsih tliet darbiet: Tħobbni int? “Tħobbni int aktar minn dawn?” (Ġw 21:15) U Pietru jwieġbu kull darba: “Mulej, int taf li nħobbok!” (Ġw 21:15) Araw kif Ġesù Rxoxt, meta jidher lil Pietru wara l-esperjenza kerha tal-passjoni, ma jgħidlux: x’għamilt hemmhekk? Int fallejt, għax ċħadtni! Ma jgħidlux hekk, ma jeħdux bir-rabja, imma jagħti l-opportunità lil Pietru biex ifiq mill-iżball li kien għamel meta ċaħad lil Ġesù, biex ifiq mill-ferita li kellu f’qalbu. Fil-Passjoni rajna li Pietru nduna mal-ewwel, u l-Evanġelju jgħid li “beka biki ta’ qsim il-qalb” (Mt 26:75), u hawnhekk, “ħass għafsa ta’ qalb” (Ġw 21:17) meta Ġesù staqsih tliet darbiet, imma kien il-mod biex Ġesù jfejqu minn dak li kien għadda minnu, billi għal tliet darbiet jistqarr: “Iva, Mulej, inti taf li nħobbok”.

Kemm hi sabiħa din l-istorja, din il-ġrajja li turina l-qalb ta’ Ġesù li lil Pietru kien fdah b’missjoni importanti ħafna – li jkun il-blata li fuqha jibni l-Knisja tiegħu – u meta ċaħdu, issa mhux iwarrbu fil-ġenb, imma jerġa’ jagħtih l-opportunità billi jfejqu mill-ferita tiegħu, jaħfirlu, u jagħtih din il-missjoni hekk importanti. Ġesù mbagħad ma jgħidlux: kollox sew, grazzi li tħobbni. Imma jagħtih il-missjoni, jgħidlu: “Irgħa l-ħrief tiegħi…irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21:15-17). Ġesù qed jurih li jerġa’ jafdah mill-ġdid b’din il-missjoni, minkejja dak li kien għamel fil-Passjoni, minkejja ċ-ċaħda. Jerġa’ jafdah b’missjoni hekk importanti li jirgħa l-poplu bħala ragħaj tal-Knisja.

Sabiħa ħafna din il-ġrajja! Turina kemm hu importanti li anke aħna nifhmu li l-ħidma tagħna – u b’xi mod jew ieħor aħna lkoll imsejħin biex nieħdu sehem f’din il-ħidma tal-Knisja – l-ewwel nett trid tkun ħierġa mill-imħabba. Għalhekk Ġesù, qabel ma qallu x’jagħmel, staqsieh għal tliet darbiet. Kull ħidma tagħna bħala Knisja għandha toħroġ, qabel xejn, mill-imħabba tagħna lejn Ġesù. Hi din l-imħabba li għandha tmexxina, hi din l-imħabba li għandha tgħinna biex naqdu tassew, inkunu ta’ servizz għan-nies.

Imma Ġesù jgħid ħaġa oħra wkoll importanti għalina li nieħdu sehem minn din il-missjoni tal-Knisja, meta lil Pietru jgħidlu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi”. Qed jurih li l-ħidma tiegħu fost in-nies ma tagħmilx imbagħad lin-nies “ta’ Pietru” jew “ta’ xi ħadd”, imma jibqgħu ta’ Ġesù. Fil-ħidma tagħna, aħna ngħinu lin-nies u nkunu ta’ servizz għalihom, imma huma ta’ Ġesù, mhux tagħna; ma nkunux aħna li qisna nieħdu pussess tan-nies, imma n-nies jibqgħu ta’ Ġesù. Għalhekk ngħinuhom u nagħtuhom servizz kif għallimna Ġesù, u kif xtaq minna Ġesù.

Hawnhekk Ġesù, fl-aħħar, isemmilu “b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla” (Ġw 21:19). Dan għaliex, kif nafu, Pietru baqa’ jgħix b’fedeltà din il-missjoni sal-aħħar. Dan li stqarr hawnhekk “inti taf li nħobbok” mexxieh sal-aħħar ta’ ħajtu b’fedeltà sħiħa. U dan nitolbu lill-Mulej illum. Nitolbuh li aħna wkoll nagħrfu ngħixu l-imħabba kbira lejh, li tfejjaqna min-nuqqasijiet u d-dgħufijiet tagħna. Ngħidulu: Mulej, inti taf li nħobbok. Għinni biex ngħix din l-imħabba b’servizz lejn l-oħrajn kif għallimtna u wrejtna inti, u b’fedeltà sal-aħħar.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta