L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

‘Nitlob li nimxi wara Kristu l-għarus tiegħi.’ Għeżiez Sr Matlene u Sr Anne Marie, hu dan li għadkom kemm tlabtu lill-Knisja, bit-tqegħid ta’ jdejkom f’idejn is-superjura tagħkom, il-Knisja tilqa’ l-impenn definittiv tagħkom f’din il-professjoni perpetwa. Li timxu wara Kristu hi li tilqgħu s-sejħa li għażlitkom waqt li tilqgħu l-ħarsa ta’ Ġesu fuqkom li hi ħarsa ta’ ħniena.

Aħna llum qegħdin nagħmlu festa kbira straordinarja, minn din il-ħarsa għax ħafna drabi meta nagħmlu festa tal-qaddisin u l-festi ta’ Sidtna Marija, donnu ninsew il-protagonista ewlieni ta’ dak li niċċelabraw li hu Alla. Illum waqt li qed niċċelebraw it-tnissil bla tebgħa ta’ Marija ta’ Nazaret, magħżula biex tkun omm l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, irridu niftakru li dan hu kapulavur tal-ħniena ta’ Alla. U niftakru fi kliemha stess: “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien. Ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar. Qaddis hu l-isem tiegħu” (Lq 1:5,48-49).

U din hi ħaġa straordinarjament kbira, li fit-tnissil tagħha l-Mulej ħares lejha u ħarisha minn kull tebgħa tad-dnub billi ħares lejn il-merti ta’ binha “għax il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien”. Mhux mil-lum ’il quddiem biss, anzi hi preprogattiva tal-ħniena ta’ Alla u għalhekk hija opra ta’ Alla, hi miżrugħa fil-fond fil-qiegħ tal-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna u tittrasformaha, Tittrasforma mid-dlam għad-dawl u mill-qalb tal-ġebel għal tal-laħam. Il-Mulej jaħfer dnubietek. Il-Mulej iżur il-passat tiegħi li qiegħed quddiemu dejjem, jarah, jaħfirli u jinsieh għax il-memorja ta’ Alla hi fakultà kbira li tħenn u tinsa. Għalina diffiċli.

U intom u togħxew f’din il-ħarsa, bħalma llum ġurnata sabiħa – tista’ toqgħod naqra fix-xemx u tisħon ftit – hekk intom tridu quddiem is-sagrament tkunu qiskom quddiem din ix-xemx ta’ ħniena u mħabba li tħeġġeġ il-qalb u r-ruħ tagħkom. Timxu wara Ġesù. Kif u meta? Hija l-ubbidjenza li se tagħtikom il-kif u l-meta. U din hi l-ikbar libertà, li inti tagħti ħajtek lilu u tgħidlu: ‘issa jiena f’idejn is-superjuri’ jiġifieri ħu ħsiebhom inti, jekk jogħġbok, għax jien se nimxi warajk fejn jgħiduli. Imma inti se żżomm fik it-tama li tgħid: “Hawn jien. Mulej, ġejja nagħmel ir-rieda tiegħek”.

Kemm hi sabiħa dik il-kelma li salvatna, il-kelma tal-mara li tnisslet bħal-lum: “ikun minni skont kelmtek” (Lq 1:38). U meta f’Lourdes lil Bernardette fil-25 ta’ Marzu 1858 qaltilha x’jisimha, ftakret u rreferiet għal dan il-kapulavur tal-ħniena ta’ Alla: “Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni”. Kelmitha bil-lingwa tagħha biex tifhimha. Ma fehmitx. Jgħidu li Bernadette marret tiġri għand il-kappillan, strett u xettiku, tirrepeti dan il-kliem biex ma tinsiehx. U kif fetaħ il-bieb ħaseb li din qed tgħid għaliha nnifisha u qal din miġnuna totali. Imma Bernadette qaltlu li hekk qaltli ngħidlek: “Jiena mnissla bla tebgħa”. Il-Mulej għoġbu jħares lil omm ibnu. Lilna jeħlisna. Imma t-tnejn huma modi differenti li ħerġin mill-istess ħniena ta’ Alla.

U għalhekk aħna wkoll imsejħin biex “inkunu bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Ef 1:4). Dan hu l-kliem tal-Appostlu Missierna San Pawl lill-Efesin li naqraw bħal-lum, donnu l-Knisja tagħżel dan il-qari biex tfehemna li dak li qed niċċelebraw fil-ħajja sa mit-tnissil tagħha mhux xi ħaġa irranġunġibbli f’ħajjitna imma rridu naħdmu għalih, imma jekk naħsbu li se jkun frott il-kapaċità tagħna bħalma hi l-fedeltà tagħkom. Intom qed tgħidu u dan l-impenn tagħkom jimxi wara Ġesu Kristu l-għarus tiegħi u nibqa’ fidila lejh f’din il-kompetizzjoni. Imma din mhux se tkun l-opra tiegħek, se tkun l-opra tal-ħniena tiegħu fuqek. Il-fedeltajiet tagħna huma wkoll kapulavur tal-ħniena ta’ Alla.

Jekk aħna naħsbu mod ieħor allura qisna qegħdin fir-ringiela tal-Prize Day, min jieħu l-aqwa rigal imbagħad bl-id l-oħra ngaraw il-ġebel lil xulxin: il-ġebel tal-kalunja, taz-zekzik, tal-malafama u dak kollu li jiġi mill-ispirtu l-ħażin. Għax Alla meta jkellmek ikellmek lil qalbek bil-kelma tal-ħniena.

Intom qed tagħżlu li tidħlu f’familja reliġjuża konkreta sal-mewt. Issa l-mewt aħna ma nafux meta. Tgħallmu talba li nħobb ngħid: Ġesù meta trid imma m’iniex mgħaġġel. Imma tinsewx għeżież Sister Matlene u Sister Anne Marie, qabel il-mewt li aħna m’aħniex imgħaġġlin għaliha, hemm ħafna mwiet oħrajn u jekk iddaħħal mewt, li hi l-bieb tal-ħajja ta’ dejjem, dawk l-imwiet ta’ kuljum huma wkoll iż-żerriegħa tal-qawmien tar-ruħ tagħkom. Jekk il-mewt tkun tal-ubbidjenza, tal-karità, tal-faqar sal-mewt. Sal-mewt. Toqgħodx tistenna l-mewt. Ilqagħha kuljum bil-ferħ għax warajha hemm il-misteru kbir tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet u l-paċi li jġib miegħu.

X’inhu l-frott ewlieni tal-irxoxt ta’ Kristu? Il-paċi magħkom. U aħna biex ikollna l-paċi u l-ferħ, jekk intom m’intomx deħlin għall-avventura tal-ferħ, għad baqgħalkom ftit minuti ċans biex terġgħu taħsbuha. Intom m’għażiltux ħajja ta’dwejjaq, intom għażiltu l-ferħ tal-Evanġelju li ma jeħodhulkom ħadd, anke jekk qiegħda f’qiegħ ta’ sodda jew qed iddur ma’ min qiegħed f’qiegħ ta’ sodda. Dik hi l-kolla li tgħaqqad kompletament. Dik hi x-xhieda: li aħna nittallbu mingħandu, ix-xhieda tal-ferħ tal-Evanġelju. Il-mewt ta’ kuljum u l-paċi li ġġib magħha hija l-għajn tal-ferħ u l-qdusija tagħkom.

Intom għentu dik il-familja ta’ ħajja evanġelika imma biex tifhem x’inhi l-ħajja evanġelika trid tkun ħabiba tal-Evanġelju. L-Evanġelju ta’ Ġesù jrid ikun il-ħobż ta’ kuljum, ta’ ħajtek kollha, il-quddiesa ta’ kuljum bit-tqarbina ta’ kuljum, il-qrar frekwenti u direzzjoni spiritwali għand min kapaċi jagħtihielek.

Il-ħajja evanġelika hija wkoll ħajja ta’ xhieda konkreta u jiena nitlob li quddiem is-sagrament, quddiem l-għarus tagħkom fl-Ewkaristija kuljum, ippermettuli nitlobkom bil-ħniena, kuljum titolbu għall-vokazzjonijiet. Kuljum titolbu għall-vokazzjonijiet biex il-Mulej anke permezz tagħkom, minkejja d-difetti kollha tagħkom, jibqa’ jsejjaħ tfajliet bħalkom li jagħtu ħajjithom għall-ferħ, mhux għad-dwejjaq tal-Evanġelju. Il-prezz huwa l-mewt ta’ kuljum imma warajha hemm l-irxoxt li jagħti l-paċi.

Il-Madonna, fil-festa tat-tnissil bla tebgħa tagħha, f’din il-parroċċa iddedikata lilha taħt it-titlu tal-Madonna ta’ Lourdes, infakkarkom f’dak li qalet lil Bernadette: “Ma nwegħdekx li nagħmlek kuntenta f’din id-dinja imma f’li ġejja.”

Il-garanzija għalija hi l-ġenna għax dik pajjiżna imma sakemm naslu t-tbissima tgħib u nawguralkom li dik anke fit-tbatija ma tħossuha qatt fil-qalb tagħkom.

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 3: 9-15.20
Salm: 97: 1-4
L-Evanġelju: Lq 1: 26-38

More Photos