L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5). Dan hu l-kliem li smajna lil Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu, fl-Evanġelju skont San Ġwann, u huwa l-kliem li jfisser tassew il-ħajja ta’ Santa Rita.
Aħna llum qed nifirħu fiċ-ċelebrazzjoni tal-125 sena minn meta ġiet dikjarata qaddisa mill-Papa Ljun XIII, proprju llum, u waqt li nifirħu, qed inħarsu lejha u nitolbu l-interċessjoni tagħha għall-Papa Ljun XIV, kif ukoll biex tkompli tkun ta’ ispirazzjoni għalina fil-ħajja tagħna.
Nixtieq insemmi tliet messaġġi li tagħtina Santa Rita llum għall-ħajja tagħna.
Għix il-vokazzjoni tiegħek
L-ewwel nett, tħeġġiġna: għix is-sejħa li Alla għamillek. Ngħixu l-vokazzjoni li Alla tana. Rita, fis-snin diversi ta’ ħajjitha, kienet mara miżżewġa, imbagħad omm, imbagħad armla, imbagħad reliġjuża Agostinjana. U f’kull waħda minn dawn dejjem fittxet li tgħix dak li Alla ried minnha skont l-istat tagħha. Din tolqotna ħafna fil-ħajja tagħha – kif għarfet tgħix, kif smajna fl-Evanġelju, magħquda ma’ Ġesù, bħal fergħa mad-dielja, biex taqdi l-missjoni li Alla taha bl-aħjar mod.
Santa Rita tħeġġiġna: agħraf għix is-sejħa skont il-kundizzjoni tiegħek. Jista’ jkun li llum anzjan jew anzjana, tħares lura lejn is-snin li għaddew, u tgħid: ħafna snin ilu kont differenti, dak kien żmien! Imma llum il-Mulej iridek tgħix is-sitwazzjoni ta’ bħalissa, skont il-kundizzjoni tiegħek. Magħqud jew magħquda miegħu, tagħraf tgħix il-ħajja Nisranija llum.
Kif nafu, Santa Rita għaddiet minn ħafna tbatija, f’kull waqt tal-ħajja tagħha. Ma kienx kollox ward u żahar, anzi, rat ħafna ma’ wiċċha! Imma għarfet tgħix magħquda mal-Mulej u fil-paċi. Il-paċi li kellha f’qalbha ma kinetx għax madwarha kollox kien miexi ħarir, jew għax dejjem kien hemm nies li jemmnu fil-paċi, imma kienet fil-paċi għax għexet magħquda mal-Mulej, li taha l-grazzja tgħix il-vokazzjoni tagħha.
Irbaħ il-ħażin bit-tajjeb
It-tieni messaġġ li tagħtina hu: irbaħ il-ħażin bit-tajjeb. Santa Rita għaddiet minn ħafna fil-ħajja tagħha. Ibda minn żewġha stess – kellha kultant tbati fil-ħajja tagħha miżżewġa. Speċjalment minħabba l-mentalità li kien hemm dak iż-żmien li bniedem għandu jivvendika ruħu – jekk għamlulek xi ħaġa ħażina, għandek issib kif tpatti bl-istess mod. Kienet mentalità mifruxa, u għadha mifruxa anke fi żmienna. Biżżejjed inħarsu lejn l-aħbarijiet, u naraw kif il-bniedem jitlef is-sens tal-ħajja tal-oħrajn. Per eżempju, dawk it-tfal u l-anzjani li qed naraw f’Gaża, vittmi innoċenti, ma jaħtu xejn. Kollu hu frott ta’ din il-mentalità ta’ vendetta: jien irċevejt il-ħażin, inpatti l-ħażin bil-ħażin.
Hekk kien jirraġuna r-raġel ta’ Rita wkoll, imma hi ħadmet u talbet biex jaħsibha mod ieħor. Hekk kienu jaħsbuha diversi oħrajn dak iż-żmien, imma hi kellha dan il-prinċipju differenti: irbaħ il-ħażen bit-tajjeb. U meta tara l-ħażin madwarek, ma tgħidx “mela jien nagħmel l-istess!” jew tiġġieled il-ħażin bil-ħażin, imma tirbaħ il-ħażin bit-tajjeb.
Għalhekk lil Rita narawha dejjem taħdem għal dak li hu tajjeb, għall-paċi tal-qalb, għall-maħfra flok il-vendetta. Meta qatlu lil żewġha, kienet preokkupata minħabba wliedha, li kienu influwenzati miz-ziju tagħhom li ried jagħmel vendetta wara dan il-qtil. Imma hi dejjem ħadmet u talbet biex tirbaħ il-ħażin bit-tajjeb.
Kemm hu messaġġ importanti għalina fil-ħajja tagħna, biex meta nirċievu azzjoni ħażina, ma npattux bl-istess mod! Il-ħażin ma jintrebaħx bil-ħażin. Meta inti tagħmel ħaġa ħażina għax tkun irċevejt ħaġa ħażina, li tkun qed tagħmel hu li tkompli ċ-ċirku tal-ħażen, iċ-ċirku tal-vjolenza, tal-mibegħda. Imma Rita tħeġġiġna biex nirbħu l-ħażin bit-tajjeb.
Speċjalment, nixtieq nirriflettu fuq dan illum: il-kultura tal-iskart u l-mentalità tal-mewt, li l-Papa Franġisku tant kien isemmi. Hi kultura li ma tħallikx tagħti valur lill-bniedem. Aħna rridu nirbħuha din billi dejjem immexxu ’l quddiem il-valur tal-ħajja. Il-ħajja ta’ kull persuna hi għażiża, anke jekk hi kbira fl-età, anke jekk qed tbati minn kundizzjonijiet severi u gravi, anke jekk waslet fl-aħħar xhur tal-ħajja tagħha. Aħna qatt ma għandna nwasslulha l-messaġġ li l-ħajja tagħha ma tiswiex. Il-ħajja tagħha hija għażiża quddiem Alla, għax Alla jħares lejha u jgħid: din persuna, ngħożżha, inħobbha.
Aħna wkoll irridu nirbħu l-kultura tal-mewt bil-ħajja, il-mibegħda bl-imħabba, il-vendetta bil-maħfra – ħalli nkunu dejjem mexjin fuq l-ispirazzjoni li tagħtina Rita.
Ittama fil-Mulej
L-aħħar messaġġ li tagħtina huwa: qiegħed it-tama tiegħek fil-Mulej. Il-ħajja ta’ Rita hija kollha ħajja ta’ tama. Imma rridu nifhmu ċar x’jiġifieri t-tama Nisranija. Hi differenti minn kif nużaw il-kelma “nittama”. Meta ngħidu “nittama”, normalment infissru li għandna xewqa kbira imma fl-istess waqt għandna dubju, jew inċertezza. Per eżempju, “nittama li jieqfu l-gwerer” – xewqa imma magħha d-dubju.
It-tama Nisranija mhijiex hekk. Hi mibnija fuq iċ-ċertezza tal-imħabba ta’ Alla u fuq il-Kelma tiegħu li qatt ma tqarraq bina. Dan hu li għexet Rita. Dejjem kellha tama sħiħa f’Alla u l-Kelma tiegħu, u din mexxietha dejjem ’il quddiem fil-ħajja tagħha. Għalhekk, dan hu l-messaġġ li tagħtina: li għandna nqiegħdu t-tama tagħna f’Alla, u nħallu lilu jmexxina.
Lil Santa Rita nsejħulha l-qaddisa tal-impossibbli, tal-kawżi impossibbli. Proprju għalhekk – għax kellha din it-tama kbira f’Alla li jmexxiha, li kapaċi joħloq il-ġdid mill-qadim, it-tajjeb fejn hemm il-ħażin, bil-qawwa tiegħu joħloq dak li qatt ma nimmaġinawh. Din hi t-tama Nisranija li tħeġġiġna għaliha Santa Rita llum.
Nitolbuha llum, aħna u niċċelebraw il-festa tagħha, speċjalment issa meta se nagħmlu d-dilka tal-morda – dilka li hija ta’ sostenn u għajnuna fil-ħajja tagħna. Nitolbu lil Santa Rita tkompli tkun magħna, tinterċedi għalina, tagħtina l-ispirazzjoni fil-ħajja tagħna biex aħna nagħrfu ngħixu l-vokazzjoni li għaliha Alla sejħilna fiċ-ċirkustanzi tal-lum; biex aħna dejjem naħdmu ħalli nwieġbu bit-tajjeb għal dak li hu ħażin, u biex inqiegħdu t-tama sħiħa tagħna fil-Mulej li dejjem iħobbna b’imħabba kbira u li l-Kelma tiegħu qatt ma tiġi nieqsa.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju