L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jagħtina għażla, imma wkoll sinjal li aħna qed nimxu warajh. Forsi naħsbu li din hi għażla faċli; imma nafu wkoll li din l-għażla li qed jitlobna Ġesù fiha wkoll id-diffikultà tagħha. “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35). Mhux qed jagħtina kriterju tqil li rridu nkunu bravi, qaddisin, li nkunu studjajna ħafna, li jkollna ħafna għerf ta’ din id-dinja; qed jitlobna l-imħabba.
Imma lkoll nafu, li din il-kelma għandha prezz, mhix kelma rħisa. Jekk inti taf b’xi mħabba rħisa, oqgħod attent x’għażilt jew xi xtrajt, għax l-imħabba tfisser l-għotja tiegħek innifsek. There is nothing like cheap love – m’hemmx imħabba rħisa. Għax fl-imħabba, bħal ħajja: nżul u tlajja’. L-imħabba, llum, timliek bil-ferħ, u għada, l-istess imħabba timliek bin-niket.
Imma aħna nafu wkoll, li l-imħabba hi dik li tagħti t-togħma tajba lil ħajjitna. Il-missier u l-omm filgħodu jqumu, speċjalment jekk għandhom familja, għandhom aptit jew m’għandhomx. Dik hi l-imħabba li qiegħda timbuttahom. Għax l-imħabba mhix tal-aptiti, u lanqas tal-pjaċiri. L-imħabba ta’ vera tfisser li ninsa lili nnifsi biex inkun għotja ta’ ferħ.
L-imħabba trid tibda minnek innifsek. Meta Ġesù tkellem fuq l-imħabba, qal hekk: “Ħobb lil Alla…. u ħobb lill-proxxmu bħalek innifsek” (Mk 12:30-31); u għallimna, li l-imħabba tħares lejk innifsek, lejn il-proxxmu, u lejn Alla. Qed jitlobna li nilqgħu l-imħabba bħala kmandament tiegħu, bħala dak li qed jitlobna. “Nagħtikom kmandamant ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin” (Ġw 13:34). U din hi l-ħaġa li tagħmel dan il-kmandament antik, imma fl-istess ħin ġdid.
Għaliex Ġesù jsejjaħlu l-kmandament il-ġdid? Għaliex irid jibbażah fuq l-eżempju tiegħu nnifsu: Alla l-imbierek magħmul bniedem, li jagħti lilu nnifsu sa fuq is-salib. Li minn fuq is-salib jaħfer lilna l-għedewwa tiegħu. Lill-ħalliel it-tajjeb joffrilu l-Ġenna; lid-dixxiplu l-maħbub jagħtih ukoll omm li tieħu ħsiebu: “Hawn hu ibnek” (Ġw 19:26). “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27). Li jintelaq f’idejn il-Missier: “F’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23:46).
Dan l-eżempju ta’ Ġesù jrid ikun il-kejl tal-imħabba tagħna. Imma tgħiduli: din imħabba kbira wisq biex nilħaqha? Nagħtik il-parir li kienet tagħti qaddisa Karmelitana, Tereżjana – Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Ilbieraħ iċċelebrajna l-100 anniversarju mill-kanonizzazzjoni tagħha; meta l-Papa Piju XI ikkanonizza lil Tereża ta’ Liseux, Tereża tal-Bambin Ġesù, proprju fis-17 ta’ Mejju 1925, mitt sena ilu. Hi, li mietet tfajla żagħżugħha ta’ 24 sena, li għexet ħajjitha fil-monasteru magħluqa mid-dinja; sabet l-imħabba fil-passi ċkejknin ta’ kuljum. Imqar jekk l-omm qiegħda tipprepara l-ikel għall-familja; il-missier qiegħed jitħabat fuq ix-xogħol, jew jieħu paċenzja b’uliedu; dawk huma l-passi żgħar tal-imħabba tagħna. Għax l-imħabba tinbena mhux bl-affarijiet eċċezzjonali imma bil-passi ċkejknin.
Il-mistoqsija li rridu nagħmlu lilna nfusna llum hija din: il-ħsibijiet tiegħi, kull kelma li ngħid, l-imġiba tiegħi, huma ħsibijiet, kliem, u mġiba ta’ mħabba? Dak huwa t-test, il-kriterju, l-eżami li l-Mulej jridna nagħmlu ta’ kuljum. Qabel tagħlaq għajnejk, filgħaxija għid: jiena llum ħabbejt? U tgħidli: ‘Telagħli’, ‘qabżitli’. Imma għaddielek malajr? Mhux li ma taqbiżlekx, imma jekk jgħaddielekx malajr jew le. Il-kliem tiegħek fuq il-proxxmu: jekk tista’ tfaħħar għid kelma ta’ ġid, inkella aħjar ma tgħid xejn.
U kif qed nużaw il-media soċjali? Naħseb ġieli smajtuni ngħidha din. Għax aħna meta niltaqgħu wiċċ imb wiċċ, kulħadd bit-tbissim, ix-xafra nħalluha ġol-but; imma meta nkunu fuq l-ismartphones tagħna, jew minn wara l-monitors tal-kompjuter tagħna, l-istalletti kollha joħorġu. Mhux qed ngħid għal kulħadd. Imma kultant nużaw kliem iebes għal xulxin, fuq il-media soċjali tagħna, numiljaw lil xulxin. Mentri dawk li għandhom ikunu mezzi ta’ komunikazzjoni, ma nagħmluhomx mezzi ta’ firda; inħalluhom mezzi li aħna nidħlu f’komunikazzjoni, f’relazzjoni sabiħa ma’ xulxin.
Nagħlaq billi nerġa’ ninsisti magħkom, biex noffru din il-quddiesa, dan it-talb illum, għall-Papa Ljun XIV. Ftit tal-jiem ilu, kien il-Kardinal Robert Francis Prevost, Amerikan minn Chicago, għex ħafna żmien il-Perù bħala missjunarju, kien Prijur Ġenerali tal-Agostinjani għal darba darbtejn, 12-il sena sħaħ; dar id-dinja iżur lill-Agostinjani, anke Malta ġie diversi drabi. L-aħħar darba li ġie fostna kien bħala kardinal. Il-Papa kien laħqu kardinal fl-2023, lanqas sentejn ilu, u ħatru biex jieħu ħsieb l-isqfijiet. U kellna laqgħa tal-Isqfijiet Ewropej hawn Malta, u ġie fostna, ltaqa’ magħna, qaddes magħna, kiel magħna; sar jafna iżjed. Lil Malta u Għawdex jafhom sew. Aħna nitolbu għalih, u żguri li hu bl-eżempju tiegħu, bil-kalma tiegħu, bniedem ġwejjed u umli, imma intelliġenti, u għajnejh miftuħa. Nitolbu għall-missjoni tiegħu li jwettaqna u jġeddidna fil-fidi.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 14:21b-27
Salm: 144 (145):8-9,10-11,12-13ab
Qari II: Apok 21:1-5a
L-Evanġelju: Ġw 13:31-33a,34-35