Patri Josef Sciberras OSA semma kif sa ftit ħin qabel ma l-Kardinal Robert Francis Prevost OSA ngħaqad mal-kardinali eletturi l-oħrajn fil-konklavi, huwa mhux talli kien qed jiekol ma’ ħutu l-patrijiet, iżda wkoll talli baqa’ jservi lill-ħutu l-patrijiet sal-aħħar ħin.

Fit-tieni jum tal-konklavi, il-Kardinal Prevost ġie elett Papa wara ħames votazzjonijiet minn 133 kardinal elettur. Huwa għażel l-isem ta’ Ljun XIV.

Newsbook Malta reħielha lejn il-Curia Generalizia tal-Ordni Agostinjan – pass ‘il bogħod minn Pjazza San Pietru – fejn il-Papa Ljun XIV għex għal ħafna snin, partikolarment meta serva bħala Pirjol Ġenerali għal snin twal.

Patri Josef spjega li filwaqt li l-ħatra tal-Kardinal Prevost bħala l-Papa huwa unur, “mhuwiex wieħed fieragħ” iżda b’sens ta’ gratitudni lil Alla li wara 750 sena ta’ servizz tal-Ordni Agostinjan lill-Knisja, “għandna x-xorti li wieħed minn ħuna huwa s-suċċessur ta’ San Pietru.”

Il-Postulatur Ġenerali spjega li għalih din il-ħatra għandha tifsira personali hekk kif il-ħbiberija tiegħu mal-Papa Ljun XIV tmur lura għal għadd kbir ta’ snin. Huwa kien sar jaf lill-Kardinal Prevost meta kien għadu student ġewwa Ruma. ‘Il quddiem din il-ħbiberija kompliet tikber hekk kif kien proprju l-Papa Ljun XIV, dak iż-żmien Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan, li ħatru bħala Postulatur Ġenerali – dak li jieħu ħsieb il-kawżi tal-qaddisin fi ħdan l-Ordni.

“Għexna flimkien f’din id-dar fejn ninsabu għal madwar sentejn, u meta ġie lura – wara li nħatar Prefett tad-Dekasteru tal-Isqfijiet – reġa’ ġie jgħix magħna. Mhux rapport superfiċjali imma rapport ta’ fraternità.”

Ritratt: Luke Vella
“Ilbieraħ stess kont miegħu…”

“Sat-Tlieta stess qabel telaq għall-konklavi, il-Kardinal kien normali għall-aħħar. Wieħed minna – bla pretensjoni. Magħna jaġixxi b’normalità kbira,” stqarr Patri Josef.

Huwa kompla li l-għada stess tal-ħatra tal-Kardinal bħala l-Papa Ljun XIV, il-Patrijiet Agostinjani ltaqgħu miegħu fiż-żjara li għamel fis-Santwarju ta’ Genazzano.

“Għall-mument tħassibt daqsxejn dwar b’liema mod kellna nkellmuh; jekk mhux b’mod formali jew sempliċiment fir-realtà ta’ aħwa Agostinjani. Erġajna morna għan-normalità tal-mod ta’ kif nitrattaw lil xulxin.”

“Ħadt gost meta rajt li l-Papa Ljun XIV żamm is-salib li ngħata mill-Ordni”

Meta fl-2023, il-Papa Ljun XIV, dak iż-żmien l-Isqof Robert Prevost jew kif kien jippreferi li jsejħulu “Bob”, ġie nnominat bħala Kardinal, Patri Josef ġietu l-idea li jsir salib li jkun jikkonsisti minn relikwi ta’ qaddisin jew beati relatati mal-Ordni Agostinja kif ukoll ta’ figuri oħrajn li kienu wkoll isqfijiet.

Fost ir-relikwi nsibu dik ta’ Santu Wistin, Santa Monika kif ukoll ta’ San Tumas ta’ Villanova – Arċisqof ta’ Valencia, prekursur tar-riformi tal-Konċilju ta’ Trentu u tal-ħajja reliġjuża, kif ukoll promutur tal-ħajja missjunarja, Beatu Anselmu Polanco – martri Agostinjan, u oħra tal-Venerabbli Bartolomeo Minocchio – li jirrappreżenta l-figura ta’ Ragħaj f’ambjent kurjali.

“Hemm qisu programm f’dan is-salib: ta’ qdusija u ta’ Ragħaj li jagti ħajtu ,” spjega l-Postulatur Ġenerali, u kompla li ftit qabel ma l-Kardinal ħalla l-Kurja Ġeneralizja biex imur għall-konklavi, Patri Josef fakkar lill-Kardinal f’dan is-salib.

“Ħadt gost li fil-filmat li fih jidher qed jieħu l-ġurament, innutajt li qiegħed fuqu. Ovvjament, il-kuntentizza kibret iktar meta rrealizzajt li l-Papa Ljun XIV ħareġ fil-loġġa biex isellem lin-nies, kien għadu fuqu. Dan filwaqt li kellu kull opportunità li jibdlu ma’ slaleb isbaħ,” stqarr Patri Josef.

“Kont nemmen fil-possibilità li l-Kardinal Prevost isir Papa”

B’ċajta, Patri Josef qal li ħasra ma għamilx imħatra fuq l-elezzjoni Papali, hekk kif fil-qalb tiegħu kien ħass li l-Kardinal Prevost kien se jkun is-suċċessur ta’ Pietru.

“Fuq il-fatt li naf il-kwalitajiet u l-ispiritwalità tiegħu, ix-xogħol li kien qed jiżvolġi f’Ruma iżda wkoll il-bagalja ta’ esperjenzi li kiseb permezz ta’ karigi diversi fl-Ordni Agostinjan, bdejt nemmen iktar li l-possibilità li l-Kardinal Prevost jista’ jsir Papa” qal.

L-Ordni Agostinjan li tiegħu l-Papa Ljun XIV kien Pirjol Ġenerali jinsab preżenti f’50 pajjiż, fil-kontinenti kollha tad-dinja, permezz ta’ kważi 500 komunità. Huwa kien ħa ħsieb li jżur dawn il-komunitajiet kollha, u iktar minn darba, inkluż dawk l-aktar remoti.

Skont il-Patri Malti, l-esperjenza bħala missjunarju u isqof fil-Perù tkompli tagħni lill-Papa Ljun XIV fl-esperjenza ta’ governanza.

Ma’ Newsbook Malta, Patri Josef qal li għal xi żmien, il-Papa mhux talli kien isqof tad-djoċesi ta’ Chiclayo, iżda wkoll amministatur fi djoċesi oħra li kienet ‘il bogħod 12-il siegħa karozza. Madanakollu, huwa xorta waħda kien iqatta’ ġimgħa sħiħa f’din id-djoċesi.

“Malli tħabbar ismu, tant għajjatna li lanqas smajna x’isem għażel”

Patri Josef irrakkonta li minħabba li huma kienu konxji mill-isem komplut ta’ ħuhom fl-Ordni Agostinjan – Robert Francis – il-Patrijiet Agostinjani preżenti fi Pjazza San Pietru mill-ewwel intebħu li l-Kardinal Prevost kiseb iż-żewġ terzi tal-voti tal-133 Kardinal Elettur.

“Mill-ewwel infexxejt ngħajjat: Dan tagħna; dan tagħna!” stqarr il-Patri Agostinjan Malti. “Tant għajjatna li lanqas smajna x’isem għażel.”

Fil-laqgħa li kellu l-Papa Ljun XIV mal-Kardinali l-Ħamis, huwa spjega li l-isem ta’ Ljun jirrifletti l-impenn dejjiemi tal-Knisja għad-dinjità tal-bniedem u l-ġustizzja soċjali u jħoss li llum, il-Knisja trid twieġeb għall-iżviluppi tal-Intelliġenza Artifiċjali.

Madanakollu, fil-laqgħa informali li kellu l-Papa mal-Agostijani, spjega kif wasal għal dan l-isem bil-mod il-mod.

“Fil-Kappella Pawlina – fejn kienu qed jiltaqgħu l-Kardinali biex jitolbu, il-Papa Ljun XIII ried li titpoġġa xbieha tal-Madonna tal-Bon Kunsill, liema xbieha eventwalment tneħħiet u reġgħet tpoġġiet fi żmien il-pontifikat tal-Papa Benedittu XVI.”

Patri Josef kompla li l-Papa tas-seklu 19 kellu rabta kbira mal-Agostinjani hekk kif għadda tfulitu fir-raħal ta’ Carpineto Romano u kabbar devozzjoni lejn Santu Wistin u dak iż-żmien il-Beata Rita (tal-Impossibbli).

“Dik kienet l-ewwel konnessjoni mal-isem. Sinjal ieħor kien li fl-istess Kappella, hemm ukoll l-arma ta’ Ljun XIII. F’dawn iċ-ċirkostanza li l-Kardinal Prevost beda jara n-numri tal-vot telgħin, tibda taħseb għall-mistoqsijiet li se jkunu qed jistaqsuk,” spjega fid-dettall il-ħabib Malti tal-Papa Ljun XIV.

“Il-Kardinal Prevost kien ġeneruż ħafna miegħi”

Il-Patri Agostinjan Malta stqarr li l-Kardinal Prevost kien ġeneruż ħafna miegħu.

Huwa semma kif baqa’ japprezza l-fatt li meta kien qed jiddefendi t-teżi tiegħu ġewwa Ruma, il-Kardinal Prevost xorta waħda ddedika l-ħin biex jattendi għad-difiża tat-teżi dottorali, minkejja l-ħafna impenji li kien ikollu.

Stqarr kif għalih, din il-ħatra ta’ ħuh Agostinjan bħala l-Papa hija emozzjoni li diffiċli jlissinha fi kliem. Madanakollu huwa ftakar kif il-ġenerożità mill-Papa, li dak iż-żmien kien Pirjol Ġenerali, hija xi ħaġa li se jibqa jgħożż – inkluż il-fiduċja biex ikompli jistudja kif ukoll l-irwol bħala Postulatur Ġenerali.

“Nittamaw li dan l-avveniment iħeġġeġ iktar vokazzjonijiet”

Patri Josef qal li wieħed jittama li l-pontifikat tal-Papa Ljun XIV ikun ta’ fjamma sabiħa fil-vokazzjonijiet, partikolarment dik tal-vokazzjoni Agostinjana.

L-Ordni ilu mwaqqaf iktar minn 7 sekli u apparti li ta servizz fejjiedi lill-Knisja, ta wkoll bosta qaddisin, fosthom lil Santa Rita li l-Papa Ljun XIII kien ikkanonizzaha.

Kompla kif “nittamaw li l-Ordni jħoss din ir-responsabbilità quddiem il-Knisja li jiġbor il-forzi, u li jkun hemm forma ta’ effett vokazzjonali.”

Patri Josef stqarr li permezz tax-xhieda tal-Papa Ljun XIV inluż it-tbissima tiegħu, wieħed għandu jkollu tama li jistgħu jitqanqlu vokazzjonijiet ġodda. Madanakollu huwa semma kif dan l-avveniment għandu jħeġġeġ lill-Ordni primarjament biex jerfa’ r-responsabbiltà meħtieġa li eventwalment frott din ix-xhieda, jiġu mqanqla dawn il-vokazzjonijiet għall-ħajja reliġjuża.

Source: Newsbook.com.mt