Homily by Bishop Joseph Galea-Curmi
“Ġie għand Ġesù bil-lejl” (Ġw 3:2). Hawnhekk, illum, fl-Evanġelju skont San Ġwann għandna din il-laqgħa sabiħa ta’ Nikodemu ma’ Ġesù. Hu ġie jfittex biex jiltaqa’ miegħu bil-lejl. Dan Nikodemu kien wieħed mill-kbarat tal-Lhud, wieħed mill-Fariżej, imma kien differenti minn ħafna minn sħabu. Dan għaliex filwaqt li kien bniedem ta’ għerf, kien jaf il-liġi u kellu wkoll awtorità, imma kien qed jinnota xi ħaġa speċjali f’Ġesù. U ried imur għandu biex jistaqsih, biex jitkellem miegħu. Kemm hi sabiħa din il-laqgħa ta’ Nikodemu ma’ Ġesù!
Mar bil-lejl. U dan huwa dettall importanti fl-Evanġelju skont San Ġwann. Dan għaliex il-lejl ġa għandu marbut miegħu l-idea ta’ biża’, ta’ inċertezza, ta’ taħwid kultant. Niftakru fl-Aħħar Ċena, meta Ġuda ħareġ u telaq ’il barra – l-Evanġelju jgħid “kien bil-lejl” (Ġw 13:30). Hawn Nikodemu mar bil-lejl, aktarx minħabba sħabu, biex ma jagħtix daqshekk fil-għajn li qed imur għand Ġesù, imma mar b’sinċerità. Verament kien bniedem qed ifittex.
Mar bil-lejl biex jiltaqa’ ma’ dak li hu d-dawl – Ġesù. U fil-fatt kellu din is-sinċerità li kienet differenti minn diversi minn sħabu Fariżej. Hawnhekk l-ewwel ħaġa li jgħidlu lil Ġesù hu: “Aħna nafu li inti mgħallem mibgħut minn Alla; għax ħadd ma jista’ jagħmel is-sinjali li qed tagħmel int jekk ma jkunx Alla miegħu” (Ġw 3:2) Mela dan ra s-sinjali, u fihom induna li kien hemm xi ħaġa speċjali. Filwaqt li diversi minn sħabu – niftakru fil-polemika li kellu Ġesù kemm-il darba mal-Fariżej – jaraw is-sinjali u jkun għalxejn. Imbagħad jerġgħu jitolbuh sinjal ieħor, u jkun għal xejn. Dan Nikodemu kien bniedem li mar għand Ġesù b’sinċerità, għax verament kien qed ifittex.
Tolqotna ħafna f’din il-laqgħa ma’ Ġesù, kif Ġesù jmur mal-ewwel fil-fond. Jgħidlu xi ħaġa li Nikodemu ma setax jifhem, meta jgħidlu: jeħtieġ li wieħed jitwieled mill-ġdid. Dan beda jgħidlu: Imma titwieled mill-ġdid? Kif tista’, meta tkun kbirt fl-età, terġa’ tidħol fil-ġuf? Għax nafu li hemm tibda l-ħajja umana, imbagħad bniedem jitwieled. Kif jista’ jseħħ dan? Imma Ġesù ma kienx qed jitkellem fuq dak it-twelid, imma fuq twelid ġdid spiritwali, li jiġi minn Alla, minn qalb miftuħa għal Alla li tħallih iġeddek – jagħmlek ġdid. Allura jagħtik ukoll mod ġdid kif tħares lejn il-ħajja, fuq dak li hu l-iktar importanti fil-ħajja, kif tgħix. Dan hu t-tiġdid li qed isemmi Ġesù.
Lil Nikodemu Ġesù ried jagħtih xi ħaġa speċjali, li forsi dak il-ħin ma setax jifhem għal kollox imma baqa’ jistaqsi, u nafu li Ġesù ma’ Nikodemu jgħid waħda mill-isbaħ sentenzi li tiġbor fiha proprju l-Istorja tas-Salvazzjoni, meta jgħidlu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16). Din il-laqgħa ma’ Ġesù ħalliet effett pożittiv ħafna fuq Nikodemu. Niltaqgħu miegħu aktar tard, meta kien ma’ sħabu Fariżej u l-qassisin il-kbar, u hemmhekk jgħidilhom: “Jaqaw il-liġi tagħna tikkundanna lil xi ħadd bla ma tisma’ lilu stess, ħalli tkun taf x’inhu jagħmel?” (Ġw 7:51) Kien qisu qed jiddefendi lil Ġesù. Qed jgħidilhom: isimgħuh l-ewwel, qabel ma tikkundannawh. Hemmhekk Nikodemu diġà beda mid-dlam joħroġ għad-dawl. Imbagħad insibu ukoll fl-aħħar, meta ġew biex jidfnu lil Ġesù, flimkien ma’ Ġużeppi minn Arimatija jmur għad-dfin tiegħu, u jieħu “morr u sabbara” (Ġw 19:39) biex jistgħu jidfnuh b’mod dinjituż.
Jidher li Nikodemu għamel din il-mixja mid-dlam għad-dawl, fejn deher aktar ċar li hu, fil-fatt, kien qed isegwi lil Ġesù u sar aktar u aktar jemmen fih. Nitolbu lill-Mulej illum, aħna u nirriflettu fuq din il-ġrajja sabiħa, biex aħna jkollna s-sinċerità tal-qalb ta’ Nikodemu – li nistaqsu, anke fit-talb tagħna, lill-Mulej u nħalluh hu jdawwalna. Meta jgħid “twelid mill-ġdid”, qed jgħid li dan ma jiġix minna imma jiġi minn Alla, mill-Ispirtu ta’ Alla fina li lilna jġeddidna u jgħinna biex naraw il-ħajja aktar u aktar fid-dawl ta’ Alla, u jagħtina dan id-dawl li tant hu meħtieġ għall-ħajja tagħna biex nagħrfu ngħixu tassew bħala dixxipli tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta