Dun Anton d’Amato kien iltaqa’ mill-qrib ma’ Papa Franġisku meta dak iż-żmien hu kien Direttur tal-Kummisjoni Migranti u l-Papa kien żar il-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far. Fl-intervent tiegħu waqt il-programm dirett fuq RTK103 biex ifakkar il-memorja ta’ Papa Franġisku hu qal li fil-ponitifkat tiegħu ġibed it-truf lejn in-nofs għax għex il-messaġġ tal-Vanġelu, l-ispirtu “tal-aħħar jiġi l-ewwel” u saħaq li “ta tagħlima kbira lill-Knisja għax mar fi bliet kbar imma biex iżur ftit eluf li jkunu l-emarġinati.”
Dan l-ispirtu għexu mhux biss meta għamel il-ħin biex iżur il-migranti fil-Laboratrju tal-Paċi f’Ħal Far imma wkoll meta għażel li fl-ewwel żjara tiegħu bħala Papa jżur il-gżira ta’ Lampedusa f’Lulju tal-2013. Il-preżentatriċi Christine Delicata semmit ukoll iż-żjara simbolika tal-Papa fl-Iraq fl-2021 u Dun Anton qal li l-Papa għalkemm dejjem tkellem tajjeb ħafna tkellem aktar bis-sinjali u l-ġesti tiegħu.
Ftakar f’dik iż-żjara ta’ Papa Franġisku u qal li dakinhar il-mixja li għamlu nħasset itwal imma għax il-Papa Franġisku ma felaħx jimxi wisq u Dun Anton żied jgħid li probabbilment dik kienet l-aħħar darba li l-Papa mexa b’mod pubbliku għax imbagħad hu beda juża s-siġġu tar-roti għax kien qed ibati.
“Kelli x-xorti li nitkellem mal-Papa daqslikieku qed nitkellem man-nannu” stqarr Dun Anton d’Amato dwar dik il-mixja li fiha tkellmu ras imb ras.
Dun Anton irrifletta fuq il-fatt li l-Vanġelu japplika għal kulħadd anke għal min ma jemminx u din kienet waħda mill-missjonijiet tal-Papa Franġisku li rritorna lejn id-Dar tal-Missier illum fl-età ta’ 88 sena.
Mal-Ġiżwita Fr Patrick Magro u l-ġiżwiti li kienu preżenti fil-laqgħa li l-Papa għamel mal-ġiżwiti f’Malta staqsiehom għalfejn Malta kienet qed tkun daqshekk iebsa mal-immigranti u talabhom jappoġġjaw din il-kawża u wera x-xewqa li jaħdmu aktar favur il-kawża u huma jagħmlu dan permezz tal-Jesuit Refugee Services (JRS). Hu kien tkellem ukoll dwar il-vokazzjonijiet, il-ħidma maż-żgħażagħ u l-użu tas-social media. Il-Papa Franġisku ma kienx inkwetat min-numri li bħal donnu qed jonqsu imma għalih l-importanti li tkun Knisja mimlija żelu u mhux waħda superfiċjali.
Minn Gabriel Lia
Sors: Newsbook Malta