L-Isqof Awżilajrju Joseph Galea Curmi fl-ewwel kummenti tiegħu waqt il-programm speċjali li qed jixxandar fuq RTK103 biex ifakkar il-memorja ta’ Papa Franġisku qal li dan kien “sinjal ta’ Ġesù Kristu llum… ried jaqdi s-servizz tiegħu sal-aħħar nett.” Il-Papa Arġentin irritorna fid-Dar tal-Missier fis-7.35am wara li fl-aħħar xhur kien rikoverat fl-Isptar Ġemelli f’Ruma minħabba pulmonite doppja.
L-Isqof Awżilarju qal li l-mewta tiegħu fl-ewwel Tnejn tal-Għid, fl-Ottova, hija waħda sinifikanti u tfakkarna fi Kristu ħaj u Kristu Rxoxt u qal ukoll kif Papa Franġisku kien tassew xhieda sabiħa ta’ dan l-istess Kristu u b’ħajtu kien ta eżempju anke fil-mumenti tat-tbatija.
Semma li l-barka tiegħu lid-dinja kollha fl-Urbi et Orbi ta’ lbieraħ se tibqa’ tifkira għażiża u filwaqt li nibku t-telfa tiegħu ħeġġeġ biex niftakru fil-ġid kbir li għamel f’ħajtu.
Mistoqsi jekk hemmx xi frażi li ħalliet il-frott f’ħajtu hu wieġeb, “tidħol is-sentenza f’qalbna, tant famuża tiegħu, li Alla dejjem jaħfer u qatt ma jgħejja jaħfer imma aħna li nsibuha diffiċli naħfru lilna nfusna jew li nmorru għand Alla għal maħfra.”
Minn dan il-kumment u mill-kumment ta’ Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna li qal li għandna niftakruh bħala “missjunarju tal-ħniena t’Alla” nistgħu nagħrfu kemm dan il-Papa se jibqa’ mfakkar għal kemm dejjem tkellem b’mod sabiħ dwar is-sagrament prezzjuż tar-rikonċiljazzjoni.
Minn Gabriel Lia
Sors: Newsbook Malta