Fl-ewwel kummenti tiegħu ma’ Newsbook Malta wara li tħabbret il-mewta ta’ Papa Franġisku l-Arċisqof Charles Scicluna qal li għandna nitolbu għal ruħu u nibqgħu nifakruh bħala “il-missjunarju tal-ħniena t’Alla”. Hu fakkar li kien fl-2016 meta l-Papa Franġisku nieda l-Ġublew tal-Ħniena u kif il-pastorali tiegħu dejjem kellha l-għan li tkun viċin dawk li għandhom bżonn l-aktar il-ħniena t’Alla.
Ftit tal-ħin ilu, il-Kardinal Kevin Farrell ħabbar il-mewt tal-Papa Franġisku hekk kif qal: “Għeżieżi ħuti, b’dispjaċir inħabbar il-mewt tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku.” Il-Papa Arġentin irritorna fid-Dar tal-Missier fis-7.35am.
L-Arċisqof stqarr li kien ixxukkjat meta sema’ b’din l-aħbar għalkemm konna qal li konna nafu kemm kien qed ibati f’dawn l-aħħar ġimgħat “anke lbieraħ fl-aħħar messaġġ tiegħu fl-Urbi et Orbi kien jidher nifsu maqtugħ”.
Hu fakkar il-memorji tiegħu miegħu u kemm kien relazzjoni ta’ fiduċja u xogħol.
“Il-poplu tagħna jiftakar bi gratitudni kbira ż-żjara tiegħu fostna li xtaqha ħafna”
L-Arċisqof qal li l-poplu Malti u Għawdxi jiftakar bi gratitudni kbira ż-żjara li l-Papa Franġisku għamel fil-gżejjer Maltin fl-2022. Din kellha titressaq kemm-il darba minħabba l-pandemija imma meta seħħet il-poplu Malti seta’ jara kemm kien “bniedem b’qalb kbira li dejjem wassal il-messaġġ ta’ Ġesù.”
F’din iż-żjara l-Papa Franġisku fost il-postijiet li kien żar kien hemm il-Knisja tal-Madonna ta’ Pinu f’Għawdex u l-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far fejn hemmhekk seta’ jisma’ mill-qrib u b’attenzjoni l-istejjer tal-migranti.
Intant, fil-11am RTK103 se jwassal programm speċjali biex ifakkar il-memorja ta’ Papa Franġsiku.
Agħtih O Mulej il-Mistrieħ ta’ Dejjem, id-Dawl ta’ Dejjem Jiddi Fuqu, Jistrieħ fis-Sliem. Ammen.
Minn Gabriel Lia
Sors: Newsbook Malta