L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-aħwa, kull nhar ta’ Ġimgħa fir-Randan il-Vanġelu jinstigana biex insumu, imma jkollkom tistaqsuni: fil-Vanġelu li għadna kemm smajna, fuq liema sawm qiegħed jitkellem?

Ħafna drabi l-ġimgħat tar-Randan nassoċjawhom mad-drawwa li ma niklux laħam, jew li nippruvaw nieklu inqas mis-soltu; imma dan huwa sawm li jmiss il-ġisem.

Il-Mulej illum qed iħares lejn tip ieħor ta’ sawm: sawm minn imġiba li ħafna drabi tesprimi ruħha fir-rabja, fil-vjolenza. Qed jgħidilna tajjeb li ssumu mill-kliem iebes fuq xulxin, tajjeb li ssumu mir-rabja għal xulxin, mill-korla għal xulxin.

U jiena ngħidilkom li dan it-tip ta’ sawm għandna bżonnu ħafna, b’mod speċjali meta aħna ninfexxu niktbu fuq xulxin fuq is-social media. Ħafna drabi inti, għax mhux qed tara lil dak li jkun wiċċ imb wiċċ, tispara kliem iebes, kattiverja.

Ħafna nies ibatu minħabba l-kalunji, il-malafama, l-insulti li nagħtu lil xulxin, proprju għax mingħalina li ħadd ma jista’ għalina. Imma l-Mulej qed javżana li dan in-nuqqas ta’ kontroll fuq ir-rabja tagħna, il-mod kif nitkellmu fuq xulxin, irridu nagħtu kont tiegħu.

Qegħdin fi żmien tajjeb, għax kull paġna tal-Vanġelu hija aħbar tajba. Imma tgħiduli hawnhekk: hija aħbar tajba għal min isofri bl-ilsien kattiv ta’ ħaddieħor? Għax il-Mulej huwa xi ħadd li jiddefendini. Jgħidilna mhux biss toqtolx lil ħuk, imma li anke b’ilsienek tista’ toqtol lil ħuk jew lil oħtok.

Oqgħod attent: trid tagħti kont ta’ kull kelma iebsa, aħseb u ara jekk tkun xi ħaġa mhix vera. Hemm bżonn li neżaminaw lilna nfusna mhux biss fuq xi verità li ngħidu fuq xulxin – dik hija l-marda – imma li nkun naf xi ħaġa kerha fuqek u nxandrek. Imma hemm il-kalunja wkoll, li nivvinta xi ħaġa kerha fuqek u noqtlok biha. Irridu nagħtu kont ta’ kif nitkellmu fuq xulxin.

Kien hemm għaref li qal: Jekk ma tistax titkellem tajjeb fuq xi ħadd, l-aħjar ma tgħid xejn, ma tgħid xejn; għid ma nafx, ma nafux, ma nafhiex.

Imma għidtilkom li qegħdin fi żmien tajjeb għax il-Mulej jgħidilna li fejn nistgħu, nirranġaw is-sitwazzjoni waqt li għadna fil-vjaġġ, u allura jekk inti għadek fit-triq tista’ tirranġa u lil min ikun sa jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba, mill-aktar fis, waqt li tkun għadek miegħu fit-triq (Mt 5:25). Strada Irjali hemm barra hija famuża bħala t-triq li tagħti għall-qorti.

Nawguraw li l-qrati jkunu qrati ta’ ġustizzja. Imma aħna nafu li l-ġustizzja ta’ vera hija f’idejn Alla, li jara l-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Imma waqt li qegħdin fit-triq ta’ din il-ħajja, insaffu l-mod tagħna, l-ilsien tagħna, dak kollu li nagħmlu fuq is-social media, minn kull atteġġjament ta’ kundanna, ta’ inġustizzja, ta’ għira. Dan li qed jistenna minna dan is-sawm, b’hekk bl-isforzi li nagħmlu nkunu henjin u fidili.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Eżek 18:21-28
Salm: Salm 129(130):1-2,3-4ab,4ċ-6,7-8
L-Evanġelju: Mt 5:20-26