L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ħafna minna familjari ma’ din is-silta mill-Evanġelju skont San Mattew, fejn Ġesù jitkellem fuq il-ġudizzju, u jgħid dik is-sentenza tant importanti li hi l-qofol ta’ dal-kliem tiegħu fuq l-opri tal-ħniena: “kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Dan is-salib li għandi fuqi hawnhekk għandu, fil-fatt, miktub hekk madwaru: kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi; u, jekk taqilbu, in-naħa ta’ wara, hawn l-opri tal-ħniena li semma Ġesù llum fl-Evanġelju.

Ħa nħarsu ftit lejn dan il-kliem ta’ Ġesù, li hu kliem li għandu messaġġ ta’ sinifikat kbir għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett, Ġesù qed jgħid li se jkun hemm ġudizzju. Hawn Ġesù qed jitkellem fuq il-ġudizzju, u jagħmel dan mhux biex ibeżża’, għax il-kliem tiegħu qatt ma hu biex ibeżża’, imma biex lilna jurina r-realtà. Se nkunu ġġudikati fuq l-għemil tagħna. Dan ifisser li aħna ma nistgħux ngħixu qisu xejn mhu xejn, jew nimxu ma’ dak li jogħġobna, jew ma’ dak li qed jagħmel kulħadd. Se jkun hemm ġudizzju.

Hawn Ġesù jgħid fuqiex se jkun dan il-ġudizzju. Se jkun fuq l-imħabba. U hemm raġuni: għaliex Alla hu l-imħabba fil-milja tagħha. Hu lilna ħabbna l-ewwel, u jrid li din l-imħabba ngħixuha fil-ħajja tagħna mal-oħrajn. Hawn, meta Ġesù jsemmi l-imħabba, mhux qed jitkellem fuq xi ħaġa astratta, imma qed isemmi b’mod konkret kif nistgħu ngħixu, kif għandna ngħixu din l-imħabba fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Dan li jsemmi Ġesù hawn mhuwiex kliem li jgħodd għal ċerta kategorija ta’ nies. Jgħodd għal kulħadd. Għax kulħadd jista’ jgħix din l-imħabba bil-mod li qed isemmi Ġesù hawn. Ħu, per eżempju, meta Ġesù jgħid “kont marid u ġejtu tarawni” (Mt 25:36). Kemm hi sabiħa meta l-morda jsibu nies, ibda mill-familji tagħhom u l-qraba tagħhom stess, li jżuruhom u bil-preżenza tagħhom juruhom l-imħabba; bħalma hija ta’ qsim il-qalb meta jkun hemm morda abbandunati minn dawk l-aktar qrib tagħhom. U anke l-kliem l-ieħor li jsemmi Ġesù hawnhekk: qed jgħid li l-imħabba aħna rridu nuruha b’mod konkret, u din għandha tkun il-karatteristika tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù.

Hawn jgħaqqad ma’ dak li smajna fl-Ewwel Qari, mill-Ktieb tal-Levitiku. Hemmhekk, meta Alla qed jitkellem fuq il-kmandamenti, lin-nies jgħidilhom ħafna dak li ma għandhomx jagħmlu: ma jisirqux, ma jaqilgħux qlajja’ fuq l-oħrajn, ma jqarrqux bl-oħrajn, ma jżebilħux l-isem ta’ Alla. Hemm qed jgħid dak li ma għandniex nagħmlu. Dak hu importanti ħafna wkoll, u għandu joħroġ tassew mill-imħabba li għandna lejn Alla. Hemm ċerti affarijiet fil-ħajja li rridu nwarrbuhom jew naħdmu kontriehom. Dan jgħaqqad ma’ dak li jgħid l-Evanġelju. Fl-Ewwel Qari qed jgħid x’ma għandniex nagħmlu, hawn qed jgħid x’għandna nagħmlu – biex ma nibqgħux indifferenti quddiem it-tbatija u s-sofferenza tal-oħrajn. Għalhekk Ġesù jgħid kif aħna rridu ngħixu tassew l-imħabba li hu żera’ f’qalbna.

Nixtieqkom tinnutaw ukoll il-kliem tiegħu meta jgħid: “kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti…” Minn huma l-iżgħar? Huma l-aktar nies vulnerabbli, dgħajfa, dipendenti, dawk li huma fi bżonn kbir. Jekk neħduha anke litteralment, l-iżgħar hija l-ħajja fil-ġuf meta għadha ma twelditx imma hija diġà ħajja umana preżenti żgħira ħafna, li hi vulnerabbli, dgħajfa, dipendenti. Ma nistgħux din ma nikkunsidrawhiex, u għalina qisha ma teżistix. Meta hemm il-ħajja umana, din titlob minna l-imħabba li tilqa’. Imbagħad ukoll dawk kollha li fil-ħajja, b’xi mod jew ieħor, jeħtieġu l-għajnuna, li huma forsi emarġinati, u jeħtieġu li aħna nuruhom tassew l-imħabba bil-preżenza tagħna, bil-kelma tagħna, bl-appoġġ li aħna nuruhom. Hawn nifhmu kif Ġesù, meta jitkellem fuq l-imħabba, qed juri li l-imħabba mhijiex sempliċiment li jien inħobb lil dawk qrib tiegħi imma indifferenti lejn in-nies li ma nafhomx jew nies oħra li huma ’l bogħod, bħalma kultant tisma’ – qisu hemm xi “ordni tal-imħabba” (‘ordo amoris’) li qrib tiegħek kollox sew, imma nies oħra li huma ’l bogħod tibqa’ indifferenti għalihom. Mhux hekk qed jgħid Ġesù. Qed jgħid li għandna nħobbu tassew lil min hu qrib tagħna, imma qatt ma nagħlqu qalbna għal dawk li huma fil-bżonn, anke jekk ma nafuhomx, anke jekk mhumiex midħla tagħna. Hemm ukoll irridu nuru tassew l-imħabba kif jispjega Ġesù fl-Evanġelju llum.

Nitolbu llum lill-Mulej li din il-kelma tibqa’ f’qalbna meta jgħid: “kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. Għalhekk li niftakru li dak li nagħmlu ta’ ġid qed nagħmluh miegħu. Nitolbuh biex aħna qatt ma ngħaddu minn fejn ħaddieħor b’ħarsa indifferenti, b’qalb magħluqa, jew bil-pass imgħaġġel li jbegħidna minn dawk li huma fil-bżonn.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta