Aktar minn 100 sena ilu, żewġ Ġiżwiti Maltin tal-Provinċja Siċiljana tal-Kumpanija ta’ Ġesù marru lejn l-Indja biex iwasslu l-missjoni tagħhom bħala reliġjużi f’din l-art.
Sabiex wieħed isir Ġiżwita, huwa meħtieġ li jieħu erba’ voti: tal-faqar, tal-kastità, tal-ubbidjenza, bir-raba’ vot speċifikat għall-ubbidjenza fir-rigward tal-missjoni madwar id-dinja.
F’Ottubru tal-1924, il-Maltin Patri Anton DeBono u l-istudent Bernard Bugeja, flimkien ma’ student Ġiżwita ieħor Siċiljan Giuseppe Cordaro ħallew l-Ewropa biex marru lejn dan il-pajjiż enormi li jinsab madwar 6,356 kilmoetru ‘l bogħod mill-gżejjer Mediterranji.
Patri Anton li kien għadu stranjier għal-lingwa tal-post ġie assenjat f’Majlispur liema villaġġ jinsab kważi 5,000 kilometru ‘l fuq minn Kalkutta. Wara sena, Patri Benjamin Cauchi u aktar tard Patri Giuseppe Cordaro u Patri John Grech Cumbo ngħaqdu miegħu f’dawn il-villaġġi fejn minkejja li kien hemm mijiet ta’ Nsara, kien hemm ukoll numru sinifikanti ta’ Induisti u Musulmani.
F’temp ta’ ħames snin, l-ammont ta’ missjunarji f’Santal Pargana baqa’ jiżdied u flimkien magħhom iċ-ċentri tal-attivitajiet kif ukoll il-bini ta’ skola u knisja. Dan apparti l-ammont dejjem jikber ta’ nsara permezz tal-evanġelizzazzjoni mill-patrijiet Ġiżwiti.
Wara 20 sena mill-miġja tal-patrijiet Maltin fl-Indja, in-numru ta’ missjunarji Maltin tela’ għal 12 li kienu assenjati f’Santal Parganas; filwaqt li sal-1967 kien hemm madwar 50 Ġiżwita kif ukoll numru konsiderevoli ta’ skejjel.
Fost l-oqsma ewlenin tal-ordni, il-Ġiżwiti madwar id-dinja dejjem ħabirku u ġew fdati bl-appostolat universitarju, l‑edukazzjoni sekondarja, l‑ispiritwalità Injazjana, l‑appostolat soċjali, il‑pastorali tal‑vokazzjonijiet u l‑appostolat maż‑żgħażagħ, il‑lajċi u l‑kollaboraturi.
L-għan tal-fundatur San Injazju ta’ Loyola kien li bħala bnedmin ikkonsagrati, ifittxu u jsibu lil Alla f’kollox. Għaldaqstant huma jiddedikaw lilhon infushom u l-ħajja kollha tagħhom għall-“akbar glorja ta’ Alla”, hekk kif jistqarr il-motto uffiċjali tal-ordni: “Ad maiorem Dei gloriam” – AMDG; kif ukoll għall-ġid tal-umanità kollha.
B’aktar minn 16,000 qassis, frajjiet, skolastiċi u novizzi madwar id-dinja, il-Kumpanija ta’ Ġesù hija l-akbar ordni reliġjuża maskili fil-Knisja Kattolika.
Għaldaqstant, fl-okkażjoni tal-ewwel ċentinarju, l-Arċisqof ta’ Malta se jkun qed jiċċelebra quddiesa fil-Kulleġġ San Alwiġi f’Birkirkara, illejla fis-6pm.
Minn Luke Vella
Sors: Newsbook Malta