L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Nifirħu fit-tama” (Rum 12:12). Hija l-kelma tal-Appostlu Missierna lir-Rumani li l-Pawlini għeżież għażlu għal din is-sena u kienet għażla tassew xierqa. Qegħdin niċċelebraw il-Ġublew tas-sena 2025, li l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku xtaq li jkun iddedikat lit-tama. Illum l-10 ta’ Frar qegħdin hawn f’din is-sena ġubilari, f’din il-knisja ġubilari, sabiex minn idejn il-knisja nilqgħu l-grazzja tal-indulġenza plenarja, tal-ħelsien mit-tpattija kollha ta’ dnubietna. Nifirħu, nifirħu fit-tama. Imma xi tfisser din il-kelma li l-Appostlu Missierna jikteb lir-Rumani fil-vers 12 tal-kapitlu 12?
Min hu Pawlu li qed jikteb din il-kelma lin-nies ta’ Ruma? Kif iltqajna miegħu? Qegħdin hawn illum biex nirringrazzjaw ’il Alla tal-miġja tiegħu fostna f’nawfraġju drammatiku, f’sitwazzjonijiet drammatiċi, li laqqgħuna ma’ ħabsi mxarrab għasra u kellu x-xorti li jiltaqa’ magħna. Aħna nies ta’ qalb twajba li lqajna lilu u l-passiġġieri kollha tal-bastiment, miegħu u 275 oħra u mal-protos tagħna, li kellu l-awtorità ċivili, urejna xi tfisser umanità, xi tfisser qalb li ma tħarisx lejn il-kundizzjoni tal-bniedem imma lejn il-bżonn tiegħu. Din it-turija ta’ rispett lejn l-umanità, aħna għamilnieha qabel ma ltqajna ma’ Kristu. Jalla, wara elfejn sena li ltqajna ma’ Pawlu u ma’ Kristu, ma nitilfux id-diċenza oriġinali tal-ewwel abitanti ta’ din il-gżira.
Fil-vjaġġ lejn Malta, hemm espressjoni li smajnieha llum fil-qari mill-Atti tal-Appostli li ħallielna San Luqa. Ħin minnhom, fit-tempesta, Luqa jikteb: “fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw” (Atti 27:20) U hemmhekk jintervjeni Pawlu u jgħidilhom biex ma jibżgħux: “Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim, u qalli, ‘Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw’” (Atti 27:20).
Pawlu jagħmel ukoll kuraġġ lil sħabu. Dan Pawlu, bħala Lhudi, tgħallem jittama f’Alla wieħed. F’riġlejn Gamaljel f’Ġerusalemm, fejn mar minn Tarsu (illum it-Turkija), fejn trabba, mar Ġerusalemm biex ikun qrib l-iskejjel tal-liġi. Bħala persważjoni Lhudija, kien Fariżej. Hekk jgħid: kien akkanit għal-liġi t’Alla ħaj. Min jaf kemm-il darba qara, xtarr u talab fuq il-kliem tal-Profeta Ġeremija: “It-tama ta’ Iżrael int, Mulej, kull min jabbandunak, jitħawwad. Dawk li jitbiegħdu minnu fit-trab jinkitbu, għax telqu lill-Mulej, l-għajn tal-ilma ġieri” (Ġer 17:13).
Din il-mistoqsija nagħmilha lil Malta llum, lil kull wieħed u waħda minna. Fil-laqgħa tagħna ma’ Pawlu ltqajna ma’ bniedem li ma kellux it-tama tal-pagani. It-tama tal-pagani kienet li xi darba jiġri xi ħaġa li tiffavurini bħal min jaqta’ biljett tal-lotterija u jittama li jirbaħ. Mhix dik it-tama ta’ Pawlu. It-tama ta’ Pawlu li jsemmi wkoll il-Profeta Ġeremija hija dik li għandha fidi, persważjoni, li Alla jżomm kelmtu, li Alla ta’ min iħobbu, li Alla ta’ min jemmen fih. Imma min jabbandunah lil Alla? Ikun jitlaq u jabbanduna “l-għajn tal-ilma ġieri” (Ġer 17:13). X’se nagħmlu jien u inti? Aħna li ltqajna mal-Mulej għax laqqagħna miegħu Pawlu, x’se nagħmlu b’ħajjitna, bil-kultura tagħna, b’pajjiżna?
“Għax il-ħżiena jitqaċċtu ’l barra. Min jittama fil-Mulej jikseb l-art” (Salm 37:9). Ħa ngħidu li l-kelma ‘art’ hawnhekk hija l-progress, il-benesseri – “min jittama fil-Mulej” għax il-Mulej mhuwiex għadu tal-libertà tiegħek, tal-progress veru, tad-dinjità tiegħek. Il-Mulej, jekk tittama fih, hu l-garanzija tad-dinjità tiegħek, tal-progress veru u tal-ġid veru tiegħek. Agħraf lill-Mulej Alla tiegħek. Hu Alla, Alla l-fidil li jżomm għal elf nisel il-patt u t-tjieba tiegħu ma’ ħbiebu u ma’ dawk li jħarsu l-kmandamenti tiegħu. Dan hu l-pedament tat-tama ta’ Pawlu l-Appostlu Missierna u permezz tiegħu, għandu jkun ta’ kull wieħed u waħda minna.
Fl-Evanġelju l-kelma ‘tama’ tissemma darba biss. Meta Mattew iħares lejn il-vokazzjoni ta’ Ġesù ta’ Nazaret, li jkun dawl għall-ġnus, juża din l-espressjoni sabiħa, li tgħodd għalina wkoll, aħna u niċċelebraw il-laqgħa tagħna ma’ Pawlu, l-appostli ta’ Ġesù. “Fih jittamaw il-ġnus kollha”. Imma l-Appostlu Missierna huwa dak li jiżviluppa fl-ittri tiegħu t-teoloġija kollha tat-tama.
Jekk aħna qed niddedikaw din is-sena tal-grazzja lit-tama, għandna dejn kbir mat-tagħlim tal-Appostlu Missierna. Hekk jippreżenta ruħu fl-ewwel ittra lil Timotju: “Pawlu, Appostlu ta’ Kristu Ġesù b’ordni ta’ Alla s-salvatur tagħna, u ta’ Kristu Ġesù t-tama tagħna” (1 Tim 1:1-2). Mela, għeżież Pawlini, meta għażiltu dik il-frażi sabiħa mill-ittra ta’ Pawlu lir-Rumani, “Nifirħu fit-tama” (Rum 12:12), qed ngħidu li nifirħu b’Ġesù, mhux fina nfusna. Mhux b’kemm aħna bravi. Meta inti ta’ Nisrani qiegħed tifraħ bit-tama, qed tifraħ b’Ġesù t-tama tagħna. “Permezz tiegħu,” jgħid lir-Rumani, “għandna d-dħul bil-fidi għal din il-grazzja li qegħdin fiha,” għall-ħniena, għall-imħabba t’Alla. “Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja t’Alla” (Rum 5:2).
Mela t-tama fl-Appostlu Missierna San Pawl hi l-ewwel nett direzzjoni li tagħti lil ħajtek. Jekk inti għażilt lil Alla, li ngħatajt id-don fil-magħmudija tat-tama fih, għax mal-magħmudija ningħataw dawn id-doni spiritwali: il-fidi, it-tama u l-imħabba. Imma din it-tama trid issir stil ta’ ħajja. Din it-tama twasslek għall-ħajja ta’ dejjem. Min jittama f’Ġesù jkollu togħma tajba fil-ħajja. Il-pedament hu l-fidi. Il-mod konkret kif tgħixha hi l-imħabba. It-tama hi li tagħtik id-direzzjoni. Hi ankra u boxxla.
biex nużaw termini tant addattati għall-festa tal-lum, festa tan-nawfraġju imma wkoll ta’ ħelsien. “Aħna salvi bit-tama”, espressjoni sabiħa li juża l-Papa Benedittu XVI meta tana r-riflessjoni straordinarjament sabiħa u profonda fuq it-tama ‘Spes Salvi – Aħna salvi bit-tama’. Hi wkoll silta mill-ittra ta’ Pawlu missierna lir-Rumani, “Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama” (Rum 8:24) inkunu wasalna, m’għandniex bżonn mappa, m’għandniex bżonn direzzjoni. Wasalna. L-apps tal-lum jgħidulek, ‘arrived at destination’.
“Għax kif jista’ jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra?” (Rum 8:24). Imma aħna għandna bżonnha din it-tama għax għadna ma wasalniex. Aħna pellegrini, għalhekk il-Papa Franġisku bħala motto ta’ din is-sena għażel ‘Pelligrini tat-Tama’. Aħna fil-mixja tagħna tal-ħajja, għandna bżonn li din it-tama ttina d-direzzjoni u nistaqsu lilna nfusna: aħna fejn irridu mmorru? L-għażliet li qed nagħmlu bħala soċjetà, bl-għażliet personali, fejn irridu mmorru? X’inhi t-tama tagħna? U t-tama tagħna se ddaħħalna ġo ħajt? Allura mhix tama. Jew se tagħtina prospettivi lil hemm minn din id-dinja li tgħaddi.
Kulma nkiteb fl-iskrittura fl-imgħoddi inkiteb għat-tagħlim tagħna “biex bis-sabar u bil-faraġ li tagħtina l-iskrittura, aħna jkollna t-tama” (Rum 15:4). Dan il-kliem Pawlu kitbu meta kien ħabsi ppersegwitat, lill-komunità li kienet ippersegwitata, li kienet itturfnata għall-għażla tagħha ta’ Ġesù. U Pawlu l-Appostlu Missierna jsarraf it-tama tiegħu u ta’ ħutu l-Insara b’dawn iż-żewġ kelmiet: sabar u faraġ. Min ikollu t-tama, iħabbat kemm iħabbat il-maltemp, ikollu s-sabar, ir-reżiljenza, il-kapaċità li nkomplu, li ma taqta’ qalbek qatt, u jkollok ukoll il-faraġ, il-faraġ tal-qalb imma din id-direzzjoni trid tkun ukoll ibbażata fuq il-fidi fil-ħajja ta’ dejjem.
Ħafna drabi aħna u nħarsu lejn ħajjitna, nimxu lejn orizzont naqra limitat, ix-xefaq ikun wisq qrib tagħna, naħsbu fil-kuntentizza tal-ħajja tagħna t’issa u ninsew li qed nistennew it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu. Meta Pawlu kiteb dawn il-kliem lil Titu, kien jitkellem mill-esperjenza li diġà kellu, għax hu ra d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u s-salvatur tagħna Ġesù Kristu fit-triq ta’ Damasku. Imma kien jaf ukoll li dik id-dehra fit-triq ta’ Damasku li biddlitlu ħajtu u li għarfitu li t-tama tiegħu f’Alla hi wkoll it-tama f’Ġesù ta’ Nazaret. Kienet stedina għall-ħajja ta’ dejjem.
Min jittama vera u jaħseb fil-mewt ma jaħsibx f’xi ħaġa li ttemmlu ħajtu, imma ta’ bieb jew tieqa għall-ħajja ta’ dejjem. Ejjew naħdmu biex dan l-appuntament ta’ kull wieħed u waħda minna mas-Salvatur, din it-tama hienja tkun tassew laqgħa sabiħa, mhux frott tad-deċiżjoni li ntemmu ħajjitna qabel iż-żmien jew li ngħixu ħajja bla tama. Ejjew naħdmu biex meta niftakru fit-tmiem ta’ ħajjitna fuq din l-art, qalbna tiftakar f’dik it-tama hienja u Alla jbierek dak kollu li nagħmlu bħala soċjetà, biex min qiegħed qrib id-destinazzjoni ta’ din il-ħajja, il-ħajja ta’ dejjem ikun imwieżen bis-sapport tagħna, bis-servizzi kollha meħtieġa, bl-imħabba tal-aħwa mhux abbandunat, mhux imwarrab, imma rispettat, imwieżen, megħjun. U fl-Atti tal-Appostli, missierna jmexxina lejn il-qofol tat-tama tagħna.
“Ma rridux li ma tkunux tafu,” jikteb lit-Tessalonkin fuq il-mejtin, “biex ma ssewdux qalbkom bħall-oħrajn li m’għandhomx tama” (1 Tess 4:13). Ara hu jitkellem fuq il-mewt lit-Tessalonkin, jgħidilhom, “Ma rridkomx issewdu qalbkom.” Ejjew nifhmuha din li aħna meta ngħaddu mill-mewt, min ikun qrib tagħna nsewdu qalbna għalih u nibku bħalma għamel Ġesù quddiem il-mewt tal-ħabib tiegħu Lazzru. Imma jekk m’għandekx it-tama tal-ħajja ta’ dejjem, dak is-swied tal-qalb ma jintemm qatt. Il-faraġ tagħna hu aqwa. Aħna għandna ngħaddu minn dak l-istar, minn dak il-velu għall-ħajja ta’ dejjem. M’aħniex waħedna. U dawk ħutna li għaddew lil hemm mill-istar, mhumiex waħedhom. Aħna lkoll familja waħda fix-xirka tal-qaddisin.
“Ifirħu bit-tama, sabbru fil-hemm, itolbu bla waqfien” (Rum 12:12). Din hi l-istedina tal-appostlu Pawlu missierna fil-fidi f’din is-sena mqaddsa tal-grazzja. Ifirħu bit-tama, ifirħu li ħajjitkom għandha direzzjoni, hi Ġesù. Stabru għax it-tama, meta inti taf li qed tafda fil-kelma li ma tqarraqx bik, fil-kelma ta’ min iħobbok, li hu Alla l-imbierek, li l-kmandamenti tiegħu anke meta jisfidawk, jibqgħu kelma ta’ mħabba, ta’ faraġ u ta’ libertà vera. Allura t-tama tagħtik il-qawwa, tistabar fil-hemm. Itolbu bla waqfien.
‘Niftakru fil-ħidma li ġejja mill-fidi tagħkom,” ikompli jgħid San Pawl lit-Tessalonkin, “u fit-taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom fil-fidi u fl-imħabba.” Il-ħidma li ġejja mill-fidi, it-taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom, niftakru fil-qawwa tat-tama tagħkom f’Sidna Ġesù Kristu quddiem Alla missierna” (1 Tess 1:3). U għalhekk l-Appostlu Missierna, fit-tislima tiegħu lin-nies u mħabba lejn Ġesù jżewwaq it-tliet virtujiet li jgħallmuna nħarsu lejn Alla, il-fidi, it-tama u l-imħabba.
Imma San Pawl Appostlu Missierna jifhem li dawn mhumiex kwalitajiet biss tal-qalb, imma marbuta ma’ deċiżjonijiet konkreti li jħarsu wkoll lejn il-proxxmu. Niftakru fil-ħidma li ġejja mill-fidi tagħkom, fit-taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom, niftakru fil-qawwa tat-tama tagħkom” (1 Tess 1:3).
U dan l-awguri tiegħi lil pajjiżna. Sidna Ġesù Kristu stess u Alla Missierna, li ħabbna u tana l-kuraġġ ta’ dejjem u t-tama sħiħa bil-grazzja, iqawwilkom qalbkom u jsaħħaħkom f’kull għemil u kelma tajba.
Viva San Pawl Missierna!
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Għerf 14:3-7
Salm: 106:21-31
Qari II: Atti 27:16-28,10
L-Evanġelju: Mk 16:15-20