“Irridek issa stess tagħtini ras Ġwanni l-Battista fuq platt” (Mk 6:25). Din kienet it-talba li għamlet din it-tfajla lil Erodi, kif smajna fir-rakkont tal-martirju ta’ Ġwanni l-Battista. Hu rakkont traġiku ta’ ġrajja makabra, li għandha fiha l-forza, il-qawwa tal-ħażen, u fl-istess waqt ukoll hemm dan id-dawl fid-dlam – li hu Ġwanni l-Battista.
Ħa nħarsu lejn dak li turina din l-istorja. Turina, l-ewwel nett, il-qawwa tal-mibegħda, fiex twassal il-mibegħda. Erodja kienet tobgħod lil Ġwanni l-Battista. Kienet irrabjata minħabba dak li Ġwanni l-Battista kien jgħid lil Erodi. Kien minħabba fiha li Ġwanni l-Battista spiċċa l-ħabs, imma ma kinetx kuntenta li kien il-ħabs. Riedet toqtlu, u stenniet ġurnata tajba għaliha biex toqtlu. Imma mhux biss. Araw il-qawwa tal-mibegħda fiex twasslek. Din ma qaletx biss “irrid li toqtol lil Ġwanni l-Battista”, imma riedet li tinqatagħlu rasu. Għaliex? Għax minn fommu kien ħiereġ dak li kien jgħid lil Erodi: int qed tagħmel ħażin li għandek lil din, mart ħuk Filippu. Għalhekk taqtagħlu rasu. Dan hu fiex iwassal il-ħażen, speċjalment il-mibegħda li tista’ twassal għall-agħar affarijiet.
X’naraw iżjed f’din il-ġrajja? Naraw fejn iwassal il-kompromess morali. Ħa nħarsu lejn Erodi. L-Evanġelju jgħidlek li Erodi kellu ċertu rispett lejn Ġwanni l-Battista, u kien jieħu pjaċir jisimgħu, għalkemm mhux b’kollox li kien jgħidlu. Tefgħu l-ħabs “minħabba Erodja” (Mk 6:17). Kellu l-qawwa kollha bħala sultan, imma mbagħad ċeda taħt il-pressjoni u ma kienx kapaċi jagħżel dak li hu sewwa. Proprju għax ma kelluxd il-qawwa morali. Kellu l-poter, imma mhux il-qawwa morali li jagħżel dak li hu sewwa. Spiċċa biex ċeda għand din it-talba li għamlet bint Erodja mogħwija minn ommha, biex jaqta’ ras Ġwanni l-Battista. Ma kienx kapaċi jimxi mas-sewwa għaliex ċeda għall-pressjoni minħabba l-kelma li ta, minħabba n-nies li kien hemm, minħabba l-oħrajn.
X’naraw aktar f’din il-ġrajja? Naraw fiex twassal il-kultura tal-mewt. Ħaġa li tolqtok hija din: kif il-ħajja ta’ bniedem għalihom ma kienet tiswa xejn. Biex ma tmurx kontra l-kelma li tajt, toqtol lil xi ħadd? Dan hekk għamel. Mela l-ħajja tal-bniedem ma tiswa xejn? Jew tagħżel ta’ min tiswa u ta’ min ma tiswiex? Dik hi l-kultura tal-mewt li kienet mhux biss għal min imexxi, imma għal diversi nies. Irridu noqogħdu ħafna attenti għax il-kultura tal-mewt tfisser li l-ħajja umana mhijiex għażiża – jew tagħżel ta’ min hi u ta’ min le. Aħna nemmnu li kull ħajja umana hi għażiża, mill-ewwel mument tagħha, meta għadha ma twelditx imma tnisslet, sat-tmiem naturali tagħha. Għandna ngħożżu l-ħajja ta’ kull bniedem.
X’turik aktar din il-ġrajja? Qalb dal-ħażen kollu, għandna x-xhieda kuraġġuża ta’ Ġwanni l-Battista, li ma beżax jgħid il-verita anke meta dan swielu qares, swielu l-ħajja tiegħu. Ma qalx: Erodi qed jieħu pjaċir jismagħna, mela ħalli ma ngħidlux kollox ħa nibqgħu ħbieb. Le, kien jgħidlu l-verità ċara, ma kienx jibża’ jgħid il-verità. Kien kuraġġuż. Qeda b’fedeltà l-missjoni li Alla tah. Dan hu d-dawl jiddi fid-dlam. Ġwanni l-Battista baqa’ magħruf għall-fedeltà tiegħu, għall-kuraġġ tiegħu, bniedem li ma beżax jgħid il-verità, anke meta dan kien ifisser li jispiċċa maqtul.
Il-messaġġ lilna hu importanti: li aħna nagħrfu nagħżlu, bħala dixxipli ta’ Ġesu, dak li hu sewwa, dak li hu veru, dak li hu xieraq. U ma nibżgħux nagħżlu dan b’kuraġġ, anke meta dan ifisser sagrifiċċju. Forsi ma nispiċċawx bħal Ġwanni l-Battista, imma kultant ifisser sagrifiċċju li aħna rridu nagħtu xhieda ta’ dan anke f’ambjent differenti. Nitolbu lill-Mulej illum: biex jagħtina l-grazzja li aħna nkunu nies li nagħtu xhieda ta’ dak li nemmnu. Nagħmlu dan bla biża’, bil-kuraġġ, biex inkunu tassew qed inwasslu d-dawl tiegħu anke f’kuntest ta’ dlam.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta