Katarina Galea Curmi

Madwar 20 sena ilu, omm ta’ żewġt itfal li kienet qed tistenna tarbija ingħatat l-aħbar li t-tarbija fil-ġuf mhux qed jiżviluppalha l-moħħ kif mistenni, u li kawża ta’ hekk, ikun aħjar li tirreferi għall-abort, liema parir ġie rrifjutat mill-ġenituri.

Din l-istorja ħarġet fil-beraħ matul simpożju dwar il-kura ħolistika għall-familji li qed jistennew tarbija li għandha xi forma ta’ diżabilità, organizzat mil-Life Network Foundation, fejn bosta ommijiet kif ukoll professjonisti fil-qasam mediku esprimew l-esperjenzi u sitwazzjonijiet xejn faċli li jaffaċċjaw. Fosthom tkellem ukoll it-tabib John Bruchalski li minn professjonist li kien jagħmel l-abort fuq nisa tqal wasal biex sar tabib favur il-ħajja, liema konverżjoni seħħet meta kien qed iwettaq abort fuq mara u fil-pront twieldet it-tarbija li kien se jtemmilha ħajjitha qabel iż-żmien.

Christina Galea Curmi rrakkontat li vista fir-raba’ xahar tat-tqala biddlet il-ħajja tagħha u tar-raġel. Minn sken irriżulta li fuq moħħ it-tarbija bdiet tidher marka li ma setgħux jinterpretaw x’tikkonsisti. Minkejja li saru numru ta’ testijiet inkluż MRI fuq il-fetu, ir-riżultati ma setgħu jikkonkludu xejn.

Għaldaqstant, il-koppja rrikorriet għal parir minn żewġ timijiet prominenti fil-qasam mediku ta’ sptarijiet prestiġġjużi f’Londra u Boston. Wara bosta evalwazzjonijiet, l-esperti waslu għall-konklużjoni li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-moħħ tat-tarbija kien qed jiżviluppa. Minħabba t-tħassib tagħhom għall-iżvilupp newroloġiku tat-tarbija hija u tikber, il-professjonisti waslu biex issuġġerew lill-koppja tagħmel abort.

Madanakollu, il-koppja Galea Curmi rrifjutat dan il-parir, hekk kif għalihom li kienu diġà ġenituri ta’ żewġt itfal, kienu lesti li jilqgħu it-tielet wild tagħhom minkejja l-problemi li setgħet iġarrab. L-omm, Christina, qalet li kienu kommessi li jagħtu l-aħjar ħajja possibli lit-tifla tagħhom.

Katarina Galea Curmi
It-tarbija titwieled kompletament b’saħħitha

Meta wasal il-jum tat-twelid, Katarina twieldet b’C-section u għall-iskantament ta’ kulħadd, twieldet kompletament b’saħħitha. Għaldaqstant, il-biża’ u l-ansjetà mill-pariri li ngħataw mit-tobba sfaxxaw fix-xejn, hekk kif f’idejhom kellhom tarbija mingħajr ebda anormalità.

Għaldaqstant, matul il-konferenza Christina saħqet li l-parir tal-esperti mediċi ma kienx biss misinterpretazzjoni iżda wkoll kif minkejja l-iżviluppi mediċi li qed isiru fix-xjenza, xorta jistgħu jkunu suġġetti għall-iżball. Iktar minn hekk, semmiet kif wieħed ma għandu jissuġġerixxi t-terminazzjoni tal-ħajja għall-ebda raġuni.

20 sena wara, dik it-tarbija li skont l-esperti kellha tiġi abortita, Katarina, hija studenta li qed taħdem fil-qasam tas-saħħa u tiddedika l-ħajja tagħha fis-servizz lejn l-oħrajn. Il-ħajja tagħha, għaldaqstant, isservi bħala xhieda tal-valur fundamentali tal-ħajja tal-bniedem.

Ma’ Newsbook Malta, Katarina li tinsab fit-tielet sena tal-kors tagħha biex issir qabla – midwife – qalet li l-istudju tagħha qed jgħinha tapprezza dejjem iktar l-isfidi kbar li jgħaddu minnhom l-ommijiet u l-missirijiet fit-tqala.

Hi kompliet tgħid li l-istudju jikkonsolida l-għarfien tagħha speċjalment f’każijiet ta’ diffikultà għall-ġenituri u t-tarbija fil-ġuf. “Għalhekk napprezza dejjem iktar l-għażliet li għamlu l-mamà u l-papà,” qalet ma’ dan is-sit.

Katarina Galea Curmi

Min-naħa tagħha, l-omm sostniet li l-esperjenza li għaddiet minnha tiżvela l-bżonn li wieħed jistaqsi u jeżamina l-vuċijiet l-aktar b’saħħithom partikolarment dawk tal-awtorità.

Hija temmet id-diskors tagħha tistqarr li l-valur tal-ħajja ma jistax jitkejjel dejjem mill-aspett tas-saħħa jew tal-konvenjenza, iżda mid-determinazzjoni u l-fidi li twassal għal riżultati straordinarji.

Source: Newsbook.com.mt