L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Għar tal-ħallelin” (Lq 19:45). Dan hu l-kliem iebes li jgħid Ġesù llum, kif naqraw fl-Evanġelju skont San Luqa, meta jidħol fit-tempju u jaqbad ikeċċi l-bejjiegħa li kien hemm fit-tempju. Mhux biss ikeċċihom, imma jgħid li d-dar ta’ Alla, dar it-talb, huma għamluha għar tal-ħallelin.

Hu kliem iebes dan, li nsibuh ukoll fl-Evanġelji ta’ San Mattew u San Mark. Il-ġrajja nnifisha hija fl-erba’ Evanġelisti, tant għamlet impatt. Imma dal-kliem iebes ifakkarna, l-ewwel nett, li dawn mhux biss kienu qed ibigħu hemm, imma kienu qed jisirqu. Nixtieq li nirriflettu fuq dal-kliem ta’ Ġesù. Is-serq, kemm meta jsir bil-miftuħ, kemm meta jsir minn taħt, hu dejjem ħażin u ksur tal-kmandament ta’ Alla “la tisraqx”. U min jisraq hu obbligat li jrodd lura. San Ġorġ Preca kien jgħid “l-oġġett jgħajjat lil sidu”. Jekk inti tieħu xi ħaġa li mhijiex tiegħek, ma ssirx tiegħek għax ħadtha. Għandek troddha lura, jekk verament trid li tkun bil-paċi f’qalbek u l-kuxjenza f’postha.

Imma apparti din l-espressjoni li Ġesù juża hawnhekk, “għar tal-ħallelin”, kien hemm dawn il-bejjiegħa fit-tempju u Ġesù keċċiehom. Irridu niftakru hawnhekk li dawn il-bejjiegħa ma kinux qegħdin fit-tempju biex jirredikolaw it-tempju, jew b’żufjett, imma kellhom skop għaliex kienu hemm. Kien ikun hemm bejjiegħa f’parti tat-tempju biex ibigħu l-annimali għas-sagrifiċċju, bħalma nsibu anke fil-ġrajja ta’ meta Marija u Ġuzeppi ppreżentaw lil Ġesu fit-tempju, u r-rakkont jgħid li kellhom joffru b’sagrifiċċju “par gamiem jew żewġ bċieċen” (Lq 2:24). Dawn kienu jbigħu għalhekk, għas-sagrifiċċju. L-iskop tagħhom kien biex in-nies jistgħu joffru s-sagrifiċċju fit-tempju. Imma li ġara kien li t-tempju sar post tan-negozju u maż-żmien insew li hu d-dar ta’ Alla, dar it-talb, u sar iktar il-post fejn ikun hemm ħafna moviment, ħafna attività, imma l-iktar ħaġa importanti mwarrba fil-ġenb.

Din il-ġrajja għandha messaġġ importanti għalina. L-ewwel nett li niftakru li l-knisja, li hi t-tempju ta’ Alla, hi dar it-talb, u dak kollu li hemm fil-knisja għandu jindirizzana lejn din il-qima lejn Alla. Jekk l-affarijiet ifixkluna minn dan, qed ifixkluna mill-iktar skop essenzjali. Fil-knisja aħna mmorru biex nagħtu qima lil Alla, u għalhekk għandu jkun hemm rispett lejn id-dar ta’ Alla u għandu jkun hemm l-ambjent li jgħin f’dan. Fil-knisja aħna ma mmorrux biex niġbdu l-attenzjoni fuqna nfusna, jew biex nagħmlu diskursata ma’ min ikun hemm, jew biex noqogħdu bil-mobile naqraw il-messaġġi jew nibagħtuhom. Mhux postu fil-knisja dan, ma għandniex nagħmlu dan fil-knisja. Il-knisja għandha tkun id-dar fejn nagħtu qima lil Alla u ngħinu b’kull mezz biex ngħożżu d-dar tiegħu bħala dar it-talb.

Ifakkarna wkoll hawnhekk li mhijiex biss il-knisja, il-bini, it-tempju ta’ Alla, imma li bil-magħmudija, kull wieħed u waħda minna sirna tempju ta’ Alla. Dan ifisser li aħna għandna niftakru li ħajjitna għandha tkun ħajja ta’ għaqda ma’ Alla u nfittxu li nkunu tassew it-tempju li fih jgħammar Alla. Hemm espressjoni sabiħa ta’ San Ċesarju ta’ Arles, li jgħid: inti meta tmur il-knisja, tridha nadifa l-knisja? Il-bini tridu nadif? Aħdem biex it-tempju li huwa int ukoll ikun nadif. Tridha mdawla l-knisja? Aħdem biex it-tempju, li huwa int, ikun imdawwal bid-dawl tiegħu. Kemm hi sabiħa meta niftakru li aħna t-tempju ta’ Alla, u għandna nirrispettaw dan it-tempju, li hu aħna, u jgħinna biex inkunu tassew f’għaqda sħiħa ma’ Alla.

Hemm ħaġa oħra li tfakkarna fiha din il-ġrajja, li hi importanti wkoll. Aħna ma’ Alla ma mmorrux fit-talb biex ninnegozjaw, biex qisna ngħidulu: int agħmel din, u jien nagħmillek hekk. Ma’ Alla mmorru niltaqgħu għax nafu li hu jħobbna, li dejjem jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina, u aħna nilqgħu dan bi gratitudni u nqiegħdu quddiemu x-xewqat tagħna u t-talbiet tagħna. Ir-relazzjoni ma’ Alla għandha tkun din ir-relazzjoni ta’ mħabba, mhux relazzjoni ta’ qisna tnejn li qed ninnegozjaw. U meta ngħixu tassew dir-relazzjoni ta’ mħabba, inkunu tassew qegħdin nifhmu dak li għamel Ġesù hawnhekk meta ried li t-tempju jkun ippurifikat.

Jalla din ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla tkun ippurifikata biex tkun tassew relazzjoni ta’ mħabba.

Nitolbu lill-Mulej illum biex ngħożżu t-tempju tiegħu, il-knisja, bħala dar it-talb, dar fejn inqimu lil Alla; imma li wkoll nagħmlu minn ħajjitna tempju li jogħġob lil Alla, tempju li fih tassew inqimu lil Alla bi kliemna u b’għemilna.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta