Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
L-azzjoni santifikatriċi tal-Ispirtu s-Santu, barra fil-Kelma ta’ Alla u fis-Sagramenti, tidher ukoll fit-talb, u hu lil dan li rridu niddedikaw ir-riflessjoni tal-lum: it-talb. L-Ispirtu s-Santu huwa fl-istess waqt suġġett u oġġett tat-talb Nisrani. Jiġifieri hu Dak li jagħtina t-talb u hu Dak li hu mogħti lilna permezz tat-talb. Aħna nitolbu biex nirċievu l-Ispirtu s-Santu u nirċievu l-Ispirtu s-Santu biex nistgħu nitolbu tassew, jiġifieri bħala wlied Alla, mhux ilsiera. Ejjew naħsbu ftit f’dan: nitolbu bħala wlied Alla, mhux ilsiera. Dejjem għandna nitolbu bil-libertà. “Illum irrid nitlob dan, dan, dan, dan, għax jien wegħidt dan, dan, dan… Inkella mmur l-infern!”. Le, dan mhuwiex talb. It-talb hu ħieles. Inti titlob meta l-Ispirtu jgħinek titlob. Int titlob meta tħoss fil-qalb tiegħek il-bżonn li titlob; u meta ma tħoss xejn, ieqaf u staqsi lilek innifsek: għax m’iniex inħoss ix-xewqa li nitlob, x’qed jiġri f’ħajti? Dejjem, l-ispontanjetà fit-talb hi dak li jgħinna l-aktar. Dan hu li jfisser nitolbu bħala wlied, mhux ilsiera.
Qabelxejn, irridu nitolbu biex nirċievu l-Ispirtu s-Santu. F’dan ir-rigward hemm kelma preċiża ħafna ta’ Ġesù fil-Vanġelu: “Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” (Lq 11:13). Kull wieħed, kull wieħed minna, liċ-ċkejknin nafu nagħtuhom ħwejjeġ tajba, sew jekk huma l-ulied, sew jekk huma n-neputijiet jew il-ħbieb. Iċ-ċkejknin dejjem jirċievu ħwejjeġ tajba mingħandna. U kif il-Missier ma jagħtiniex l-Ispirtu? U dan jimliena bil-kuraġġ u nistgħu nibqgħu mexjin ’il quddiem. Fit-Testment il-Ġdid naraw lill-Ispirtu s-Santu jinżel dejjem waqt it-talb. Jinżel fuq Ġesù fil-magħmudija fil-Ġordan, waqt li “kien qiegħed jitlob” (Lq 3:21); u jinżel f’Pentekoste fuq id-dixxipli, waqt li “lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien” (Atti 1:14).
Din hija l-unika “setgħa” li għandna fuq l-Ispirtu ta’ Alla. Is-setgħa tat-talb: għat-talb hu ma jirreżistix. Nitolbu u hu jiġi. Fuq l-Għolja tal-Karmelu l-profeti foloz ta’ Bagħal – tiftakruha dik is-silta tal-Bibbja – bdew jiċċaqilqu biex isejħu n-nar mis-sema fuq is-sagrifiċċju tagħhom, imma ma seħħ xejn, għax kienu idolatri, kienu jaduraw alla li ma jeżistix; Elija beda jitlob u n-nar niżel u ħaraq l-offerta (ara 1 Slat 18:20-38). Il-Knisja ssegwi fedelment dan l-eżempju: dejjem issibilha fuq xofftejha t-talba: “Ejja! Ejja!”, kull darba li ddur lejn l-Ispirtu s-Santu, “ejja!”. U dan tagħmlu fuq kollox fil-Quddiesa biex hu jinżel bħal nida u jqaddes il-ħobż u l-inbid għas-sagrifiċċju Ewkaristiku.
Imma hemm ukoll l-aspett l-ieħor, li hu l-iżjed importanti u inkuraġġanti għalina: l-Ispirtu s-Santu hu Dak li jagħtina t-talb veru. San Pawl dan jaffermah: “L-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem; u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skont ma jrid Alla” (Rum 8:26-27).
Huwa minna, aħna ma nafux kif nitolbu, ma nafux. Jeħtieġ nitgħallmu ta’ kuljum. Ir-raġuni ta’ din id-dgħufija tat-talb tagħna fl-imgħoddi ġiet miġbura f’kelma waħda, użata bi tliet modi differenti: bħala aġġettiv, bħala nom u bħala avverbju. Faċli li niftakruha, anki għal min ma jafx Latin, u tajjeb li nżommuha f’moħħna, għax waħidha tiġbor trattat sħiħ. Billi aħna umani, kien jgħid dak il-qawl, “mali, mala, male petimus”, li jfisser: billi aħna ħżiena (mali), nitolbu ħwejjeġ żbaljati (mala) u b’mod żbaljat (male). Ġesù jgħid: “Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll” (Mt 6:33); imma aħna l-ewwel infittxu ż-żejjed, jiġifieri l-interessi tagħna – tant drabi! –, u ninsew għalkollox nitolbu s-saltna ta’ Alla. Nitolbu lill-Mulej is-Saltna, u kollox jiġi magħha.
L-Ispirtu s-Santu jiġi, iva, biex jidħol għalina fid-dgħufija tagħna, imma jagħmel xi ħaġa iktar importanti: jagħtina xhieda li aħna wlied Alla u jqiegħed fuq xofftejna l-għajta: “Missier!” (Rum 8:15; Gal 4:6). Aħna ma nistgħux ngħidu: “Missier, Abba” mingħajr il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. It-talb Nisrani mhuwiex il-bniedem li min-naħa tat-telefon qed ikellem lil Alla li jinsab in-naħa l-oħra, le, huwa Alla li jitlob fina! Nitolbu lil Alla permezz ta’ Alla. Nitolbu jfisser nidħlu f’Alla u Alla jidħol fina.
Huwa proprju fit-talb li l-Ispirtu s-Santu jidher bħala l-“Paraklitu”, jiġifieri avukat u difensur. Ma jixliniex quddiem il-Missier, imma jiddefendina. Iva, jiddefendina, jikkonvinċina mill-fatt li aħna midinbin (ara Ġw 16:8), imma dan jagħmlu biex jista’ jdewwaqna l-ferħ tal-ħniena tal-Missier, mhux biex jeqridna b’sensi votja ta’ ħtija. Anki meta l-qalb tagħna ċċanfarna fuq xi ħaġa, hu jfakkarna li “Alla hu aqwa mill-kuxjenza tagħna” (1 Ġw 3:20). Alla hu akbar mid-dnub tagħna. Ilkoll aħna midinbin… Ejjew naħsbu ftit: forsi xi ħadd minnkom – ma nafx – tant għandu biża’ minħabba l-affarijiet li għamel, għandu biża’ li Alla se jċanfru, għandu biża’ dwar ħafna affarijiet u ma jirnexxilux isib il-paċi. Itlob, sejjaħ lill-Ispirtu s-Santu u hu jgħallmek kif titlob maħfra. U tridu ngħidilkom ħaġa? Alla ma jafx ħafna grammatika u meta aħna nitolbu maħfra, ma jagħtiniex ċans nispiċċaw! “Maħ…” u hemm hu, ma jagħtiniex ċans nispiċċaw il-kelma maħfra. Jaħfrilna minn qabel, jaħfirlna dejjem, hu dejjem qrib tagħna biex jaħfrilna, qabel ma aħna nkunu temmejna l-kelma “maħfra”. Ngħidu “maħ…” u l-Missier jaħfrilna dejjem.
L-Ispirtu s-Santu jaqbeż għalina u jgħallimna wkoll ninterċedu, min-naħa tagħna, għal ħutna; jgħallimna t-talba ta’ interċessjoni: nitolbu għal din il-persuna, nitolbu għal dak il-marid, għal dak li qiegħed il-ħabs, nitolbu…; nitolbu għall-kunjata wkoll, u nitolbu dejjem, dejjem. Din it-talba hi partikularment mogħġuba quddiem Alla għax hi l-aktar waħda li ma tistenna xejn lura. Meta kull persuna titlob għal kulħadd, jiġri li – dan qalu Sant’Ambroġ – kulħadd jitlob għal kull persuna; it-talb jimmultiplika ruħu.[i] It-talb hekk hu. Din hi ħidma tant prezzjuża u meħtieġa fil-Knisja, b’mod speċjali f’dan iż-żmien ta’ tħejjija għall-Ġublew: li ningħaqdu mal-Paraklitu li “jidħol għalina lkoll skont il-pjan ta’ Alla”.
Imma ma rridux nitolbu bħall-pappagalli, nitlobkom! Mhux tgħid “bla, bla, bla…”. Le. Għid: “Mulej”, imma għidha minn qalbek. “Għinni, Mulej”. “Inħobbok, Mulej”. U meta titolbu l-Missierna, itolbu: “Missierna, int Missieri”. Itolbu bil-qalb u mhux bix-xufftejn, tagħmlux bħall-pappagalli.
Ħa jgħinna l-Ispirtu fit-talb, li tant għandna bżonn! Grazzi.
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[i] De Cain et Abel, I, 39.
Source: vaticannews.va