L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ġesù kien jgħallem u juri lin-nies kif għandhom jgħixu, imma kultant Ġesù mhux biss kien jgħid dan, imma kien jagħmel mistoqsijiet. Fil-fatt, ħaġa li tolqtok hi meta tara n-numru ta’ mistoqsijiet li Ġesù kien jagħmel biex iġiegħel lin-nies jaħsbu. U hawn, fl-Evanġelju tal-lum, għandna żewġ mistoqsijiet li Ġesù jagħmel lin-nies. L-ewwel mistoqsija: “…iż-żmien ta’ issa kif ma tafux tfissruh?” (Lq 12:56) U t-tieni mistoqsija: “U għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?” (Lq 12:57)
L-ewwel mistoqsija li għamel Ġesù hi għaliex ilmenta man-nies kif huma kienu kapaċi jaraw it-temp u jgħidu hix ġejja x-xita jew hux se tagħmel is-sħana – fil-fatt jgħid “tafu taqraw wiċċ is-sema u wiċċ l-art ukoll” (Lq 12:56) – imbagħad jgħid: “mela ż-żmien ta’ issa kif ma tafux tfissruh?” Ġesù qed jgħid: intom kapaċi taqraw it-temp, u taraw hux se jagħmel maltemp jew hix se tkun is-sħana, imma ż-żmien ta’ issa le. Huma s-sinjali li raw f’Ġesù stess – tant mirakli li kien jagħmel, il-fatt li l-profeti ħabbruh minn qabel. Jgħid Ġesù: kif m’intomx kapaċi li ż-żmien ta’ issa tagħrfuh? Jiġifieri, qed jgħid Ġesù: tagħrfu li jien hu!
Imbagħad jgħidilhom ukoll: “għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?” Ġesù qed jgħid: intom ħafna drabi toqogħdu fuq x’jgħidu l-Fariżej u l-kittieba – il-kapijiet reliġjużi ta’ dak iż-żmien. Imma qed jgħidilhom Ġesù: iġġudikaw intom stess. Timxux sempliċiment ma’ dak li qed jagħmel kulħadd, tħallux min imexxikom minn imniħerkom. Imma ġġudikaw intom stess x’inhu s-sewwa. Nafu kemm hu veru dal-kliem ta’ Ġesù, għax fl-aħħar, fil-Passjoni, hekk kien hemm: kien hemm nies li kienu mmexxijin mill-kapijiet, u jgħidu kontra Ġesù, jgħajruh, jinsulentawh, għax imxewxin mill-kapijiet tagħhom.
Dawn iż-żewġ mistoqijiet huma importanti wkoll għalina, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, għaliex Ġesù, bħalma qal lin-nies qed jgħid lilna lkoll. L-ewwel nett: “iż-żmien ta’ issa kif ma tafux tfissruh?” Qed iħeġġiġna biex aħna nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet. U nagħmlu dan jekk aħna jkollna tassew l-għerf li ġej mingħand Alla, li jgħinna biex ikollna dak li nsejħulu “dixxerniment” – kelma li tfisser li int tagħraf dak li l-Ispirtu s-Santu qed jurik illum, għall-ħajja tiegħek personali, anke għall-ħajja fis-soċjetà. Nafu li l-Mulej jurina, anke llum, is-sinjali. Narawhom permezz ta’ oħrajn kultant, narawhom fis-soċjetà tagħna. It-talba li għandna nagħmlu llum hija biex aħna jkollna dan l-għerf u l-għaqal li jagħtina Alla biex nagħrfu tassew is-sinjali tiegħu u nimxu magħhom. Dan kemm aħna personali, kif ukoll aħna bħala Knisja, bħala komunità. Għax il-Knisja wkoll trid tagħraf is-sinjali taż-żminijiet. Dak hu l-iskop ukoll, fost l-oħrajn, tas-Sinodu li qed isir bħalissa flimkien mal-Papa Franġisku ġewwa Ruma. Huwa mezz kif il-Knisja flimkien titlob l-għajnuna ta’ Alla, l-Ispirtu tiegħu, biex tagħraf is-sinjali taż-żminijiet. Għandna bżonn l-għajnuna tal-Mulej biex nagħrfu s-sinjali tiegħu, u nwieġbu għalihom illum.
It-tieni domanda hi wkoll importanti għalina, għax Ġesù jgħid: “għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?” Qed jgħid li aħna għandna r-responsabbiltà li nagħrfu tassew nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin. Għandna responsabbiltà li l-ħażin ma nsejħulux tajjeb biex nimxu miegħu. Meta jgħid “intom stess”, qed jgħid kemm hu importanti li aħna nerfgħu r-responsabbiltà personali biex dak li qed nagħżlu jkun tassew dak li jrid minna l-Mulej, u mhux sempliċiment mexjin mal-kurrent, jew nirraġunaw li llum kulħadd hekk qed jagħmel, jew dak hu l-istil ta’ ħajja llum u nimxu miegħu. Għalhekk Ġesù jgħid li hu importanti: “iġġudikaw intom stess x’inhu s-sewwa”.
Nitolbu lill-Mulej l-għerf tiegħu u l-għajnuna tiegħu biex aħna nagħrfu nwieġbu għas-sinjali taż-żminijiet, fil-ħajja tagħna personali u fil-ħajja tagħna bħala Knisja. U biex f’dak li nagħmlu ma nimxux sempliċiment ma’ dawk li jmexxuna, jew inkella ma’ dak li qed jagħmel kulħadd jew li qed jgħid kulħadd, imma li nagħżlu tassew dak li nagħrfu li jrid Alla, u nimxu miegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta